Notifika ta’ dokumenti (riformulazzjoni)

Latvja

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

L-Artikolu 3(1) – Aġenziji mittenti

It-trażmissjoni tad-dokumenti f’pajjiż ieħor tiġi żgurata mill-qrati distrettwali (tal-bliet) (rajonu (pilsētu) tiesas), mill-qrati reġjonali (apgabaltiesas) jew mill-Qorti Suprema (Augstākā tiesa).

L-Artikolu 3(2) – Aġenziji riċeventi

Il-korp ċentrali li jirċievi u jeżegwixxi t-talbiet għan-notifika ta’ dokumenti barranin huwa l-Kunsill tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati tal-Latvja (Zvērinātu tiesu izpildītāju padome).

Il-Kunsill tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati

Indirizz: Lāčplēša iela 27-32, Riga, LV-1011, Latvia

Telefown: (+371) 67290005; Faks: +371 67290006

indirizz tal-posta elettronika: documents@lzti.lv

L-Artikolu 3(4)(c) – Mezzi biex jirċievu d-dokumenti

Fil-Latvja, talbiet minn Stati Membri oħra għan-notifika ta’ dokumenti u għal ċertifikati tan-notifika ta’ dokumenti jiġu aċċettati jekk jintbagħtu bil-posta.

Id-dokumenti jiġu aċċettati elettronikament ukoll jekk ikunu ċċertifikati kif xieraq.

L-Artikolu 3(4)(d) – Lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I

Minbarra l-Latvjan, fil-Latvja jiġu aċċettati wkoll formoli standard mimlijin bl-Ingliż.

L-Artikolu 4 – Korp ċentrali

Il-korp ċentrali hu l-Ministeru tal-Ġustizzja (Tieslietu ministrija).

Indirizz: Brīvības bulvāris 36, Riga, LV-1536

Telefown: +371 67036802

indirizz tal-posta elettronika: pasts@tm.gov.lv

L-Artikolu 7 – Assistenza f’inkjesti dwar indirizzi

Il-Latvja għażlet il-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament, jiġifieri tipprovdi informazzjoni dettaljata permezz tal-Portal tal-Ġustizzja Elettronika dwar kif jinstabu l-indirizzi tal-persuni li għandhom jiġu nnotifikati. Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, nindikaw li:

1. Biex issib l-indirizz ta’ persuna fiżika, tista’ tiġi ppreżentata talba uffiċjali lill-Uffiċċju taċ-Ċittadinanza u tal-Affarijiet relatati mal-Migrazzjoni li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Intern, li jżomm reġistru ta’ persuni fiżiċi. It-talba għal estratt mir-reġistru ta’ persuni fiżiċi trid tiddikjara r-raġunijiet għaliex id-data tkun meħtieġa, b’tali mod li l-proċessuri tad-data jkunu jistgħu jiddeċiedu dwar jekk ikunx hemm raġunijiet validi biex tiġi pprovduta d-data.

2. L-indirizz ta’ kumpanija jista’ jinkiseb mingħajr ħlas billi tiġi kkonsultata l-informazzjoni fir-Reġistru tal-Intrapriżi. L-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati mingħajr ħlas fuq is-sit web ta’ informazzjoni u, b’hekk, tiġi żgurata d-disponibbiltà inizjali tagħhom għall-pubbliku online.

L-awtoritajiet Latvjani ma jissottomettux talbiet, fuq inizjattiva tagħhom stess għal informazzjoni dwar destinatarji lir-reġistru ta’ persuni fiżiċi f’każijiet li fihom l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika ma jkunx korrett. L-awtorità li tagħmel is-sottomissjoni jew il-parti rikjedenti hi responsabbli biex issib l-indirizz tad-destinatarju.

L-Artikolu 8 – Trażmissjoni tad-dokumenti

Fil-Latvja, talba għan-notifika ta’ dokumenti li titfassal bl-użu tal-formola standard ipprovduta fl-Anness I tar-Regolament tiġi aċċettata jekk tiġi ppreżentata bil-Latvjan jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 12 – Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

F’konformità mal-Artikolu 57 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokumenti ġudizzjarji, il-persuna li tinnotifikahom tħalli nota dwar dan fuq id-dokument, filwaqt li tindika wkoll ir-raġunijiet għar-rifjut, id-data u l-ħin. Ir-rifjut ta’ aċċettazzjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji ma jipprevjenix il-proċeduri tal-qorti.

