Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Wara emenda tal-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (občanský soudní řád), kif emendat b’effett minn Settembru 2017, l-użu ta’ tagħmir għall-vidjokonferenzi fi proċedimenti ċivili huwa rregolat direttament mill-Att. L-Artikolu 102a tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula b’mod espliċitu li qorti tista’ twettaq proċedura bl-użu ta’ tagħmir ta’ vidjokonferenzi fuq talba ta’ parti jew meta jitqies utli. Il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw b’mod partikolari biex jippermettu l-preżenza ta’ parti jew ta’ interpretu f’seduta jew biex jiġi eżaminat xhud, perit jew parti.

Il-materja hija rregolata ulterjorment taħt l-Artikolu 10a tal-Istruzzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja Nru 505/2001 li toħroġ regoli interni u klerikali għall-qrati distrettwali, reġjonali u għoljin.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

L-att jipprevedi b’mod espliċitu l-eżami tax-xhieda, tal-periti u tal-partijiet. Madankollu, bl-ebda mod ma jirrestrinġi l-kategorija ta’ persuni minn qabel; persuni oħra jistgħu jiġu konnessi ma’ seduta permezz ta’ vidjokonferenza, pereżempju l-interpreti. Il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw jekk ikunu utli jew jekk jintalbu minn parti.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni ġenerali fit-test tal-liġi. Madankollu, jista’ jkun hemm restrizzjoni minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-kawża (fattibbiltà teknika, eċċ.).

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Jekk l-imħallef presjedenti (imħallef uniku) iwettaq proċeduri permezz ta’ vidjokonferenza, it-taħrika trid tiddikjara wkoll il-post u l-ħin tal-vidjokonferenza. Għalhekk, l-użu ta’ kwalunkwe bini xieraq għall-proċedura, pereżempju postijiet fejn ikunu jinsabu periti jew xhieda (eż. sptarijiet, laboratorji), mhuwiex prekluż.

Madankollu, huwa importanti li l-impjegati tal-qorti fdati bit-twettiq ta’ tali proċeduri mill-imħallef presjedenti (imħallef uniku) jivverifikaw l-identità tal-persuna kkonċernata mill-proċedura. Huwa previst li persuna normalment tiġi eżaminata fil-qorti, fil-ħabs jew f’faċilitajiet tal-kura tas-saħħa.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

L-Att jistipula li għandha tittieħed reġistrazzjoni awdjoviżiva kull meta proċedura ssir permezz ta’ vidjokonferenza. Jekk jitfassal rapport mar-reġistrazzjoni, il-persuna kkonċernata mill-proċedura ma jkollhiex għalfejn tiffirma r-rapport.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Jekk ix-xhud ma jitkellimx bil-lingwa tal-proċedimenti, dan ikollu d-dritt għal interpretu skont l-Artikolu 37(4) tal-Att Kostituzzjonali Nru 2/1993, il-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali (Listina základních práv a svobod). Skont l-Artikolu 18(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti trid taħtar interpretu għal kwalunkwe parti li l-ewwel lingwa tagħha ma tkunx iċ-Ċek, kull meta tinqala’ l-ħtieġa fil-proċedimenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti hija meħtieġa tipprovdi lill-partijiet b’opportunitajiet indaqs biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom u hija meħtieġa taħtar interpretu għal kwalunkwe parti li l-ewwel lingwa tagħha ma tkunx iċ-Ċek, kull meta tinqala’ l-ħtieġa fil-proċedimenti.

Jistgħu jsiru arranġamenti biex interpretu jkun preżenti permezz ta’ tagħmir għall-vidjokonferenzi. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li l-interpretu jkun fiżikament preżenti fl-istess post bħall-persuna li tkun qed tiġi eżaminata.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Il-qorti trid tħarrek persuna skont l-Artikolu 51 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Ħlief meta dan l-att jew leġiżlazzjoni speċjali dwar it-taħrikiet tkun teħtieġ aktar dettalji, it-taħrika trid tinkludi l-informazzjoni li ġejja: l-isem tal-kawża li għaliha l-persuna qed tiġi mħarrka, l-iskop, il-post u l-ħin tal-bidu tal-proċedimenti tal-qorti, ir-raġuni tat-taħrika, ir-rwol li fih il-persuna tkun qed tiġi mħarrka fil-proċedimenti, l-obbligi tal-persuna mħarrka u, jekk ikun meħtieġ, it-tul ta’ żmien mistenni tal-proċedimenti. Meta t-tagħmir tal-vidjokonferenzi jintuża f’seduta, il-persuna mħarrka tiġi nnotifikata dwar meta u fejn għandha tippreżenta ruħha.

