Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Pollakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Polonja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?

Fil-Polonja, il-kumpilazzjoni tax-xhieda tista’ ssir permezz ta’ vidjokonferenza, skont l-Artikoli 12 sa 14 u l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament (KE) Nru 2020/1783 tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni ta’ xhieda) (riformulazzjoni). Il-vidjokonferenzi huma rregolati mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (minn hawn ’il quddiem: is-“CCP”), speċifikament l-Artikoli 151(2) u 235(2) tas-CCP, u mir-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 2010 dwar it-tagħmir tekniku u r-riżorsi li jippermettu l-kumpilazzjoni ta’ xhieda mill-bogħod fi proċedimenti ċivili.

L-Artikolu 15zzs[1] tal-Att tat-2 ta’ Marzu 2020 dwar arranġamenti speċjali għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-COVID-19, mard ieħor li jittieħed u sitwazzjonijiet ta’ kriżi relatati jipprevedi regoli speċifiċi għat-twettiq ta’ laqgħat mill-bogħod, inkluża l-kumpilazzjoni ta’ xhieda permezz tal-vidjokonferenzi. Dawn għandhom japplikaw sakemm idum l-istat tat-theddida tal-epidemiji jew l-istat tal-epidemija ddikjarat minħabba l-COVID-19 u fi żmien sena mit-tneħħija tal-aħħar wieħed mit-tnejn. Peress li l-istat ta’ theddida ta’ epidemija fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja għadu fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2023 u huwa possibbli li jiġi estiż aktar, huwa previst li dawn ir-regoli speċjali se japplikaw mill-inqas sal-31 ta’ Marzu 2024.

Matul il-perjodu msemmi fil-paragrafu preċedenti, iż-żamma ta’ seduti pubbliċi tal-qorti permezz ta’ vidjokonferenza hija regola li tista’ ssir deroga minnha biss jekk ikun meħtieġ li l-kawża tinstema’ personalment jew f’seduta pubblika u jekk iż-żamma ta’ seduti fil-binja tal-qorti ma tipperikolax indebitament is-saħħa tal-persuni li jattendu għalihom.

2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?

Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni ta’ dan it-tip: il-periti, il-partijiet u x-xhieda jistgħu jiġu eżaminati permezz ta’ vidjokonferenza.

3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Il-liġi Pollakka ma tipprevedix regoli speċifiċi dwar il-limiti fuq it-tip ta’ xhieda li tista’ tiġi kkumpilata permezz ta’ vidjokonferenza, iżda tirrikjedi biss li n-natura tax-xhieda ma tipprekludix dan (l-Artikolu 235(2) tas-CCP). Fil-fatt, fil-prattika, il-kumpilazzjoni ta’ ċerta xhieda permezz tal-vidjokonferenzi (eż. xhieda minn spezzjoni viżiva) tista’ tkun impossibbli jew ferm diffiċli. Il-valutazzjoni finali titħalla f’idejn il-qorti.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?

Jekk is-seduta ta’ smigħ issir permezz ta’ vidjokonferenza, il-persuna intervistata u partijiet oħra fil-proċedimenti li ma jkunux fl-awla tal-qorti jridu jkunu preżenti fil-binja ta’ qorti oħra jew, jekk ikunu mċaħħda mil-libertà, fil-ħabs jew f’faċilità ta’ detenzjoni qabel il-proċess. Fil-każ ta’ persuna mċaħħda mil-libertà, rappreżentant tal-amministrazzjoni tal-ħabs jew tal-faċilità ta’ detenzjoni ta’ qabel il-proċess, ir-rappreżentant tal-persuna, jekk din ikollha wieħed, u interpretu, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jipparteċipaw ukoll fil-proċedimenti.