L-Artikolu 13 – Data tan-notifika

Skont l-Artikolu 56.1(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, meta dokumenti ġudizzjarji jkunu ġew innotifikati f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56, bl-eċċezzjoni tal-avveniment imsemmi fil-paragrafu (9) tiegħu, persuna titqies li ġiet innotifikata dwar il-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti jew ta’ azzjoni proċedurali, jew dwar il-kontenut tad-dokument rilevanti, u d-dokumenti ġudizzjarji jitqiesu li ġew innotifikati:

1) fid-data meta d-destinatarju jew persuna oħra taċċettahom f’konformità mal-Artikolu 56(3), (7) jew (8) tal-Liġi;

2) fid-data meta l-persuna rrifjutat li taċċettahom (l-Artikolu 57);

3) fis-seba’ jum minn meta jintbagħtu d-dokumenti, jekk jintbagħtu bil-posta;

4) fit-tielet jum minn meta jintbagħtu d-dokumenti, jekk jintbagħtu elettronikament.

Skont il-Paragrafu (2) tal-Artikolu msemmi hawn fuq, kemm jekk id-dokumenti ġudizzjarji jitwasslu f’post ta’ residenza ddikjarat ta’ persuna fiżika, f’indirizz addizzjonali ddikjarat, f’indirizz li l-persuna fiżika indikat għall-komunikazzjonijiet mal-qorti jew inkella f’uffiċċju reġistrat ta’ persuna fiżika, u jiġi rċevut avviż tal-wasla mingħand l-uffiċċju postali jew id-dokumenti jaslu lura, minnu nnifsu dan ma jaffettwax il-fatt li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. Id-destinatarju jista’ jirrifjuta l-preżunzjoni li d-dokumenti ġew innotifikati fis-seba’ jum mill-jum li fih jintbagħtu bil-posta jew fit-tielet jum minn meta jintbagħtu elettronikament billi jiċċita ċirkustanzi oġġettivi barra mill-kontroll tiegħu li ma ppermettulux jirċievi d-dokumenti fl-indirizz indikat.

L-Artikolu 14 – Ċertifikat tan-notifika u kopja tad-dokument notifikat

Fil-Latvja, ċertifikat tan-notifika ta’ dokumenti li jitfassal bl-użu tal-formola standard ipprovduta fl-Anness I tar-Regolament jiġi aċċettat jekk jiġi ppreżentat bil-Latvjan jew bl-Ingliż.

L-Artikolu 15 – Spejjeż tan-notifika

Fil-Latvja, id-dokumenti jiġu nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament, u għal dan tkun pagabbli tariffa ta’ EUR 133.33 (inkluża l-VAT) għal kull talba ta’ notifika ta’ dokument. Il-pagamenti jridu jsiru bi trasferiment bankarju u kwalunkwe kummissjoni tal-bank tiġġarrab mill-persuna li tħallas ir-rata fissa għan-notifika ta’ dokument.

Dettalji tal-kont tal-bank:

Nru ta’ Reġistrazzjoni: 90001497619

(Mis-16 ta’ Diċembru 2019) Indirizz reġistrat: Lāčplēša iela 27-32, Riga, LV-1011, Latvia

Bank: Swedbank AS

IBAN: LV93HABA0551038096742

Kodiċi SWIFT: HABALV22

Għan tal-ħlas: dettalji tad-destinatarju

L-Artikolu 17 – Notifika minn aġenti diplomatiċi jew uffiċjali konsulari

Il-Latvja topponi n-notifika ta’ dokumenti b’mezzi diplomatiċi, ħlief f’każijiet li fihom id-dokumenti jiġu nnotifikati lil ċittadini tal-Istat Membru inkwistjoni.

L-Artikolu 19 – Servizz elettroniku

Mhux applikabbli.

L-Artikolu 20 – Notifika diretta

Skont il-leġiżlazzjoni Latvjana, id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati skont l-Artikolu 20 tar-Regolament.

L-Artikolu 22 – Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti

Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament, qorti jew imħallef fil-Latvja jistgħu jagħtu sentenza anki jekk ma jkun ġie riċevut l-ebda ċertifikat tan-notifika jew avviż tal-wasla, dment li jkunu ġew irrispettati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament. Fil-Latvja, ma huwa ddefinit l-ebda perjodu ta’ żmien li warajh ir-rikorsi għal ħelsien mill-effetti tal-iskadenza tad-data għall-appell ma jibqgħux aċċettati aktar, dment li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 22(4) tar-Regolament.

L-Artikolu 29 – Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri

Ir-Repubblika tal-Latvja għandha żewġ ftehimiet konklużi:

1) Il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Latvja u r-Repubblika tal-Polonja dwar l-Assistenza legali u r-relazzjonijiet legali f’materji ċivili, tal-familja u kriminali;

2) Il-Ftehim dwar assistenza legali u relazzjonijiet legali bejn ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Estonja u r-Repubblika tal-Litwanja.

L-Artikolu 33(2) – Notifika dwar l-użu bikri tas-sistema tal-IT deċentralizzata

Mhux applikabbli.

L-aħħar aġġornament: 19/08/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.