It-taħrika tista’ tiġi nnotifikata bil-miktub jew b’mezzi elettroniċi u, f’każijiet urġenti, bit-telefown jew bil-faks.

Jekk ix-xhud jew il-perit ikun se jiġi eżaminat permezz ta’ vidjokonferenza u l-persuna li għandha tiġi eżaminata tkun meħtieġa tippreżenta ruħha f’distrett taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ qorti differenti, dik il-qorti tkun responsabbli għat-taħrika; il-qorti rikjedenti titlob lill-qorti l-oħra tagħmel din il-proċedura. Skont l-Artikolu 115(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, it-taħrika trid tiġi nnotifikata lill-partijiet b’mod li jippermettilhom żmien biżżejjed biex jippreparaw; ġeneralment dan ikun mill-inqas 10 ijiem qabel id-data tas-seduta, sakemm ma tkunx saret seduta preparatorja.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-użu tal-vidjokonferenzi jinvolvi spejjeż tat-trasferiment tad-data. Dawn l-ispejjeż għandhom ikunu koperti mill-qorti rikjedenti li tkun bdiet il-vidjokonferenza.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Skont l-Artikolu 126(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, kwalunkwe persuna fiżika li mhijiex parti fil-proċedimenti hija meħtieġa tattendi l-qorti meta tiġi mħarrka u tagħti x-xhieda tagħha. Ix-xhud jista’ jirrifjuta li jixhed biss f’każijiet fejn tali xhieda twassal għar-riskju ta’ prosekuzzjoni kriminali tax-xhud jew tal-qraba tiegħu. Qabel is-seduta x-xhieda dejjem jiġu mgħarrfa dwar is-sinifikat tax-xhieda tagħhom, dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u dwar il-konsegwenzi kriminali ta’ xhieda falza.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Skont l-Artikolu 126(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili fil-bidu tas-seduta, il-qorti hija meħtieġa tivverifika l-identità tax-xhud. Dan ġeneralment isir billi l-persuna tintalab tippreżenta l-karta tal-identità jew passaport.

Meta eżami jkun se jsir permezz ta’ tagħmir għall-vidjokonferenzi, impjegat tal-qorti fdat bit-twettiq ta’ din il-proċedura mill-imħallef presjedenti (imħallef uniku) irid jivverifika l-identità tal-persuna li tkun se tiġi eżaminata permezz tat-tagħmir għall-vidjokonferenzi. Bil-kunsens tal-imħallef presjedenti (imħallef uniku), il-persuna li tivverifika l-identità fil-post fejn tinsab il-persuna li tkun qed tiġi eżaminata tista’ tkun ukoll impjegat tal-qorti jew tal-ħabs jew tal-istituzzjoni ta’ detenzjoni, dment li din il-persuna tkun ġiet fdata b’dak il-kompitu.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Skont l-Artikolu 104(2) tal-Att Nru 91/2012 dwar id-dritt internazzjonali privat, ix-xhieda, il-periti u l-partijiet jistgħu jinstemgħu taħt ġurament, jekk jintalbu jagħmlu dan minn awtorità f’pajjiż ieħor. Għax-xhieda u l-partijiet fil-proċedimenti, il-ġurament jgħid hekk: "Naħlef fuq l-unur tiegħi illi nwieġeb għal kull mistoqsija li ssirli mill-qorti bis-sħiħ, ngħid il-verità u ma nżommx informazzjoni għalija". Għall-esperti, il-ġurament jgħid hekk: "Naħlef fuq l-unur tiegħi illi l-opinjoni li jiena nagħti tkun skont l-aħjar għarfien u twemmin tiegħi". Jekk ikun hemm ġurament sussegwenti, it-test tal-ġurament jiġi modifikat kif xieraq.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Il-qrati rikjedenti u dawk rikjesti jaqblu fuq arranġamenti speċifiċi waqt it-tħejjija għall-vidjokonferenza u dawn ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tagħhom.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Il-qrati rikjedenti u dawk rikjesti jaqblu fuq arranġamenti speċifiċi waqt it-tħejjija għall-vidjokonferenza u dawn ikunu bbażati fuq il-ħtiġijiet tagħhom.

L-aħħar aġġornament: 19/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.