Notifika ta’ dokumenti (riformulazzjoni)

Spanja

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

SIB QRATI/AWTORITAJIET KOMPETENTI

L-għodda ta' tiftix hawn taħt se tgħinek tidentifika qorti/qrati jew awtorità(jiet) kompetenti għal strument legali Ewropew speċifiku. Jekk jogħġbok innota li għalkemm sar kull sforz biex tiġi aċċertata l-preċiżjoni tar-riżultati, jista' jkun hemm xi każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw id-determinazzjoni ta' kompetenza li mhumiex neċessarjament koperti.

Spanja

Għoti ta' Dokumenti


*input mandatarju

L-Artikolu 3(1) – Aġenziji mittenti

L-uffiċjali ġudizzjarji (Letrados de la Administración de Justicia) huma kompetenti għat-trażmissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji.

L-Artikolu 3(2) – Aġenziji riċeventi

L-uffiċjali ġudizzjarji li jaħdmu maċ-Ċentru Konġunt għan-Notifiki (servicio común de notificaciones) tal-post fejn għandha ssir in-notifika huma kompetenti għar-riċeviment ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji. Fl-assenza ta’ Ċentru Konġunt għan-Notifiki, l-uffiċjal ġudizzjarju tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Juzgado de Primera Instancia) tal-post fejn għandha ssir in-notifika.

It-talbiet kollha għandhom jintbagħtu lir-Reġistru u lid-Dipartiment tad-Distribuzzjoni taċ-Ċentru Konġunt għan-Notifiki (Servicio de Registro y Reparto dependiente del Servicio Común General), u fl-assenza tiegħu għandhom jintbagħtu lir-Reġistru tal-Qorti (Juzgado Decano) għad-distribuzzjoni lill-awtorità kompetenti għan-notifika. Taħt is-sistema ġudizzjarja Spanjola, l-awtorità maħtura minn Spanja bħala awtorità riċeventi (Reġistri tal-Qorti u Servizzi Ċentrali (Decanatos y Servicios comunes procesales)) għandha tgħaddi t-talba lill-awtorità kompetenti għan-notifika.

L-Artikolu 3(4)(c) – Mezzi biex jirċievu d-dokumenti

Fir-rigward tal-mezzi ta’ riċeviment li huwa attwalment disponibbli, il-qrati jistgħu jużaw mezzi tal-IT u mezzi diġitali sabiex iwettqu n-notifika. Fl-assenza ta’ mezzi elettroniċi, in-notifika għandha ssir bil-posta b’konferma tar-riċevuta.

L-Artikolu 3(4)(d) – Lingwi li jistgħu jintużaw għall-mili tal-formola standard li tinsab fl-Anness I

Il-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex timtela l-formula standard: L-Ingliż, il-Franċiż, il-Portugiż jew l-Ispanjol.

L-Artikolu 4 – Korp ċentrali

Il-korp ċentrali maħtur minn Spanja huwa s-Sottodirettorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Legali Internazzjonali fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja (Subdirección General de Cooperación Jurídica Internacional del Ministerio de Justicia).

Is-Sottodirettorat Ġenerali għall-Kooperazzjoni Legali Internazzjonali

Il-Ministeru għall-Ġustizzja

C/San Bernardo, 62

28015 Madrid

Posta elettronika: sgcji@mjusticia.es

rogatoriascivil@mjusticia.es

L-Artikolu 7 – Assistenza f’inkjesti dwar indirizzi

L-awtorità kompetenti għan-notifika hija responsabbli sabiex tfittex indirizzi.

Skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament, l-aġenziji mittenti jistgħu jindirizzaw it-talbiet għad-determinazzjoni tal-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument lill-awtorità kompetenti maħtura minn Spanja għan-notifika.

Skont l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament, l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti għan-notifika għandhom, fuq inizjattiva tagħhom stess, iressqu talbiet lir-reġistri dwar id-domiċilju jew lil bażijiet tad-data oħrajn għal informazzjoni dwar indirizzi f’każijiet fejn l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika ma jkunx korrett.

L-Artikolu 8 – Trażmissjoni tad-dokumenti

Il-lingwi li jistgħu jintużaw sabiex timtela l-formula standard: L-Ispanjol u l-Portugiż.

L-Artikolu 12 – Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument

Mhux applikabbli.

L-Artikolu 13 – Data tan-notifika

Id-data tan-notifika tvarja skont id-dokument li għandu jiġi nnotifikat u t-tip ta’ proċedimenti jew l-istadju tal-proċedimenti, b’tali mod li l-prattika normali hija ta’ bejn tlett ijiem u ħamest ijiem.

Għandhom japplikaw ir-regoli proċedurali rilevanti.

L-Artikolu 14 – Ċertifikat tan-notifika u kopja tad-dokument notifikat

Iċ-ċertifikat tan-notifika għandu jimtela bl-Ispanjol.

L-Artikolu 15 – Spejjeż tan-notifika

Mhux applikabbli.

L-Artikolu 17 – Notifika minn aġenti diplomatiċi jew uffiċjali konsulari

Spanja topponi n-notifika fit-territorju tagħha ta’ dokumenti minn Stati Membri oħra minn dipartimenti konsulari jew diplomatiċi, dment li dawn ma jkunux innotifikati lil ċittadin ta’ dak l-Istat Membru (Stat Membru tal-oriġini).

L-Artikolu 19 – Servizz elettroniku

Mhux applikabbli.

L-Artikolu 20 – Notifika diretta

Notifika diretta ma hijiex possibbli fi Spanja. Rappreżentanti proċedurali (procuradores) ma jistgħux iwettqu n-notifika, ħlief jekk ikunu awtorizzati espressament minn uffiċjal ġudizzjarju.

L-Artikolu 22 – Meta l-konvenut ma jidhirx għall-proċedimenti

Spanja tiddikjara li l-imħallef jista’ jirtira s-sospensjoni tal-proċeduri u jiddeċiedi kif xieraq jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2020/1784.

Fir-rigward tas-setgħa tal-imħallef li jaċċetta rikorsi għal ħelsien mill-effetti ta’ sentenza, Spanja speċifikat li r-rikorsi għal ħelsien mill-effetti ta’ sentenza ma jkunux ammissibbli jekk jiġu ppreżentati iktar minn sena wara d-data tas-sentenza.

L-Artikolu 29 – Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bejn l-Istati Membri

Ma hemmx kummenti.

L-Artikolu 33(2) – Notifika dwar l-użu bikri tas-sistema tal-IT deċentralizzata

Ma hemmx kummenti.

L-aħħar aġġornament: 08/12/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.