Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

Fil-postijiet kollha fejn hemm faċilitajiet ta’ vidjokonferenza u li huma proprjetà tal-Ministeru għall-Ġustizzja, impjegat wieħed ikun inkarigat biex jieħu ħsieb it-tagħmir għall-vidjokonferenzi. Din il-persuna tista’ topera t-tagħmir għall-vidjokonferenzi u tagħmel aġġustamenti minuri għall-konfigurazzjonijiet. It-tagħmir tal-vidjokonferenzi kollu huwa konness ma’ unità ċentrali fid-dipartiment tal-IT tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja (Bundesministerium für Justiz – BMJ). Minn hemm, l-amministraturi tal-IT jistgħu jirregolaw is-sistemi tal-vidjokonferenzi kollha li jinsabu madwar l-Awstrija.

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Iż-żewġ tipi ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda huma possibbli u permessi fl-Awstrija. Il-liġi Awstrijaka dwar il-proċedura ċivili hija rregolata mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Zivilprozessordnung – ZPO) għall-proċedimenti kontenzjużi u mill-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi (Außerstreitgesetz – AußStrG) għall-proċedimenti mhux kontenzjużi. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-kumpilazzjoni tax-xhieda jistgħu jinstabu fiz-ZPO (l-Artikoli 266 sa 389), u fl-AußStrG (l-Artikoli 16, 20 u 31 sa 35, b’referenza parzjali għaz-ZPO) kif ukoll fid-dispożizzjonijiet individwali li jirregolaw tipi speċifiċi ta’ proċedimenti, bħal fl-Artikolu 85 dwar id-dmir tal-parteċipazzjoni fi proċedimenti tal-paternità. Il-proċeduri nazzjonali rilevanti u n-normi ġuridiċi huma deskritti fid-dettall fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin u fl-iskeda informattiva “Kumpilazzjoni ta’ Xhieda – L-Awstrija”.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Skont l-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti kontenzjużi) u l-Artikolu 35 tal-AußStrG flimkien mal-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti mhux kontenzjużi), il-vidjokonferenza tista’ tintuża għall-kumpilazzjoni tax-xhieda u għalhekk għall-eżami tal-partijiet u tax-xhieda u għax-xhieda tal-periti wkoll.

L-Artikolu 3 tal-Ewwel Att dwar l-Appoġġ tas-Sistema tal-Ġustizzja għall-COVID-19 (1. COVID-19-Justiz-Begleitgesetz) (Il-Gazzetta tal-Liġi Federali (BGBl.) I 16/2020, kif emendat fil-BGBl. I 224/2022) ippermetta, għall-ewwel darba fi proċedimenti ċivili, li jsiru proċedimenti orali u seduti mingħajr il-preżenza fiżika tal-partijiet jew tar-rappreżentanti tagħhom permezz ta’ teknoloġija tal-komunikazzjoni xierqa għat-trażmissjoni ta’ kliem u immaġnijiet, sakemm il-partijiet ikunu taw il-kunsens tagħhom. Din id-dispożizzjoni tippermetti wkoll li din it-teknoloġija tintuża għall-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-proċedimenti orali jew barra l-proċedimenti orali, anke jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 277 taz-ZPO ma jkunux issodisfati, u li nies li suppost jattendu l-proċedimenti, jieħdu sehem fihom.

Din id-dispożizzjoni ġiet introdotta minħabba l-pandemija, bl-għan li jonqos kemm jista’ jkun il-kuntatt bejn il-persuni għal dak li jkun meħtieġ biss u li jiġi evitat il-kuntatt dirett, waqt il-proċedimenti orali, bejn nies li normalment ma jiltaqgħux ma’ xulxin.

L-Ewwel Att dwar l-Appoġġ tas-Sistema tal-Ġustizzja għall-COVID-19 (BGBl. I 16/2020, kif emendat fil-BGBl. I 224/2022) jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2023.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

F’konformità mal-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti kontenzjużi) u l-Artikolu 35 tal-AußStrG flimkien mal-Artikolu 277 taz-ZPO (proċedimenti mhux kontenzjużi), il-vidjokonferenza tista’ tintuża għall-kumpilazzjoni tax-xhieda. Madankollu, impedimenti fattwali jistgħu jipprekluduha, pereżempju meta jkunu jridu jintużaw ċertifikati jew spezzjoni viżiva waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Kull persuna tista’ tiġi mħarrka mill-qorti lokali tagħha u eżaminata hemmhekk permezz ta’ vidjokonferenza. Il-qrati, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u l-ħabsijiet kollha fl-Awstrija huma mgħammra b’tal-inqas sistema waħda ta’ vidjokonferenzi.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

F’materji ċivili m’hemm l-ebda dispożizzjoni ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data fil-liġi Awstrijaka għar-reġistrazzjoni ta’ eżamijiet magħmulin bil-vidjokonferenza. Għalhekk jenħtieġ il-qbil tal-persuni kollha involuti fil-vidjokonferenza. Dan japplika għall-kumpilazzjoni indiretta tax-xhieda, li, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2020/1783 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (“ir-Regolament”), għandha ssir f'konformità mal-liġi tal-Istat rikjest.