Bħala eċċezzjoni, matul l-istat ta’ theddida mill-epidemija tal-COVID-19 jew matul l-istat ta’ epidemija u fi żmien sena mit-tneħħija tal-aħħar wieħed mit-tnejn (ara l-punt 1 hawn fuq), il-parteċipanti fil-vidjokonferenzi mhumiex meħtieġa jkunu f’binja tal-qorti. Huwa biżżejjed li l-parteċipant għal-laqgħa jkollu faċilitajiet tekniċi biex jattendi l-laqgħa mill-bogħod barra l-binja tal-qorti. Inkella, il-parteċipant għandu, mill-inqas 5 ijiem qabel id-data skedata tal-laqgħa, jippreżenta talba biex jattendi laqgħa mill-bogħod fil-binja tal-qorti. Il-Qorti tipprojbixxi r-reġistrazzjoni tal-ħoss jekk is-seduta jew parti minnha ssir bil-magħluq jew issir oġġezzjoni għaliha għal raġunijiet ta’ proċess ġust (l-Artikolu 9[1] tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Bħala regola, il-minuti ta’ laqgħa jitfasslu bl-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni tal-ħoss jew tal-immaġni u tal-ħoss. F’dan il-każ, is-seduta ta’ smigħ permezz ta’ vidjokonferenza tiġi rreġistrata wkoll ex officio mill-qorti. Madankollu, meta l-minuti ta’ laqgħa jitfasslu biss bil-miktub (eż. fin-nuqqas ta’ faċilitajiet xierqa fl-awla tal-qorti), il-proċedimenti tas-seduta, inklużi dawk li jsiru permezz ta’ vidjokonferenza, ma jiġux irreġistrati u l-proċedimenti jiġu rreġistrati fil-minuti. F’dan il-każ, madankollu, huwa possibbli għal parti li tirreġistra l-iżvolġiment tal-laqgħa bl-użu ta’ apparat ta’ reġistrazzjoni tal-ħoss (eż. mobile b’funzjoni ta’ dittafonu). Il-kunsens tal-qorti mhuwiex meħtieġ, u l-parti hija obbligata biss li tinforma lill-qorti bl-intenzjoni tagħha li tirreġistra l-ħoss.

6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

(a) Fil-każ ta’ intervista personali skont l-Artikoli 12–14, ir-regola hija li l-intervista ssir bil-Pollakk. Il-liġi Pollakka ma tipprevedix il-possibbiltà li jsiru seduti quddiem qorti Pollakka b’lingwa oħra għajr il-Pollakk.

(b) Fil-każ ta’ kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 19–21, il-qorti rikjedenti għandha tiddetermina l-lingwa li biha titmexxa s-seduta. Madankollu, skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament 2020/1784, il-korp ċentrali Pollakk jista’ jimponi l-kundizzjoni li s-seduta ssir bil-Pollakk jew li tiġi pprovduta traduzzjoni għall-Pollakk. Dan japplika b’mod partikolari għas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 19(4) (2) tar-Regolament, jiġifieri fejn qorti Pollakka tkun involuta fil-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Fil-każ ta’ seduta skont l-Artikoli 12 sa 14, l-interpretu jiġi pprovdut mill-qorti Pollakka bħala l-qorti rikjesta. Ir-regoli ma jispeċifikawx fejn għandu jkun l-interpretu, ħlief fejn il-persuna li teħtieġ interpretu tiġi mċaħħda mil-libertà (ara l-punt 4 hawn fuq).

Fejn ikun hemm kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament, il-qorti rikjedenti tipprovdi l-interpretu. Il-qorti rikjedenti tiddeċiedi wkoll fejn l-interpretu jkun fil-mument tas-seduta. Skont l-Artikolu 19(4) tar-Regolament 2020/1784, il-korp ċentrali tal-Polonja jista’ jimponi l-kundizzjoni li l-interpretu jkun jinsab f’post speċifiku.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

(a) Fil-każ ta’ seduta orali skont l-Artikoli 12 sa 14, il-qorti Pollakka, bħala l-qorti rikjesta, tinnotifika lill-persuna li għandha tinstema’ bid-data u l-post tas-seduta billi tinnotifika t-taħrika skont il-liġi Pollakka (b’mod partikolari l-Artikoli 131–138 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), fil-prattika ħafna drabi permezz tal-posta rreġistrata. L-avviż għandu jingħata mhux aktar tard minn 7 ijiem qabel id-data skedata tal-laqgħa. Bħala eċċezzjoni, dan il-perjodu jista’ jitnaqqas għal 3 ijiem (l-Artikolu 149 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fil-prattika, dan ifisser li d-data tas-seduta trid tiġi stabbilita bejn wieħed u ieħor xahar qabel. Il-qorti tista’ tinforma wkoll lill-persuna b’mezzi oħra, kif tqis l-aktar xieraq (eż. bit-telefown jew bil-posta elettronika), jekk tqis li dan ikun meħtieġ biex jitħaffef is-smigħ tal-kawża. Sabiex iċ-ċitazzjoni titqies effettiva, irid ikun aċċertat li d-destinatarju jkun jaf biha (l-Artikolu 149[1] tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Jekk din il-kundizzjoni tiġi ssodisfata, jista’ jingħata terminu iqsar għas-seduta, anki ftit jiem qabel.

