Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Ungerija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

L-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (A polgári perrendtartásról szóló 2016. évi CXXX. Törvény, bl-Ungeriż) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”) jippermetti lill-qorti, jew fuq proposta ta’ parti jew fuq inizjattiva tagħha stess, tordna li parti, parteċipanti oħra fil-proċedura ġudizzjarja, xhud jew perit jiġu eżaminati, u – dment li l-proprjetarju tal-oġġett li għandu jiġi spezzjonat ma joġġezzjonax – li titwettaq spezzjoni, permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Eżami permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi ordnat jekk ikun espedjenti li jsir dan, pereżempju biex jitħaffu l-proċedimenti; meta eżami fil-post magħżul għas-seduta jkun diffiċli biex jiġi organizzat jew huwa għoli b’mod sproporzjonali; jew jekk il-protezzjoni ta’ xhud teħtieġ dan.

Ir-regoli dwar l-eżamijiet permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jinsabu fil-Kapitolu XLVII tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili u fid-Digriet Nru 19/2017 tal-21 ta’ Diċembru 2017 tal-Ministru għall-Ġustizzja dwar l-użu ta’ netwerks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi f’seduti ta’ smigħ u eżamijiet ta’ azzjoni ċivili (A polgári eljárásban a tárgyalás, a meghallgatás elektronikus hírközlő hálózat útján történő megtartásáról szóló 19/2017. (XII. 21.) IM rendelet, bl-Ungeriż) (iktar ’il quddiem id-“Digriet Nru 19/2017 tal-Ministru tal-Ġustizzja”).

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Mhemmx restrizzjonijiet fir-rigward tal-persuni li jistgħu jiġu eżaminati permezz ta’ vidjokonferenza. Dan il-metodu jista' jintuża għall-eżaminazzjoni tal-partijiet u l-parteċipanti l-oħra fil-proċedimenti tal-qorti, kif ukoll għax-xhieda, l-esperti u s-sidien tal-oġġetti soġġetti għall-ispezzjoni.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Seduta ta’ smigħ, eżaminazzjoni jew spezzjoni bl-użu ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jintużaw biex jiġu eżaminati l-partijiet u parteċipanti oħra fil-proċedimenti tal-qorti, ix-xhieda u l-esperti, jew biex titwettaq spezzjoni.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

L-eżaminazzjonijiet permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jistgħu jsiru fil-qorti jew għand korp ieħor, fi kmamar separati mgħammra għal dan il-għan, sakemm ikun hemm il-kundizzjonijiet sodisfati għall-operat ta’ network elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qorti tista’ tordna fl-istadju tal-proċess - fuq talba ta’ waħda mill-partijiet jew fuq l-inizjattiva tagħha stess - illi l-minuti tas-seduti ta’ smigħ, l-eżaminazzjonijiet jew l-ispezzjonijiet imwettqa permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet jiġu mħejjija permezz ta’ rekordings kontinwi u simultanji bil-vidjo u l-awdjo jekk il-kundizzjonijiet tekniċi biex isir dan huma sodisfati.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

F’każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament Nru 2020/1783, ir-regoli tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jridu jiġu applikati f’konformità mal-Artikolu 12(2). Skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, il-proċedimenti tal-qorti jsiru bl-Ungeriż, iżda ħadd ma jista jitqiegħed f'sitwazzjoni żvantaġġata minħabba li ma jkunx jifhem bil-lingwa Ungeriża. Kull persuna hija intitolata li tuża l-lingwa materna tagħha fi proċedimenti tal-qorti, jew il-lingwa reġjonali jew minoritarja tagħha fejn dan ikun previst minn konvenzjonijiet internazzjonali. Fejn ikun meħtieġ, il-qorti għandha l-obbligu tqabbad interpretu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament 2020/1783, il-qorti rikjedenti tista’ titlob l-eżekuzzjoni tat-talba f’konformità ma’ proċedura speċjali prevista fid-dritt nazzjonali tagħha. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba f’konformità mal-proċedura speċjali, dment li dan ma jkunx inkompatibbli mal-liġi nazzjonali tagħha jew ma tkunx tista’ tagħmel dan minħabba diffikultajiet prattiċi kbar. Jekk il-qorti rikjesta ma tikkonformax mat-talba li t-talba tiġi eżegwita f’konformità ma’ proċedura speċjali għal waħda minn dawk ir-raġunijiet, hija għandha tinforma lill-qorti rikjedenti.

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21, il-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda għandha titwettaq f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, skont l-Artikolu 19(8) tar-Regolament 2020/1783.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14, jekk ikun meħtieġ sabiex tintuża l-lingwa materna, reġjonali jew minoritarja ta’ parti, l-qorti għandha l-obbligu tqabbad interpretu.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar fejn eżattament l-interpretu għandu jkun lokalizzat fil-każ ta’ eżami permezz ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Madankollu, dan jispeċifika li l-interpreti jridu jkunu preżenti fil-kmamar stabbiliti għal dawn l-eżamijiet. Skont id-Digriet 19/2017 tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-interpretu jrid jissemma fuq ir-rekording trażmess.