Madankollu, talba għall-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda trid issir skont il-liġi tal-Istat rikjedenti (l-Artikolu 19(8) tar-Regolament). Jekk il-liġi tkun tipprevedi r-reġistrazzjoni ta’ vidjokonferenzi mingħajr il-qbil tal-persuni kkonċernati, dan ikun ammissibbli min-naħa tal-Awstrija.

Fil-prinċipju, l-eżamijiet li jsiru permezz ta’ vidjokonferenza jistgħu jiġu rreġistrati fuq is-sistemi kollha tal-vidjokonferenzi. Fil-postijiet kollha fejn il-proċedimenti tal-qorti ġeneralment jiġu rreġistrati (f’ħafna qrati kriminali), it-tagħmir tekniku eżistenti jista’ jintuża biex jiġi rreġistrat l-eżami li jsir bil-vidjokonferenza. L-eżami jista’ jiġi rreġistrat fil-postijiet l-oħra kollha sempliċement billi jiġi installat medium ta’ memorja rilevanti.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament, ix-xhieda għandha tiġi kkumpilata skont il-liġi tal-Istat rikjest. Għalhekk l-eżami jrid isir bil-Ġermaniż (f’ċerti qrati Awstrijaċi, il-Kroat, is-Sloven jew l-Ungeriż huwa permess ukoll). Il-Qorti rikjedenti tista’ titlob li tuża l-lingwa uffiċjali tagħha (jew kwalunkwe lingwa oħra) bħala parti minn proċedura speċjali għall-eżekuzzjoni tat-talba tagħha għall-kumpilazzjoni ta’ xhieda. Madankollu, il-qorti rikjesta tista’ tirrifjuta dan jekk, pereżempju, ma jkunx possibbli minħabba diffikultajiet prattiċi kbar (l-Artikolu 12(3) tar-Regolament).

(b) Skont l-Artikolu 19(8) tar-Regolament, il-qorti rikjedenti trid twettaq il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda f'konformità mal-liġi tal-Istat Membru tagħha stess, u għalhekk b’waħda mil-lingwi uffiċjali permessi minn dik il-liġi. Madankollu, bħala l-Istat Membru rikjest, l-Awstrija għandha d-dritt taħt l-Artikolu 19(4) li tirrikjedi l-użu tal-lingwa tagħha bħala kundizzjoni għall-kumpilazzjoni tax-xhieda.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Fir-rigward tal-kumpilazzjoni indiretta tax-xhieda, irrispettivament minn kwalunkwe rimborż mogħti f'konformità mal-Artikolu 22(2) tar-Regolament, hija l-qorti rikjesta li għandha r-responsabbiltà li tipprovdi l-interpreti. Il-qrati involuti għandhom, madankollu, jikkooperaw b’mod kostruttiv (kemm hawn u kemm f’oqsma oħra).

Fir-rigward tal-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament, hija l-qorti rikjedenti li għandha r-responsabbiltà li tipprovdi l-interpreti. Madankollu, l-Artikolu 20(2) jistabbilixxi obbligu fuq l-Istat Membru rikjest biex jipprovdi assistenza.

Id-deċiżjoni dwar mil-liema Stat iridu jkunu ġejjin l-interpreti u fejn iridu jkunu preżenti trid issir fuq il-bażi ta’ xi jkun xieraq fil-każ individwali.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Il-persuna li għandha tiġi eżaminata tiġi mħarrka għal eżami mwettaq permezz tal-vidjokonferenza fl-Awstrija bl-istess mod u suġġett għall-istess perjodi ta’ avviż li japplikaw kieku kienet qed tissejjaħ quddiem il-qorti li qed tisma’ l-kawża.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

Ma hemmx ħlas għas-sejħiet għal vidjokonferenzi permezz tal-Protokoll tal-Internet (IP). Għall-vidjokonferenzi permezz tal-ISDN, min iċempel ikollu jħallas l-istess bħal f’telefonata normali. Dawn il-ħlasijiet ivarjaw skont il-post tal-installazzjoni lejn fejn qed issir it-telefonata.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Din hija primarjament ir-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li hija marbuta bl-Artikolu 19(2) tar-Regolament u li f’ħafna każijiet tistieden hi stess lill-persuni kkonċernati jattendu għall-vidjokonferenza. Jekk l-awtorità ċentrali Awstrijaka jew qorti Awstrijaka tinnota li l-Artikolu 19(2) tar-Regolament jista’ jkun li ma ġiex osservat waqt it-tħejjija jew il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, l-awtorità jew il-qorti trid, b’kooperazzjoni mal-qorti rikjedenti, tiżgura konformità ma’ din id-dispożizzjoni b’mod xieraq. L-impjegati tal-qrati fl-Awstrija huma mħarrġa fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2020/1783, u għandhom ukoll aċċess għall-“Gwida Ewropea dwar il-vidjokonferenzi fil-proċedimenti transfruntieri” permezz tal-intranet tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