(b) Fil-każ ta’ kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 19 sa 21, l-obbligu li jiġu nnotifikati d-data u l-post tas-seduta huwa tal-qorti rikjedenti, li tapplika l-liġi tagħha f’dak ir-rigward. F’każ li l-organizzazzjoni tas-seduta ta’ smigħ tkun teħtieġ kooperazzjoni ma’ qorti Pollakka (eż. biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-qorti fis-seduta jew saħansitra biex jiġu pprovduti l-binja u l-faċilitajiet meħtieġa għall-vidjokonferenzi), il-qorti rikjedenti trid tqis id-disponibbiltà tat-tagħmir u tal-persunal min-naħa Pollakka meta tistabbilixxi d-data għas-seduta ta’ smigħ. Din id-disponibbiltà tvarja b’mod konsiderevoli u teħtieġ determinazzjoni każ b’każ.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?

Skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 22 tar-Regolament 2020/1784, il-qrati Pollakki jitolbu rimborż tal-ispejjeż speċifikati fih u jitolbu ħlas bil-quddiem fuq l-ispejjeż tal-opinjoni tal-perit. Spejjeż oħra relatati mal-użu tal-vidjokonferenzi għandhom jitħallsu mill-Polonja.

10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-qorti rikjedenti hija obbligata tinforma lill-persuna li għandha tinstema’ li s-seduta tista’ ssir biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-użu ta’ miżuri koerċittivi. Meta qorti Pollakka tkun involuta fil-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda, hija tista’ teħtieġ assigurazzjoni li s-smigħ isir fuq bażi volontarja (l-Artikolu 19(2) u 19(4) tar-Regolament 2020/1784).

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?

Il-Qorti tivverifika l-identità ta’ persuna abbażi ta’ dokument li jikkonferma l-identità tagħha, jew l-identità u n-nazzjonalità tagħha. Dawn huma: Għal ċittadin Pollakk, karta tal-identità jew passaport; għal ċittadin barrani, passaport, dokument tal-ivvjaġġar jew dokument validu ieħor li juri l-identità tiegħu, jew l-identità u n-nazzjonalità tiegħu. Is-smigħ ta’ xhud jibda wkoll b’mistoqsijiet dwar ix-xhud innifsu u r-relazzjoni tiegħu mal-partijiet.

12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?

Għal seduti skont l-Artikolu 19 sa 21, jekk il-qorti rikjedenti tinforma lill-korp ċentrali Pollakk bl-intenzjoni tagħha li tisma’ x-xhieda mingħand xhud b’ġurament, il-korp ċentrali jista’ jitlob it-test tal-ġurament. Jekk il-ġurament imur kontra l-prinċipji bażiċi tal-liġi Pollakka, il-korp ċentrali jkun intitolat jirrifjuta li jaqbel mas-seduta jew jitlob li jintuża t-test tal-ġurament li jintuża fil-liġi Pollakka.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?

Jekk il-vidjokonferenza ssir fil-binja ta’ qorti Pollakka, ħabs Pollakk jew faċilità Pollakka ta’ arrest preventiv, dawn l-istituzzjonijiet jipprovdu servizzi speċjalizzati ta’ vidjokonferenzi. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-persuna responsabbli jiġu kkomunikati lill-qorti rikjedenti bħala parti mill-arranġamenti tekniċi ta’ qabel il-vidjokonferenza.

14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?

B’mod ġenerali, mhi meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali ta’ dan it-tip skont il-liġi Pollakka. Madankollu, jekk tkun meħtieġa informazzjoni addizzjonali (pereżempju rigward arranġamenti tekniċi mal-qorti Pollakka), din l-informazzjoni trid tinkiteb bil-Pollakk jew tkun akkumpanjata minn traduzzjoni għall-Pollakk.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.