Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Tfal mill-Ukrajna - kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili

It-tfal imċaħħda mill-ambjent tal-familja tagħhom minħabba l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna – strumenti Ewropej u internazzjonali applikabbli f’kawżi ċivili transfruntiera.

Din l-iskeda informattiva tħejjiet min-Network Ġudizzjarju Ewropew f’materji ċivili u kummerċjali.

 

L-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna tqajjem mistoqsijiet dwar is-sitwazzjoni tat-tfal refuġjati li jisfaw vittmi ta’ spostament mill-Ukrajna għall-Unjoni Ewropea. Il-kwistjoni ssir saħansitra aktar kumplessa meta dawn it-tfal jiġu mifrudin mill-familji tagħhom, minħabba li jkunu baqgħu fl-Ukrajna jew inkella minħabba li jkunu refuġjati fi Stat Membru ieħor.

Irid jiġi aċċertat, illum qabel għada, li dawn it-tfal jiġu protetti mir-riskju ta’ vjolenza, sfruttament, adozzjoni illegali, ħtif, bejgħ jew traffikar tat-tfal. Għal din ir-raġuni, huwa essenzjali li jintużaw l-istrumenti li jipproteġu d-drittijiet ta’ dawn it-tfal.

Jeżistu strumenti fid-dritt Ewropew u internazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tat-tfal, b’dispożizzjonijiet speċjali biex it-tfal imċaħħda temporanjament jew permanentement mill-ambjent tal-familja tagħhom jiġu protetti u assistiti, inkluż f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, bħal kunflitt armat.

Ġuriżdizzjoni

Fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 8 tar-Regolament Brussell IIa (li se jiġi sostitwit bir-Regolament Brussell IIb mill-1 ta’ Awwissu 2022) jipprevedi li l-qrati [1] ta’ Stat Membru [2] jkollhom ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri dwar minorenni li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li jkunu ġew invokati l-qrati. Madankollu, il-qrati tal-Ukrajna jibqa’ jkollhom ġuriżdizzjoni jekk il-minorenni kienu abitwalment residenti fl-Ukrajna qabel l-ispostament. Bħala regola ġenerali, il-bidla fir-residenza abitwali tkun tirrikjedi daqsxejn żmien u l-qorti jkun jeħtiġilha taċċerta li ċerti rekwiżiti huma ssodisfati [3]. Bl-istess mod, il-minorenni mill-Ukrajna li jidħlu fl-UE x’aktarx mhumiex se jkollhom residenza abitwali fl-UE għal ftit taż-żmien, u b’hekk f’diversi każijiet, l-Artikolu 8 ma japplikax.

L-Artikolu 13(2) tar-Regolament Brussell IIa jipprevedi ġuriżdizzjoni abbażi tal-preżenza tal-minorenni f’każijiet ta’ tfal li huma refuġjati jew tfal li huma internazzjonalment spostati minħabba f’xi inkwiet f’pajjiżhom. Madankollu l-Artikolu 52(2) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal (li għandha tinqara flimkien mal-premessa 25 tar-Regolament Brussell IIb) jiċċara li din ir-regola ta’ ġuriżdizzjoni għandha tapplika biss għal minorenni li kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru qabel l-ispostament. Meta r-residenza abitwali tal-minorenni qabel l-ispostament tkun fi stat terz, bħall-Ukrajna, għandha tapplika r-regola tal-ġuriżdizzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar it-tfal refuġjati u tfal internazzjonalment spostati. L-Ukrajna u l-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 (HCCH | #34 - Status table).

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 jipprevedi li “[g]ħat-tfal refuġjati u tfal li, minħabba inkwiet fil-pajjiż tagħhom, huma internazzjonalment spostati, l-awtoritajiet tal-Istat Kontraenti fuq it-territorju ta’ liema dawn it-tfal huma preżenti bħala riżultat tal-ispostament tagħhom, għandhom il-ġuriżdizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1).”

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal għal tfal mhux akkumpanjati u mifrudin hija disponibbli hawnhekk u hawnhekk.

L-Artikoli 8 u 9 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 kif ukoll l-Artikolu 15 tar-Regolament Brussell IIa jipprevedu li l-ġuriżdizzjoni tista’ tiġi trasferita lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. Fis-sitwazzjoni attwali, dan jista’ jirrigwarda l-protezzjoni tal-minorenni mill-Ukrajna (pereżempju, li jaslu fl-UE mhux akkumpanjati) f’każ li l-awtorità kompetenti ssir taf li l-minorenni jkollhom qraba fi Stat Membru ieħor. F’sitwazzjoni bħal din, l-ewwel Stat Membru jista’ jitlob it-trasferiment ta’ ġuriżdizzjoni jekk il-minorenni jkollhom rabta partikolari mat-tieni Stat Membru u jekk it-trasferiment ikun fl-aħjar interessi tal-minorenni.

Dritt applikabbli

Fl-eventwalità ta’ aggressjoni militari, il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal tikkostitwixxi strument importanti relatat mal-protezzjoni tat-tfal, inklużi l-minorenni mhux akkumpanjati, it-tfal migranti mifrudin u t-tfal li qegħdin ifittxu ażil. L-Ukrajna u l-Istati Membri kollha tal-UE huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 (HCCH | #34 - Status table).

