Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Belġju
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema awtorità għandha tiġi kkonsultata u biex jingħata kunsens minn qabel qabel it-tqegħid transfruntier ta’ minuri fit-territorju tiegħek?

It-talba trid issir lill-Awtorità Ċentrali tal-Belġju. L-Awtorità Ċentrali tibgħat it-talba lill-awtorità kompetenti tal-Komunità Belġjana rilevanti.

It-talba trid titfassal bil-lingwa tal-Komunità Belġjana tad-destinazzjoni (Ġermaniż, Franċiż jew Olandiż). L-Istati Rikjedenti għandhom jivverifikaw minn qabel mal-Awtorità Ċentrali tal-Belġju b’liema lingwa għandha ssir it-talba.

Il-kunsens jingħata mill-awtorità kompetenti tal-Komunità Belġjana kkonċernata.

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-Awtorità Ċentrali tal-Belġju huma kif ġej:

Id-Dipartiment Federali tal-Ġustizzja (Service Public Fédéral Justice / Federale Overheidsdienst Justitie)

Id-Direttorat Ġenerali għal-Leġiżlazzjoni u d-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali (Direction générale de la Législation et des Libertés et Droits fondamentaux / Directoraat-generaal Wetgeving en Fundamentele Rechten en Vrijheden)

Il-Kooperazzjoni Internazzjonali Ċivili (Service de Coopération internationale civile / Dienst Internationale rechtshulp in burgerlijke zaken)

Boulevard de Waterloo 115

B-1000 Bruxelles/Brussel

Tel.: + 32 (2) 542 65 11

Email: dh1996@just.fgov.be

2 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-kisba tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħra) għat-tqegħid transfruntier tat-tfal fit-territorju tiegħek.

Il-Komunità Franċiża tal-Belġju (Fédération Wallonie-Bruxelles)

  • Il-kontenut tat-talba huwa kif ġej:
    • l-identità tal-minuri (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità);
    • l-informazzjoni rilevanti dwar l-istatus amministrattiv tal-minuri fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet soċjali tiegħu: l-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa u l-allowance tal-familja tal-minuri;
    • l-identità ta’ min għandu r-responsabbiltà tal-ġenituri (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, l-indirizz);
    • informazzjoni dwar il-persuna (fiżika jew legali) li teżerċita l-awtorità tal-ġenituri, jekk tkun differenti minn dik ta’ hawn fuq;
    • informazzjoni dwar il-foster family (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, l-indirizz).
    • id-dettalji rigward it-tqegħid propost: l-awtorità inkarigata mill-organizzazzjoni tat-tqegħid, is-sentenza tal-qorti rilevanti, id-dokumenti tat-tħejjija mfassla mis-Servizz ta’ Appoġġ għaż-Żgħażagħ (Service d’aide à la jeunesse) kompetenti, it-tul ta’ żmien maħsub tat-tqegħid u l-miżuri ta’ segwitu ppjanati, u l-arranġamenti ta’ finanzjament;
    • rapport soċjali (rapport social) li jiddikjara r-raġunijiet għat-tqegħid, il-miżuri meħuda preċedentement fil-pajjiż tal-oriġini, is-sitwazzjoni kif tkun tinsab dak il-ħin, l-istorja passata taż-żagħżugħ/żagħżugħa u meta applikabbli, informazzjoni dwar il-bżonnijiet speċifiċi tal-minuri (f’termini ta’ edukazzjoni u kura tas-saħħa, psikoloġija, terapija tat-taħdit, eċċ.);
    • meta applikabbli, dikjarazzjoni tar-raġunijiet dwar għaliex tqegħid barra l-pajjiż huwa urġenti;
    • meta applikabbli, il-passi meħuda mill-Istat Membru rikjedenti biex iħejji t-tqegħid.
  • Skadenzi:

F’konformità mal-Artikolu 82(4) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019, ħlief meta dan ikun impossibbli minħabba ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni, id-deċiżjoni li tagħti jew li tiċħad il-kunsens tiġi trażmessa lill-Awtorità Ċentrali rikjedenti mhux aktar tard minn 3 xhur wara li tiġi riċevuta t-talba. Din hija skadenza indikattiva (délai d’ordre).

  • Arranġamenti proċedurali:

Il-proċedura applikabbli hija dik prevista fl-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019.

