- 1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?
- 2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?
- 3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?
- 4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?
- 5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?
- 6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?
- 9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?
- 10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?
- 11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?
- 12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?
- 14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
Bħala regola ġenerali, jekk il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih isiru l-proċedimenti tipprevedi r-reġistrazzjoni ta’ seduti f’materji ċivili jew kummerċjali, l-istess regoli japplikaw għal seduti li jsiru permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. F’dan il-każ, jenħtieġ li l-partijiet jiġu infurmati b’dawn id-dispożizzjonijiet u, fejn xieraq, bil-possibbiltà li joġġezzjonaw għar-reġistrazzjoni. Jenħtieġ li r-reġistrazzjonijiet isiru u jiġu ssevjati b’mod sigur u jenħtieġ li jiġi garantit li dawn ma jiġux disseminati pubblikament.
1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?
L-użu ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod huwa fakultattiv. Il-vidjokonferenzi huma maħsuba biex jiffaċilitaw is-seduti orali fi proċedimenti ċivili, kummerċjali kif ukoll kriminali (dawn is-seduti huma rregolati mill-Artikolu 6 tar-Regolament dwar id-Diġitalizzazzjoni) b’dimensjoni transfruntiera.
Jistgħu jinkisbu b’żewġ modi.
Regoli u regolamenti:
- l-Artikolu 177 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil (LEC)) f’konformità mal-Liġi 29/2015 tat-30 ta’ Lulju 2015 dwar il-kooperazzjoni legali internazzjonali f’materji ċivili;
- l-Artikolu 229 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura (Ley Orgánica del Poder Judicial, (LOPJ)) f’dak li jikkonċerna l-vidjokonferenzi; L-Artikolu 229(3) tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura jippermetti li jittieħdu dikjarazzjonijiet, li jsiru mistoqsijiet, li ssir il-kumpilazzjoni tal-provi, mistoqsijiet lix-xhieda, eżamijiet, rapporti, ratifika tal-opinjonijiet esperti u proċedimenti permezz tal-vidjokonferenza, fil-preżenza ta’ mħallef jew fil-qorti, u fil-preżenza jew bl-involviment ta’, fejn ikunu meħtieġa, il-partijiet. Huwa jassigura li f’kull każ ikun possibbli għal kull parti biex tistaqsi dwar u tikkonfronta l-provi tal-parti l-oħra u tissalvagwardja d-dritt ta’ difiża. Dawn huma proċedimenti pubbliċi, ħlief għal każijiet eċċezzjonali.
- ir-Regolament Nru 1/2018 dwar l-assistenza ġudizzjarja internazzjonali u n-netwerks ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali.
Il-każijiet fejn Spanja teħtieġ il-kooperazzjoni ta’ awtorità barranija
F'dawn il-każijiet, il-Liġi Nru 29/2015 hija sussidjarja skont il-prinċipju tas-supremazija tal-liġi tal-UE, li tagħti prijorità f’dan il-qasam lill-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni Ewropea u lit-trattati u ftehimiet internazzjonali li Spanja hija parti tagħhom. Fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili, l-awtoritajiet Spanjoli jistgħu jikkooperaw ma’ awtoritajiet barranin. Għalkemm ir-reċiproċità mhix rikjesta, il-gvern jista’, b’digriet irjali, jistipula illi l-awtoritajiet ma jistgħux jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ stat barrani jekk ikun hemm rifjut ripetut għall-kooperazzjoni jew projbizzjoni legali dwar il-kooperazzjoni mill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat.
Jekk l-awtoritajiet Spanjoli jkunu jistgħu jistabbilixxu komunikazzjoni ġudizzjarja diretta:
Il-liġijiet fis-seħħ f’kull Stat dejjem jiġu rispettati. Il-komunikazzjonijiet ġudizzjarji diretti huma dawk li jsiru bejn il-qrati nazzjonali u l-qrati barranin mingħajr ebda intermedjarju. Dawn il-komunikazzjonijiet la jaffetwaw u lanqas ma huma ta’ preġudizzju għall-indipendenza tal-qrati involuti jew tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet.