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21, il-qorti rikjedenti għandha, fuq talba, tkun assistita biex issib interpretu, f’konformità mal-Artikolu 20(2).

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

L-ordni għal eżami permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tiġi nnotifikata lill-persuni mħarrka flimkien mat-taħrika għas-seduta, eżaminazzjoni jew spezzjoni. L-ordni għal eżami permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tintbagħat mill-qorti mingħajr dewmien lill-qorti jew korp ieħor li jkunu qiegħdin jipprovdu l-faċilitajiet iddedikati għall-eżami permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet.

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili ma fih ebda dispożizzjoni speċjali dwar it-taħrika għal eżamijiet permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet. Trid tintbagħat ċitazzjoni għas-seduta ta’ smigħ bil-quddiem sabiex ikun hemm ħin għall-irċevuta li tikkonferma li din ġiet notifikata f’konformità mal-liġi u biex tiġi ritornata lill-qorti qabel is-seduta.

L-ewwel seduta trid tiġi ppjanata sabiex jiġi żgurat li t-taħrika tiġi nnotifikata lill-partijiet, bħala regola ġenerali, tal-inqas ħmistax qabel id-data tas-seduta. Il-qorti tista' tqassar dan il-perjodu f'każijiet urġenti.

Fil-każ tat-talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21, jridu japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 19(4) u (8).

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-ispejjeż ivarjaw u jridu jiġu koperti (permezz ta’ depożitu jew ħlas bil-quddiem) mill-qorti rikjedenti jekk il-qorti rikjesta titlob dan. Il-dmir ta' dawn il-partijiet li jħallsu dawn il-miżati jew spejjeż huwa rregolat mill-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament 2020/1783, il-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna konċernata illi l-eżami huwa volontarju. Skont l-Artikolu 80(6)(a)(aa) tal-Att XXVIII tal-2017 dwar id-dritt internazzjonali privat (A nemzetközi magánjogról szóló 2017. évi XXVIII. Törvény, bl-Ungeriż), il-qorti Ungeriża involuta fl-organizzazzjoni tal-vidjokonferenza trid ukoll tinforma lix-xhud li għandu jiġi eżaminat li l-involviment tiegħu huwa volontarju.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

L-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata permezz ta' netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet tiġi vverfikata abbażi ta' dan li ġej:

  • l-informazzjoni mogħtija mill-persuna konċernata sabiex jiġu vverifikati l-identità u l-indirizz tagħha, u
  • l-preżentazzjoni permezz ta’ mezzi tekniċi kif speċifikat mil-liġi tad-dokument uffiċjali tal-identità jew ta’ residenza tagħha.

Jekk il-qorti tkun ordnat it-trattament kunfidenzjali tad-data ta’ xhud, dan irid jiġi żgurat matul il-preżentazzjoni b’mezzi tekniċi kif speċifikat mil-liġi tad-dokument ta’ identifikazzjoni uffiċjali jew tad-dokument ta’ residenza tiegħu li tali data jista’ jaraha biss l-imħallef li jippresjedi jew ir-reġistratur, jekk l-eżami jew l-ispezzjoni jsir minn reġistratur.

Il-qorti tuża wkoll mezzi elettroniċi jew mistoqsijiet diretti f'bażi tad-data biex tikkonferma li:

  • l-informazzjoni mogħtija mill-persuna li għandha tiġi eżaminata sabiex jiġu vverifikati li l-identità u l-indirizz tagħha jaqblu mar-rekords; u
  • d-dokument uffiċċjali u d-dokument ta’ residenza ppreżentati mill-persuna li għandha tiġi eżaminata bħala prova tal-identità jaqblu mar-rekords u għadhom validi.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili ma jipprovdix għall-għoti tal-ġurament waqt il-proċedimenti tal-qorti.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi għall-preżenza ta’ persuna responsabbli għat-tħaddim u l-operat tat-tagħmir tekniku meħtieġ għall-eżamijiet permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet fil-faċilitajiet għal dan il-għan.

L-operatur irid jiżgura li t-tagħmir tekniku għall-eżami jaħdem qabel il-bidu tal-eżami. Jekk ikun hemm xi ostakolu għall-operat normali tat-tagħmir, l-operatur jirrapporta l-problema lill-imħallef preżenti fil-post speċifikat għas-seduta ta’ smigħ mingħajr dewmien u jara li l-problema tissolva. Il-problema u l-miżuri meħuda mbagħad jitniżżlu bil-miktub u jingħataw lill-maniġer ta’ fuq l-operatur. L-eżami permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet ma jistax tibda jew ikompli sakemm tiġi riżolta l-problema. Il-pass proċedurali li jkun qiegħed iseħħ meta tinqala l-problema jew it-tħaddim bi ħsara tat-tagħmir tekniku użat għall-eżami permezz ta’ netwerk elettroniku tat-telekomunikazzjonijiet irid jiġi ripetut fejn meħtieġ.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Ġeneralment, ebda informazzjoni addizzjonali oħra mhija meħtieġa.

L-aħħar aġġornament: 25/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.