Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema awtorità għandha tiġi kkonsultata u biex jingħata kunsens minn qabel qabel it-tqegħid transfruntier ta’ minuri fit-territorju tiegħek?

Fil-Finlandja, il-kunsens għat-tqegħid ta’ minuri skont l-Artikolu 82 tar-Regolament (UE) 2019/1111 jingħata mill-kontea tas-servizzi tal-benesseri li fiha għandu jitqiegħed il-minuri. Jekk fit-talba ma jiġi speċifikat l-ebda post, il-kunsens jingħata mill-kontea tas-servizzi tal-benesseri ddeterminata f’konformità mal-Artikolu 17 tal-Att dwar il-Benesseri tal-Minuri (417/2007) – fi kliem ieħor, il-post tal-muniċipalità li l-minuri jew il-ġenituri tal-minuri rrisjedew jew issoġġornaw fiha l-aħħar. Jekk il-minuri jew il-ġenituri tal-minuri ma rrisjedewx jew ma ssoġġornawx f’xi muniċipalità tal-Finlandja, is-setgħa tat-teħid tad-deċiżjoni tkun tal-awtoritajiet tal-Belt ta’ Helsinki.

2 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-kisba tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħra) għat-tqegħid transfruntier tat-tfal fit-territorju tiegħek.

Il-proċedura ta’ kunsens mhijiex soġġetta għal xi regola speċifika. L-informazzjoni preskritta fl-Artikolu 82(1) tar-Regolament hija essenzjali sabiex il-kontea tas-servizzi tal-benesseri tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti għas-servizzi u tkun ta’ appoġġ għall-bżonnijiet tal-minuri u twettaq monitoraġġ tat-tqegħid. Il-kontea tas-servizzi tal-benesseri tirreġistra l-minuri mqiegħda fit-territorju tagħha. Minuri mqiegħed fil-Finlandja għandu drittijiet speċifiċi, bħad-dritt għal trattament kif suppost u foster care ta’ kwalità għolja.

3 L-Istat Membru tiegħek iddeċieda li mhuwiex meħtieġ il-kunsens għal tqegħid transfruntier ta’ tfal fit-territorju tiegħek fejn il-minuri għandu jitqiegħed ma’ ċerti kategoriji ta’ qraba stretti? Jekk iva, x’inhuma l-kategoriji ta’ qraba stretti?

Fil-Finlandja, il-kunsens minn qabel huwa meħtieġ għat-tqegħid kollu skont l-Artikolu 82 tar-Regolament.

4 L-Istat Membru tiegħek għandu fis-seħħ xi ftehimiet jew arranġamenti għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni biex jinkiseb il-kunsens għat-tqegħid transfruntier tat-tfal?

Le.

L-aħħar aġġornament: 20/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.