L-identifikazzjoni fotografika tintuża biex tiġi vverifikata l-identità ta’ persuna. L-identità tal-persuna tiġi vverifikata wkoll bħala parti mill-eżami (l-Artikolu 340(1) taz-ZPO).

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Id-dispożizzjonijiet dwar it-teħid tal-ġurament għall-partijiet qegħdin fl-Artikoli 377 u 379 taz-ZPO u dawk għax-xhieda jistgħu jinstabu fl-Artikoli 336 sa 338 taz-ZPO.

Il-partijiet u x-xhieda huma t-tnejn obbligati jieħdu ġurament. Għalkemm il-partijiet ma jistgħux jiġu sfurzati legalment biex jieħdu ġurament, ix-xhieda jistgħu jiġu penalizzati jekk jirrifjutaw illegalment li jieħdu ġurament (l-Artikoli 325 u 326 taz-ZPO; il-penali huma l-istess bħal dawk meta wieħed jirrifjuta li jixhed u jinkludu multi sa massimu ta’ sitt ġimgħat priġunerija).

Skont l-Artikolu 288(2) tal-Kodiċi Kriminali (Strafgesetzbuch – StGB), l-għoti jew il-konferma ta’ xhieda falza taħt ġurament jew inkella it-teħid ta’ ġurament falz previst fil-liġi rilevanti huwa punibbli b’sentenza ta’ priġunerija ta’ bejn 6 xhur u 5 snin.

Xhieda falza mogħtija minn parti fi proċedimenti li ma tkunx ħadet ġurament ma titqiesx bħala reat punibbli. Madankollu, xhud li ma jkunx ħa ġurament u jkun ta xhieda falza jista’ jeħel sa tliet snin priġunerija (l-Artikolu 288(1) tal-StGB).

Skont l-Artikolu XL tal-Att Introduttorju għall-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Einführungsgesetz zur Zivilprozessordnung – EGZPO), id-dispożizzjonijiet tal-Att tat-3 ta’ Mejju 1868, il-Gazzetta tal-Liġi Imperjali (RGBl.) Nru 33 (Il-kliem tal-ġurament u formalitajiet oħrajn) iridu jiġu osservati (ara https://alex.onb.ac.at/cgi-content/alex?aid=rgb&datum=18680004&seite=00000067).

Skont l-Artikolu 336(1) u l-Artikolu 377(1) taz-ZPO, il-persuni li jkunu ġew ikkundannati qabel għal xhieda falza, jew li jkollhom inqas minn 14-il sena, jew li ma jkollhomx fehim suffiċjenti tan-natura u tat-tifsira ta’ ġurament għax ma jkunux maturi biżżejjed jew għax ikollhom diżabilità intellettwali, ma jistgħux jieħdu ġurament, u għalhekk ma jistgħux jitqiegħdu taħt ġurament.

Dawn id-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq relatati mal-eżami ta’ xhud jew ta’ parti taħt ġurament ma jistgħux jiġu applikati f’kawżi skont l-Att dwar il-Proċedimenti Mhux Kontenzjużi (l-Artikolu 35 tal-AußStrG).

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Fil-postijiet kollha fejn hemm faċilitajiet ta’ vidjokonferenza u li huma proprjetà tal-Ministeru għall-Ġustizzja, impjegat wieħed ikun inkarigat biex jieħu ħsieb it-tagħmir għall-vidjokonferenzi. Din il-persuna tista’ topera t-tagħmir għall-vidjokonferenzi u tagħmel aġġustamenti minuri għall-konfigurazzjonijiet. It-tagħmir għall-vidjokonferenzi kollu huwa konness ma’ unità ċentrali fid-dipartiment tal-IT tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja. Minn hemm, l-amministraturi tal-IT jistgħu jirregolaw is-sistemi tal-vidjokonferenzi kollha li jinsabu madwar l-Awstrija.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

L-informazzjoni li ġejja hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti:

  • l-indirizz tal-IP u/jew in-numru tal-ISDN bil-kodiċi tad-dialling;
  • l-isem, in-numru tat-telefon, l-indirizz tal-email ta’ impjegat fil-qorti rikjedenti li jkun responsabbli għall-aspetti tekniċi tat-tagħmir mill-bogħod.
L-aħħar aġġornament: 25/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.