Ta’ min jinnota li l-Artikolu 16(1) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 jipprevedi li l-kwistjoni dwar ta’ min hija r-responsabbiltà tal-ġenituri għal minorenni b’operazzjoni tal-liġi hija rregolata mid-dritt tal-Istat tar-residenza abitwali tal-minorenni, jiġifieri mid-dritt Ukren għall-minorenni li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom hemmhekk. L-istess japplika għall-attribuzzjoni tar-responsabbiltà tal-ġenituri permezz ta’ ftehim jew att unilaterali (l-Artikolu 16(2) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996). Barra minn hekk, ir-responsabbiltà tal-ġenituri li teżisti skont id-dritt tal-Istat tar-residenza abitwali tibqa’ tapplika fl-eventwalità li r-residenza abitwali tinbidel mill-minorenni għal Stat ieħor (l-Artikolu 16(3) tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996). L-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri huwa rregolat mid-dritt tar-residenza abitwali tal-minorenni wkoll (l-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996).

Barra minn hekk, l-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 jipprevedi rikonoxximent b’operazzjoni tal-liġi ta’ kwalunkwe miżura maħruġa fi Stat Kontraenti ieħor. Bl-istess mod, miżura Ukrena fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni tiġi rikonoxxuta awtomatikament fi Stati Kontraenti oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ rikonoxximent formali. Għaldaqstant, il-miżuri Ukreni se jibqgħu validi fl-UE.

Kif iċċarat ulterjorment fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996, ir-responsabbiltà tal-ġenituri msemmija fl-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 tista’ tiġi tterminata, jew il-kundizzjonijiet tal-eżerċitar tagħha jistgħu jiġu modifikati, permezz ta’ miżuri meħuda skont din il-Konvenzjoni. L-Artikolu 15(1)tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 jipprevedi li “[f]l-eżerċizzju tal-ġuriżdizzjoni tagħhom taħt id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II, l-awtoritajiet tal-Istati Kontraenti għandhom japplikaw il-liġi tagħhom”, u għaldaqstant jirriżulta li l-Partijiet Kontraenti japplikaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom f’dawn il-każijiet.

Aktar informazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal għal tfal mhux akkumpanjati u mifrudin hija disponibbli hawnhekk u hawnhekk.

Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali

Kun af li l-funzjonament tal-Awtorità Ċentrali tal-Ukrajna maħtura skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal huwa milqut u jaf ikun temporanjament limitat minħabba l-kriżijiet li hemm bħalissa.

F’sitwazzjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Ċentrali tal-Istati Membri (pereżempju, minorenni li jkunu ntbagħtu fi Stat Membru partikolari jkollhom ħuthom fi Stat Membru ieħor), jistgħu japplikaw l-Artikoli 55 u 56 tar-Regolament Brussell IIa.

Fir-rigward tal-foster care, l-informazzjoni ppubblikata fuq il-Portal tal-Ġustizzja Elettronika pprovduta mill-Istati Membri dwar kif issir il-proċedura għal tqegħid transfruntiera inklużi l-foster families, tista’ tkun utli wkoll u tista’ tiġi kkonsultata hawnhekk.

Għal komprensjoni aħjar dwar kif għandu jiġi applikat ir-Regolament Brussell IIa, il-Gwida Prattika dwar l-applikazzjoni tar-Regolament Brussell IIa PDF (4958 Kb) mt hija għodda utli.

In-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali (NĠE-ċivili), kif jista’ jgħin?

In-NĠE-ċivili jipprovdi appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-ġustizzja ċivili tal-UE fil-prattika legali ta’ kuljum. Minbarra l-Awtorità Ċentrali, il-punt ta’ kuntatt tan-NĠE fl-Istat Membru tiegħek jista’ jiġi kkuntattjat biex jassistik jekk ikollok xi problema speċifika f’kawża transfruntiera. Il-punt ta’ kuntatt tiegħek jista’, pereżempju, jinforma ruħu dwar l-istatus attwali ta’ talba, jgħin biex isir kuntatt bejn żewġ qrati jew isib id-dettalji ta’ kuntatt ta’ awtorità kompetenti fi Stat Membru ieħor tal-UE.

Aktar informazzjoni dwar in-NĠE u kif dan jista’ jkun ta’ għajnuna

Kif nista’ nsib il-punt ta’ kuntatt nazzjonali tiegħi?

Links utli


[1] Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Brussell IIa, il-kelma “qorti” tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġuriżdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma inklużi fil-kompetenza taż-żewġ Regolamenti.

[2] Dawn iż-żewġ Regolamenti ma japplikawx għad-Danimarka li tapplika r-regoli ta’ ġuriżdizzjoni simili fil-Konvenzjoni tal-Aja tal-1996 dwar il-Protezzjoni tat-Tfal.

[3] Għall-interpretazzjoni ta’ “residenza abitwali” ara pereżempju s-sentenzi tal-QĠUE fil-kawżi C-523/07, C-497/10 PPU, C-376/14 PPU, C-111/17 PPU, C-512/17 u C-393/18 PPU.

L-aħħar aġġornament: 18/05/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.