Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Greċja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Iva, huwa possibbli fiż-żewġ każijiet. Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) 2020/1783, il-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz ta’ vidjokonferenza ssir skont il-liġi nazzjonali tal-qorti rikjesta (fil-Greċja, id-Digriet Presidenzjali 142/2013 u l-Artikolu 393(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), filwaqt li, skont l-Artikolu 12(3), il-qorti rikjedenti tista’ titlob li t-talba tiġi eżegwita skont proċedura speċjali prevista fil-liġi nazzjonali tagħha, u l-qorti rikjesta teżegwixxi t-talba skont il-proċedura speċjali sakemm dan ma jkunx inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tagħha jew ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba diffikultajiet prattiċi kbar.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni. Il-parteċipanti kollha fil-proċedimenti jistgħu jiġu eżaminati permezz ta’ vidjokonferenza.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni, ħlief fuq ir-reġistrazzjoni ta’ vidjokonferenzi bl-immaġnijiet (l-Artikolu 2(3) tad-Digriet Presidenzjali 142/2013).

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

L-eżami jista’ jsir f’awla jew f’uffiċċju fil-qorti adattat kif xieraq li jkun ġie ċċertifikat b’deċiżjoni tal-kap tal-qorti li tkun ġiet ikkomunikata lill-Ministru għall-Ġustizzja, jew f’uffiċċju f’awtorità konsulari Griega barra l-pajjiż.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Seduti b’vidjokonferenza jistgħu jiġu rreġistrati bil-ħoss iżda mingħajr l-immaġnijiet, u l-faċilità hija disponibbli; il-minuti tal-vidjokonferenza jinżammu mir-reġistratur tal-qorti jew tal-awtorità konsulari Griega barra l-pajjiż.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Il-proċedimenti jsiru bil-Grieg u, fejn meħtieġ, ikun preżenti interpretu; (b) il-proċedimenti jkunu bil-lingwa tal-qorti rikjedenti, b’interpretu li jipprovdi interpretazzjoni simultanja bil-Grieg.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Kull parti tagħmel arranġamenti sabiex jinstab u jitħallas interpretu, meta x-xhud, il-parti jew il-perit propost għall-interrogazzjoni u li jkun se jixhed permezz ta’ vidjokonferenza ma jkunx jitkellem bil-Grieg. L-interpreti jridu jkunu fl-istess kamra bħall-imħallef li jkun qed imexxi l-proċedura tal-vidjokonferenza jew il-kap tal-awtorità konsulari Griega barra l-pajjiż.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Fiż-żewġ każijiet, id-dettalji ta’ kif għandha ssir is-seduta jiġu ddeterminati bi ftehim bejn l-imħallfin tal-qorti rikjedenti u l-qorti rikjesta, bi kwalunkwe mezz xieraq ta’ komunikazzjoni, bħat-telefown, il-posta elettronika jew il-faks.

Il-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet prattiċi relatati mal-ippjanar u t-tmexxija tal-vidjokonferenza titwettaq mill-uffiċjali kompetenti tal-qorti, bi kwalunkwe mezz xieraq ukoll, taħt is-superviżjoni tal-imħallfin imsemmija hawn fuq.

Skont il-ftehim imsemmi hawn fuq bejn l-imħallfin, l-imħallef tal-qorti rikjesta jinforma lill-persuna li għandha tiġi eżaminata bil-ħin u l-post tal-eżami, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-post tal-eżekuzzjoni, u b’avviż suffiċjenti biex l-eżami jkun jista’ jsir.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

Kull parti tagħmel arranġamenti sabiex jinstab u jitħallas interpretu, meta x-xhud, il-parti jew il-perit propost għall-interrogazzjoni u li jkun se jixhed permezz ta’ vidjokonferenza ma jkunx jitkellem bil-Grieg. Il-parti tħallas lill-interpretu direttament.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-persuna tiġi infurmata mill-imħallef kompetenti tal-qorti rikjesta.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

L-imħallef li jkun qed imexxi s-seduta jivverifika l-identità tal-persuna li għandha tiġi interrogata. Biex tiġi stabbilita l-identità tal-persuna fil-kamra mbiegħda, l-imħallef jiġi assistit mir-reġistratur jew minn persuna fil-post imbiegħed li tkun ġiet awtorizzata mill-avukat.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

L-imħallef li jkun qed imexxi s-seduta jistaqsi lix-xhud, lill-perit, eċċ. li jkun se jiġi eżaminat jekk jixtieqx jieħu ġurament reliġjuż jew ċivili. L-istess japplika għall-interpreti qabel ma jibdew jaqdu dmirijiethom fil-proċedimenti.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Isiru arranġamenti biex l-uffiċjali tal-qorti rilevanti jkunu preżenti qabel u waqt il-vidjokonferenza.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Xejn.

L-aħħar aġġornament: 19/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.