Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Iva, iż-żewġ proċedimenti huma possibbli. Il-maġġoranza tat-talbiet indirizzati lil-Lussemburgu jikkonċernaw l-interrogazzjoni ta' xhud minn qorti fl-Istat Membru rikjedent permezz ta' vidjokonferenza.

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-vidjokonferenzi, għalhekk l-artikoli tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili relatati mas-seduti ta’ smigħ tax-xhieda, il-verifiki personali mill-imħallef u l-apparenzi personali tal-partijiet huma applikabbli. Attwalment, ma hemmx ġurisprudenza dwar il-vidjokonferenzji.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Jistgħu jkunu soġġetti għal seduta ta' għoti ta' xhieda, ix-xhieda, f'ċerti każijiet il-partijiet u l-esperti ġudizzjarji. Madankollu, s'issa, it-talbiet kienu biss dwar is-smigħ tax-xhieda.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

L-unika restrizzjoni li għandha tiġu nnutata hija illi s-seduta ta' smigħ tax-xhud issir fuq bażi volontarja. Jekk xhud jirrifjuta li jixhed, l-awtoritajiet Lussemburgiżi m'għandhom l-ebda dritt jobbligawh.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Iridu jkunu provi li jistgħu jinkisbu f'postijiet fil-qrati mgħammra bit-tagħmir tekniku neċessarju.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Jekk l-Istat rikjedenti jixtieq jirrekordja l-vidjokonferenza, irid ikollu l-kunsens espliċitu tax-xhud mismugħ ġewwa l-Lussemburgu. Il-Lussemburgu bħala l-Istat rikjest ma jirreġistrax vidjokonferenzi.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) bil-Franċiż, bil-Ġermaniż

(b) bil-lingwi kollha

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Il-qorti Lussemburgiża bħala Stat rikjest tieħu ħsieb li jkun hemm interpretu kull darba li jkun meħtieġ biex tikkomunika b'mod utli kemm mal-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti u kemm mal-persuna li trid tinstema'. Irid ikun preżenti fil-qorti li tkun qed twettaq il-kumpilazzjoni tax-xhieda.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

L-awtoritajiet Lussemburgiżi, u b'mod aktar preċiż il-qorti inkarigata mill-miżura struttorja, jikkuntattjaw lill-awtoritajiet tal-Istat rikjedenti biex jaslu għal ftehim dwar ħin u data għall-vidjokonferenza. Iż-żmien mogħti għaċ-ċitazzjoni huwa ta' mill-inqas 15-il jum. L-awtoritajiet Lussemburgiżi huma inkarigati jsejħu l-persuni għall-vidjokonferenza.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-użu tal-vidjokonferenza u t-taxxi jieħu ħsiebhom l-Istat Lussemburgiż. L-ispejjez tal-interpretu jitħallsu mill-Istat rikjedent.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-persuna tiġi infurmata fl-ittra ta' stedina u mill-imħallef jew inkella mir-reġistratur qabel tibda l-vidjokonferenza.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Il-qorti Lussemburgiża, fil-kwalità ta' Stat rikjest, twettaq proċess ta' kontroll tal-identità billi tivverifika l-karti tal-identità fil-bidu tal-vidjokonferenza.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Ix-xhieda jridu jieħdu ġurament li jgħidu l-verità. Huma jiġu infurmati li jistgħu jeħlu multi u priġunerija f'każ ta' xhieda falza.

Il-ġurament jittieħed quddiem il-qorti rikjedenti.

Fil-każ tal-Artikolu 19, l-Istat rikjedenti japplika l-kundizzjonijiet tiegħu stess. L-imħallef Lussemburgiż li jkun preżenti dakinhar tal-vidjokonferenza, fil-kwalità tiegħu ta' Stat rikjest, ma jintervjenix ħlief f'każ ta' problema.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Fid-data u l-ħin iffissati għall-vidjokonferenza, ikunu preżenti l-imħallef, ir-reġistratur, persuna teknika u, f'każ ta' bżonn, interpretu.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Sabiex issir il-vidjokonferenza, iridu jiġu kkjarifikati ċertu numru ta' kwistjonijiet ta' natura teknika. Is-suċċess ta' seduta ta' smigħ permezz ta' vidjokonferenza jiddependi minn preparazzjoni tajba minn qabel u kollaborazzjoni effikaċi bejn il-punti ta' kuntatt.

L-aħħar aġġornament: 11/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.