Formoli ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda (riformulazzjoni)

Informazzjoni nazzjonali u formoli online rigward ir-Regolament Nru 2020/1783

Ir-Regolament (UE) Nru 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda)(riformulazzjoni) ifittex li jtejjeb, jissimplifika u jaċċellera l-kooperazzjoni bejn il-qrati fil-kumpilazzjoni tax-xhieda. Ir-Regolament issostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 mill-1 ta’ Lulju 2022.

Madankollu, is-sistema tal-IT deċentralizzata bħala mezz obbligatorju ta’ komunikazzjoni li għandha tintuża għat-trażmissjoni u l-wasla ta’ talbiet, formoli u komunikazzjoni oħra se tibda tapplika biss mill-1 ta’ Mejju 2025 (l-ewwel jum tax-xahar wara l-perjodu ta’ tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 25 (għal aktar dettalji ara l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2020/1783)).

Ir-Regolament japplika bejn l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea bl-eċċezzjoni tad-Danimarka. Bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra tapplika l-Konvenzjoni tal-1970 dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda Barra mill-Pajjiż f’Materji Ċivili jew Kummerċjali.

Ir-Regolament jipprevedi tliet modi ta’ kumpilazzjoni tax-xhieda bejn l-Istati Membri: il-kumpilazzjoni tax-xhieda mill-qorti rikjesta, il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mill-qorti rikjedenti u kumpilazzjoni ta’ xhieda minn aġenti diplomatiċi jew konsulari.

Il-Qorti Rikjedenti hija l-qorti jew awtorità kompetenti oħra jekk tiġi nnotifikata mill-Istat Membru rilevanti, li quddiemha jinbdew jew jiġu kkontemplati l-proċedimenti. Il-Qorti Rikjesta hija l-qorti kompetenti ta’ Stat Membru ieħor għall-eżekuzzjoni tal-kumpilazzjoni tax-xhieda. Il-Korp Ċentrali huwa responsabbli għall-provvista ta’ tagħrif u t-tfittxija ta’ soluzzjonijiet għal xi diffikultajiet li jistgħu jinħolqu rigward talba.

Ir-Regolament jipprevedi 14-il formola.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok mur fil-paġna tagħna dwar Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda.

Il-formoli mimlija għandhom jintbagħtu lill-awtorità kompetenti rilevanti b’mod mitlub mill-awtorità. Aktar informazzjoni dwar id-dettalji ta’ kuntatt għall-awtoritajiet kompetenti, il-leġiżlatura nazzjonali rilevanti eċċ. tinsab fit-taqsima tal-Atlas Ġudizzjarju Ewropew. Din il-paġna tinkludi għodda ta’ tiftix biex jinstabu l-awtoritajiet kompetenti li lilhom għandhom jintbagħtu l-formoli mimlija.

Mur fil-formoli għall-Kumpilazzjoni ta’ xhieda.

Ħoloq relatati

Gwida prattika għall-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda PDF (308 Kb) mt

L-aħħar aġġornament: 01/07/2022

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.