Suċċessjonijiet

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

L-Artikolu 78 (a) - l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-qrati jew l-awtoritajiet kompetenti b'ġuriżdizzjoni biex jittrattaw applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ eżekutorjetà skont l-Artikolu 45(1) u appelli kontra deċiżjonijiet dwar tali applikazzjonijiet skont l-Artikolu 50(2)

Fl-Estonja, il-qrati tal-kontea huma kompetenti biex jisimgħu rikorsi għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà skont l-Artikolu 45(1) tar-Regolament. Hemm erba’ qrati tal-kontea fl-Estonja: Il-Qrati tal-Kontea f’Harju, Pärnu, Tartu u Viru. L-informazzjoni dwar kif tista’ tikkuntattja lill-qrati tal-kontea hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-qrati.

Fl-Estonja, il-qrati distrettwali huma kompetenti biex jisimgħu appelli kontra deċiżjonijiet għal dikjarazzjoni ta' eżegwibbiltà skont l-Artikolu 50(2) tar-Regolament. Hemm żewġ qrati distrettwali fl-Estonja: Il-Qorti Distrettwali ta’ Tallinn u l-Qorti Distrettwali ta’ Tartu. L-informazzjoni dwar kif tista’ tikkuntattja lill-qrati distrettwali hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-qrati.

L-appelli quddiem il-qrati distrettwali jsiru mid-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati tal-kontea.

Bħala qorti tat-tieni istanza, il-Qorti Distrettwali ta’ Tallinn tisma’ l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Kontea ta’ Harju u ta’ Pärnu. Bħala qorti tat-tieni istanza, il-Qorti Distrettwali ta’ Tartu tisma’ l-appelli mid-deċiżjonijiet tal-Qrati tal-Kontea ta’ Tartu u ta’ Viru.

L-Artikolu 78 (b) - il-proċeduri ta’ biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni mogħtija fuq appell imsemmija fl-Artikolu 51

Fl-Estonja dawn il-proċedimenti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Suprema. Sentenza tal-qorti distrettwali tista’ tiġi kkontestata permezz ta’ appell quddiem il-Qorti Suprema. Appell kontra sentenza jista’ ikun ibbażat biss fuq il-fatt li, meta’ ngħatat is-sentenza, il-qorti distrettwali applikat b’mod inkorrett dispożizzjoni tal-liġi sostantiva jew kisret b’mod serju dispożizzjoni tal-liġi proċedurali u dan il-fatt seta' wassal għal deċiżjoni inkorretta tal-qorti.

L-informazzjoni ta’ kuntatt hija disponibbli fuq is- sit elettroniku tal-Qorti Suprema.

L-Artikolu 78 (c) - informazzjoni rilevanti rigward l-awtoritajiet kompetenti biex joħorġu ċ-Ċertifikat skont l-Artikolu 64

Fl-Estonja iċ-Ċertifikati Ewropej tas-Suċċessjoni jinħarġu min-nutara, skont l-Artikolu 64 tar-Regolament. L-informazzjoni aġġornata ta’ kuntatt tan-nutara kollha li ġew maħtura fl-Estonja hija disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kamra tan-Nutara, jew permezz tal-funzjonalità Kif issib nutar.

L-Artikolu 78 (d) - il-proċeduri ta’ rimedju msemmija fl-Artikolu 72

Fl-Estonja dawn il-proċedimenti jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-kontea.

Il-kontestazzjoni ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ minn nutar issir permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-kontea li fil-ġurisdizzjoni tagħha jinsab in-nutar li ħareġ iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Il-qorti tal-kontea tagħti deċiżjoni ġudizzjarja rigward ir-rikors.

Id-deċiżjoni tal-qorti tal-kontea tista’ tiġi appellata quddiem il-qorti distrettwali, u d-deċiżjoni tal-qorti distrettwali dwar l-appell tista’ mbagħad tiġi appellata quddiem il-Qorti Suprema.

L-Artikolu 79 - Stabbiliment u emendar sussegwenti tal-list li fiha l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)

Ma hemm ebda awtoritajiet bħal dawn fl-Estonja.

L-aħħar aġġornament: 29/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.