Ħlief f’każijiet li fihom il-minuri jkun se jitqiegħed ma’ ġenitur wieħed jew ieħor, l-Awtorità Ċentrali tal-Istat Membru rikjedenti trid tibgħat talba għal kunsens lill-Awtorità Ċentrali tal-Belġju, li tkun tikkonsisti minn rapport dwar il-minuri, ir-raġunijiet għat-tqegħid propost tal-minuri jew għall-għoti ta’ kura lill-minuri fil-Komunità Franċiża tal-Belġju (Fédération Wallonie-Bruxelles), informazzjoni dwar kwalunkwe finanzjament ikkontemplat u kwalunkwe informazzjoni oħra li tqis bħala rilevanti, bħat-tul ta’ żmien mistenni tat-tqegħid.

It-talba u kwalunkwe dokument addizzjonali jridu jkunu akkumpanjati minn traduzzjoni bil-Franċiż.

Il-Komunità Franċiża tal-Belġju (Fédération Wallonie-Bruxelles) tiġbor kull informazzjoni jew dokument meħtieġ biex tipproċessa t-talba tal-Istat Membru rikjedenti, filwaqt li jitqies kif dovut is-suġġett tagħha, bl-għan li jitħejja t-tqegħid transfruntiera u tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni, kif meħtieġ. L-investigazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet amministrattivi soċjali se jippermettulha tieħu deċiżjoni sussegwenti dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-kunsens għat-tqegħid propost tal-minuri fit-territorju tagħha.

Id-deċiżjoni dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-kunsens tiġi trażmessa mill-persuna ta’ kuntatt għall-Komunità Franċiża tal-Belġju (Fédération Wallonie-Bruxelles) lill-Awtorità Ċentrali tal-Belġju, li taċċerta li jsir segwitu tal-kwistjoni mal-Istat Membru rikjedenti.

Ftehim fil-prinċipju dwar it-tqegħid jingħata minn awtorità. Imbagħad, ladarba d-deċiżjoni dwar it-tqegħid tingħata barra mill-pajjiż, trid tittieħed deċiżjoni ulterjuri mill-uffiċjali lokali li jagħmlu l-arranġamenti prattiċi għat-tqegħid tal-minuri inkwistjoni mal-familja jew istitut rilevanti. Hemm żewġ “ftehimiet” suċċessivi li jeħtieġ li jsiru qabel ma jsir it-tqegħid tal-minuri.

Skont l-Artikolu 39(1)(f) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal-25 ta’ Ġunju 2019, ir-rikonoxximent ta’ deċiżjoni f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri jiġi rifjutat jekk il-proċedura stipulata fl-Artikolu 82 ma tkunx tħarset, kif ukoll jekk id-deċiżjoni tkun ingħatat mingħajr ma l-minuri li jkunu kapaċi jifformaw l-ideat tagħhom ikunu ngħataw opportunità jesprimu l-ideat tagħhom skont l-Artikolu 21, għajr fejn ikun hemm raġunijiet serji, meta titqies, b’mod partikolari, l-urġenza tal-każ (l-Artikolu 39(2)(b)).

L-Istat Membru rikjest u l-Istat Membru rikjedenti jirrispettaw in-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni li jiskambjaw bejniethom permezz tal-Awtoritajiet Ċentrali rispettivi tagħhom. L-informazzjoni inkwistjoni ma tistax tintuża għal xi skop ieħor għajr għal dak li tkun inġabret jew ġiet trażmessa għalih.

Il-Komunità Fjamminga tal-Belġju (Vlaamse Gemeenschap)

  • Il-kontenut tat-talba huwa kif ġej:
    • l-identità tal-minuri (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità);
    • l-informazzjoni rilevanti dwar l-istatus amministrattiv tal-minuri fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-mard;
    • l-identità tal-ġenituri (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, l-indirizz);
    • informazzjoni dwar il-persuna (fiżika jew legali) li teżerċita l-awtorità tal-ġenituri, jekk tkun differenti minn dik ta’ hawn fuq;
    • informazzjoni dwar il-foster family (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, l-indirizz).
    • Id-dettalji rigward it-tqegħid propost tal-minuri: l-awtorità inkarigata mill-organizzazzjoni tat-tqegħid, is-sentenza tal-qorti rilevanti, id-dokumenti tat-tħejjija mfassla mis-Servizz ta’ Protezzjoni taż-Żgħażagħ kompetenti, it-tul ta’ żmien maħsub tat-tqegħid u l-miżuri ta’ segwitu ppjanati, u l-arranġamenti ta’ finanzjament/rimborż;
    • jekk il-fajl huwiex se jiġi trasferit kollu kemm hu jew sempliċiment linji gwida;
    • rapport soċjali li jiddikjara r-raġunijiet għat-tqegħid, il-miżuri meħuda preċedentement fil-pajjiż tal-oriġini, is-sitwazzjoni tal-mument, l-istorja passata taż-żagħżugħ/żagħżugħa u meta applikabbli, informazzjoni dwar il-bżonnijiet speċifiċi tal-minuri (f’termini ta’ edukazzjoni); meta applikabbli, dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tqegħid barra l-pajjiż huwa urġenti.
  • Ir-regoli ta’ proċedura applikabbli huma kif ġej:

