Tqegħid ta’ minuri f’pajjiż ieħor inkl. f’foster family

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Liema awtorità għandha tiġi kkonsultata u biex jingħata kunsens minn qabel qabel it-tqegħid transfruntier ta’ minuri fit-territorju tiegħek?

It-talba għall-kunsens trid tiġi ppreżentata lill-awtorità ċentrali, li mbagħad tgħaddiha lill-qorti kompetenti.

Għat-tqegħid ta’ minuri abbażi ta’ deċiżjoni maħruġa minn qorti jew awtorità oħra ta’ pajjiż barrani, il-kunsens jingħata mill-qorti tat-tutela b’ġuriżdizzjoni fuq il-post futur tat-tqegħid, ladarba jiġi stabbilit li:

  • it-tqegħid ikun fl-aħjar interessi tal-minuri u li l-minuri
  • ikollu konnessjoni sostanzjali mal-Polonja jew
  • ikun ċittadin Pollakk.

Meta qorti jew awtorità oħra ta’ pajjiż barrani tkun indikat kandidati biex jaġixxu bħala foster family jew biex imexxu dar tat-tfal tat-tip ta’ familja, jew faċilità speċifika tal-edukazzjoni u l-kura, faċilità ta’ kura u terapija reġjonali, jew faċilità ta’ intervent ta’ qabel l-adozzjoni fejn ikun se jitqiegħed il-minuri, il-qorti tat-tutela tista’ tagħti l-kunsens għat-tqegħid tal-minuri wara li tikkonsulta l-president tal-bord eżekuttiv distrettwali (starosta) bil-ġuriżdizzjoni fuq il-post futur tat-tqegħid. Meta qorti jew awtorità oħra ta’ pajjiż barrani ma tkunx indikat kandidati biex jaġixxu bħala foster family jew biex imexxu dar tat-tfal tat-tip ta’ familja, jew faċilità speċifika tal-edukazzjoni u l-kura, faċilità ta’ kura u terapija reġjonali, jew faċilità ta’ intervent ta’ qabel l-adozzjoni, il-qorti tat-tutela tista’ tagħti l-kunsens għat-tqegħid tal-minuri wara konsultazzjoni mal-President tal-belt kapitali ta’ Varsavja.

2 Jekk jogħġbok iddeskrivi fil-qosor il-proċedura għall-konsultazzjoni u l-kisba tal-kunsens (inklużi d-dokumenti meħtieġa, l-iskadenzi, il-modalitajiet tal-proċedura, u dettalji rilevanti oħra) għat-tqegħid transfruntier tat-tfal fit-territorju tiegħek.

It-talba trid tinkludi d-dokumenti, l-opinjonijiet u l-informazzjoni dwar il-minuri, speċjalment dwar is-sitwazzjoni tal-familja tal-minuri, l-istat tas-saħħa tiegħu u ħtiġijiet speċjali. Jekk is-sottomissjoni minn qorti jew awtorità oħra ta’ pajjiż barrani ma tindikax kif il-minuri se jinġab il-Polonja u kif se jiġu koperti l-ispejjeż relatati, u, jekk it-tqegħid ikun temporanju, kif il-minuri se jiġi rritornat u kif se jiġu koperti l-ispejjeż tar-ritorn, il-qorti tat-tutela titlob din l-informazzjoni.

It-talbiet jiġu eżaminati permezz ta’ deċiżjoni maħruġa fi żmien xahar mid-data ta’ meta l-qorti tkun irċeviethom.

It-tqegħid tal-minuri f’foster family jew f’dar tat-tfal tat-tip ta’ familja jseħħ wara li jinkiseb il-kunsens mill-foster parents jew mill-persuna li tmexxi d-dar tat-tfal tat-tip ta’ familja.

3 L-Istat Membru tiegħek iddeċieda li mhuwiex meħtieġ il-kunsens għal tqegħid transfruntier ta’ tfal fit-territorju tiegħek fejn il-minuri għandu jitqiegħed ma’ ċerti kategoriji ta’ qraba stretti? Jekk iva, x’inhuma l-kategoriji ta’ qraba stretti?

Fir-rigward tal-qraba stretti msemmijin fl-Artikolu 82 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111, il-Polonja ma rrinunzjatx għar-rekwiżit ta’ kunsens minn qabel għat-tqegħid ta’ minuri ma’ ċerti kategoriji ta’ qraba stretti, filwaqt li żammet is-sitwazzjoni legali eżistenti u l-eżenzjoni mill-obbligu li jinkiseb il-kunsens tal-awtorità ċentrali kompetenti għat-tqegħid ta’ minuri fi Stat Membru ieħor għall-ġenituri biss.

4 L-Istat Membru tiegħek għandu fis-seħħ xi ftehimiet jew arranġamenti għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni biex jinkiseb il-kunsens għat-tqegħid transfruntier tat-tfal?

Fil-Polonja, ma hemm l-ebda ftehim jew arranġament fis-seħħ għas-simplifikazzjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni għall-kisba ta’ kunsens għat-tqegħid transfruntier tal-minuri.

L-aħħar aġġornament: 29/12/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.