Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Il-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz ta’ vidjokonferenza tista’ ssir direttament mill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti skont it-talbiet magħmula taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda. L-awtorità kompetenti tista’ tassenja qorti Maltija biex tipparteċipa fil-kumpilazzjoni tax-xhieda skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda. F’każijiet bħal dawn, il-qorti Maltija tista’ taħtar assistent ġudizzjarju għal dan il-għan skont l-Artikolu 97A(3) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-qorti rikjesta tista’ fid-diskrezzjoni tagħha biss tippermetti li l-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir permezz ta’ vidjokonferenza suġġetta għal kwalunkwe kundizzjoni u direzzjoni li tqis meħtieġa. Dan huwa rregolat mill-Artikolu 622B(2) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). F’termini ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti rikjesta tista’ wkoll tagħti direzzjoni li l-kumpilazzjoni tax-xhieda permezz ta’ vidjokonferenza ssir bil-parteċipazzjoni tal-qorti rikjedenti fejn xieraq.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni bħal din imposta. Ix-xhieda, il-periti u l-partijiet kollha jistgħu jiġu eżaminati b’vidjokonferenza sakemm dan ma jmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali. Japplikaw l-istess regoli dwar il-kompetenza tax-xhieda, irrispettivament minn jekk ix-xhud jiġix eżaminat personalment jew permezz ta’ vidjokonferenza.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni bħal din imposta, sakemm it-talba għall-kumpilazzjoni tax-xhieda ma tmurx kontra l-prinċipji fundamentali tad-dritt nazzjonali.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

L-Artikolu 622B(2) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta) iħalli fid-diskrezzjoni tal-qorti rikjesta li tistabbilixxi l-post fejn għandu jitwettaq l-eżami permezz ta’ vidjokonferenza. Fil-prattika, il-vidjokonferenza spiss tiġi organizzata fil-bini tal-Qorti.

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Iva, ir-reġistrazzjoni awdjo jew ir-reġistrazzjoni bil-vidjo ta’ kwalunkwe xhieda hija permessa bl-użu tas-sistema ta’ reġistrazzjoni eżistenti fil-qrati f’termini tal-Artikolu 622B(1) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta).

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, is-seduta trid issir bil-lingwa Maltija jew bil-lingwa Ingliża, skont il-każ skont l-Artikolu 2 tal-Att dwar Proċeduri Ġudizzjarji (Użu tal-ilsien Ingliż) (il-Kapitolu 189 tal-Liġijiet ta’ Malta). Jekk il-persuna li tkun qed tixhed la tkun tifhem il-Malti u lanqas l-Ingliż, il-qorti rikjesta tista’ taħtar interpretu.

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-lingwa tas-seduta tiddependi fuq jekk ix-xhieda għandhiex tiġi kkumpilata bil-parteċipazzjoni ta’ qorti Maltija jew ta’ assistent ġudizzjarju maħtur (jekk jogħġbok irreferi għall-Mistoqsija 1).

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, l-interpreti jinħatru mill-qorti rikjesta skont l-Artikolu 596 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). L-interpreti jinħatru bi spiża provviżorja tal-parti li tipproduċi x-xhud. L-interpreti għandhom ikunu jinsabu fil-post fejn il-qorti rikjesta għandha tordna li jsir l-eżami (jekk jogħġbok irreferi għall-Mistoqsija 4).

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, hija l-qorti rikjedenti li għandha taħtar interpreti u tiddeċiedi fejn għandhom ikunu lokalizzati.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-persuna li għandha tiġi eżaminata tiġi mħarrka biex tidher permezz ta’ taħrika fil-ħin u fil-post indikat fiha. It-taħrika għandha tinħareġ mill-inqas xahar qabel ma ssir is-seduta biex jitħalla biżżejjed żmien biex it-taħrika tiġi nnotifikata lill-persuna li għandha tiġi eżaminata.

Fil-każ ta’ talbiet magħmula skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-persuna li għandha tiġi eżaminata tista’ tiġi nnotifikata bil-ħin u bil-post tas-seduta direttament mill-qorti rikjedenti. Inkella, il-persuna li għandha tiġi eżaminata għandha tiġi nnotifikata bil-ħin u l-post tas-seduta mill-awtorità kompetenti permezz tal-posta elettronika jew bit-telefown. Għal dan il-għan, il-qorti rikjesta għandha tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt meħtieġa tal-persuna li għandha tiġi eżaminata.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

L-użu tal-vidjokonferenzi huwa mingħajr ħlas.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

F’każijiet bħal dawn hija l-qorti rikjedenti skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda li għandha tiżgura, qabel ma tissottometti t-talba tagħha għall-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, li l-kumpilazzjoni tax-xhieda ssir fuq bażi volontarja.

Meta l-qorti rikjedenti ma tkunx tista’ tipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna li għandha tiġi eżaminata (kif imsemmi fil-Mistoqsija 8) dan ġeneralment jittieħed bħala indikazzjoni li r-rekwiżit tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda ma jkunx ġie osservat, sakemm ma jkunx jista’ jiġi identifikat mezz ieħor għall-verifika tal-konformità ma’ din id-dispożizzjoni permezz ta’ kooperazzjoni reċiproka tal-qrati rikjedenti u rikjesti jew tal-awtoritajiet kompetenti.

Barra minn hekk, meta qorti Maltija jew assistent ġudizzjarju jkun ġie assenjat biex jipparteċipa fis-seduta skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-qorti jew l-assistent ġudizzjarju, skont il-każ, jista’ jinforma direttament lill-persuna li għandha tiġi eżaminata dwar il-bażi volontarja tal-kumpilazzjoni tax-xhieda.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Meta ssir talba skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, il-qorti rikjesta tistabbilixxi l-identità tal-persuna li għandha tiġi eżaminata u tivverifikaha, jekk ikun meħtieġ, mal-karta tal-identità jew il-passaport ta’ dik il-persuna. Fil-prattika, ta’ spiss ikun il-każ li l-ewwel mistoqsija li tintalab lix-xhud tkun li jiddikjara ismu taħt ġurament.

Meta talba ssir skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda, hija l-qorti rikjedenti li għandha tivverifika l-identità tal-persuna li għandha tiġi eżaminata.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Bħala regola ġenerali skont id-dritt nazzjonali, it-teħid ta’ ġurament qabel wieħed jibda jixhed huwa rregolat mill-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta). Xhud li jħaddan it-twemmin Kattoliku Ruman għandu jaħlef kif inhi d-drawwa ta’ dawk li huma ta’ dak it-twemmin; u xhud li ma jħaddanx dak it-twemmin għandu jaħlef bil-mod li huwa jidhirlu li jorbot l-aktar il-kuxjenza tiegħu. Ix-xhieda jaħilfu li jgħidu s-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa.

Madankollu, ma hemm l-ebda rekwiżit nazzjonali għat-teħid ta’ ġuramenti applikabbli f’każijiet ta’ kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda. Hija l-qorti rikjedenti li għandha tamministra l-ġurament skont il-liġi tal-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Din li ġejja hija l-persuna ta’ kuntatt rilevanti:

Nathalie Cutajar, Skrivana Prinċipali

Kuntatt +356 25902346

nathalie.cutajar@courtservices.mt

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

Dan li ġej huwa meħtieġ mill-qorti rikjedenti qabel id-data tas-seduta ta’ smigħ:

  1. Iż-żona tal-ħin;
  2. Appuntament għall-ittestjar (data u ħin);
  3. Indirizz ta’ IP fiss;
  4. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna teknika tagħha.
L-aħħar aġġornament: 05/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.