Ftehim fil-prinċipju dwar it-tqegħid u deċiżjoni dwar il-finanzjament tat-tqegħid tingħata minn awtorità. Ladarba tingħata d-deċiżjoni dwar it-tqegħid barra mill-pajjiż, trid tittieħed deċiżjoni ulterjuri mill-uffiċjali lokali li jagħmlu l-arranġamenti prattiċi għat-tqegħid tal-minuri inkwistjoni mal-familja jew istitut rilevanti. Hemm żewġ “ftehimiet” suċċessivi li jeħtieġ li jsiru qabel ma jsir it-tqegħid tal-minuri.

Il-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju (Deutschsprachige Gemeinschaft)

  • Il-kontenut tat-talba huwa kif ġej:
    • l-identità tal-minuri (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità);
    • l-informazzjoni rilevanti dwar l-istatus amministrattiv tal-minuri fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, b’mod partikolari fir-rigward tal-assigurazzjoni tal-kura tas-saħħa;
    • l-identità tal-ġenituri jew tat-tutur(i) legali (il-kunjom, l-isem/ismijiet, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, l-indirizz);
    • rapport soċjali li jiddikjara: ir-raġunijiet għat-tqegħid, il-miżuri meħuda preċedentement fil-pajjiż tal-oriġini, is-sitwazzjoni tal-mument, prova li l-minuri nstema’ bħala parti mill-proċedimenti barra l-pajjiż, ħlief jekk smigħ jitqies li ma jkunx adattat fid-dawl tal-età jew il-maturità tal-minuri;
    • meta applikabbli, dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tqegħid barra l-pajjiż huwa urġenti;
    • id-dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti fil-pajjiż tal-oriġini (isem, indirizz, numru tat-telefown);
    • id-dettalji ta’ kuntatt tal-foster family / istitut tal-fostering (isem, indirizz, numru tat-telefown);
    • id-dettalji rigward it-tqegħid propost tal-minuri: l-objettiv tat-tqegħid, informazzjoni dwar il-verifika tat-tqegħid (Meta saret żjara mis-servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal? Is-servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal, b’liema frekwenza qegħdin jippjanaw li jwettqu ż-żjarat tagħhom? Jekk għadha ma saret l-ebda żjara personali, meta huwa skedat li ssir waħda?), il-post maħsub fejn il-minuri se jintbagħat skola (fl-eventwalità ta’ bżonnijiet speċifiċi ta’ edukazzjoni, ikunu meħtieġa d-dokumenti rilevanti, sakemm ma jkunx previst li l-minuri jintbagħat skola fil-Belġju), it-tul ta’ żmien tat-tqegħid u l-miżuri ta’ segwitu ppjanati, u informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ finanzjament.
  • Arranġamenti proċedurali:

L-awtoritajiet jivverifikaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-akkomodazzjoni fissa f’konformità mal-bażijiet ġuridiċi rilevanti tal-Komunità li titkellem bil-Ġermaniż fil-Belġju.

3 L-Istat Membru tiegħek iddeċieda li mhuwiex meħtieġ il-kunsens għal tqegħid transfruntier ta’ tfal fit-territorju tiegħek fejn il-minuri għandu jitqiegħed ma’ ċerti kategoriji ta’ qraba stretti? Jekk iva, x’inhuma l-kategoriji ta’ qraba stretti?

Le.

4 L-Istat Membru tiegħek għandu fis-seħħ xi ftehimiet jew arranġamenti għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni biex jinkiseb il-kunsens għat-tqegħid transfruntier tat-tfal?

Le.

L-aħħar aġġornament: 15/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.