Il-qrati Spanjoli jirrifjutaw talbiet għall-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali fi kwistjonijiet ċivili jekk:
- l-oġġett jew l-għan tal-kooperazzjoni mitluba jmur kontra l-ordni pubblika;
- il-proċess li ta bidu għat-talba għal kooperazzjoni jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-qorti Spanjola;
- il-kontenut tal-att previst ma jaqax taħt il-poteri tal-qorti Spanjola rikjesta. Fejn xieraq, hija tista’ tibgħat it-talba lill-awtorità kompetenti u tinforma lill-awtorità rikjedenti biha;
- it-talba għall-kooperazzjoni internazzjonali ma tissodisfax il-kontenut u r-rekwiżiti minimi meħtieġa mil-Liġi Nru 29/2015 sabiex tiġi proċessata;
- meta l-Gvern b’Digriet Irjali jistipula illi l-awtoritajiet Spanjoli ma jistgħux jikkooperaw mal-awtoritajiet ta’ stat barrani illi jkun irrifjuta ripetutament talbiet għal kooperazzjoni jew jipprojbixxi bil-liġi l-kooperazzjoni mill-awtoritajiet ta’ dak l-istat.
Fi proċedimenti ċivili jew kummerċjali fejn waħda mill-partijiet jew ir-rappreżentant tagħha t/ikun preżenti fi Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti tiddetermina l-parteċipazzjoni tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom f’seduta permezz ta’ vidjokonferenza jew permezz ta’ teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, filwaqt li tqis:
- id-disponibbiltà ta’ tali teknoloġija;
- l-opinjoni tal-partijiet fil-proċedimenti dwar l-użu ta’ tali teknoloġija; kif ukoll
- l-adegwatezza tal-użu ta’ tali teknoloġija fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ.
2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?
Ma hemmx restrizzjonijiet rigward l-involviment tal-partijiet għall-proċedimenti jew ta’ kull persuna oħra li qiegħda tixhed, kemm jekk tkun xhud jew espert. Il-valutazzjoni tal-idoneità tal-provi u tal-informazzjoni mogħtija lill-esperti hija fid-diskrezzjoni tal-qorti.
L-awtorità kompetenti li torganizza s-seduta tiżgura l-aċċessibbiltà għall-partijiet kollha u għar-rappreżentanti tagħhom, inklużi l-persuni b’diżabilità.
Meta minuri jkun involut fi proċedimenti f’materji ċivili jew kummerċjali, b’mod partikolari bħala parti, skont il-liġi nazzjonali, il-minuri jenħtieġ li jkun jista’ jipparteċipa fis-seduta permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, b’kont meħud tad-drittijiet proċedurali tiegħu. Jekk il-minuri jkun involut fil-proċedimenti għall-fini ta’ kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, pereżempju meta l-minuri jkun se jinstema’ bħala xhud, il-minuri jista’ jinstema’ wkoll permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, f’konformità mar-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (kumpilazzjoni tax-xhieda)
3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?
Ir-restrizzjonijiet, li huma dejjem eċċezzjoni u jridu jiġu stabbiliti b’deċiżjoni ġudizzjarja motivata li tieħu inkunsiderazzjoni l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, jikkonċernaw każijiet fejn il-kumpilazzjoni diretta tax-xhieda mitluba tkun “tmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-liġi fl-Istat Membru tagħha” (l-Artikolu 19(7) tar-Regolament (UE) 2020/1783).
Il-proċedura għall-bidu u t-twettiq ta’ seduta permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jenħtieġ li tkun regolata f’materji ċivili u kummerċjali mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru fejn isiru l-proċedimenti. Sabiex tiddeċiedi jekk il-parteċipazzjoni tal-partijiet u tar-rappreżentanti tagħhom f’seduta permezz ta’ vidjokonferenza hijiex permessa, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tagħżel metodu xieraq biex teżamina l-fehmiet tal-partijiet f’konformità mal-liġi proċedurali nazzjonali.
4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?
Irid iseħħ fil-qorti fejn qed isiru l-proċedimenti u l-kumpilazzjoni tax-xhieda f’seduta pubblika jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’seduta bil-bibien magħluqa. Ma hemmx restrizzjonijiet dwar il-post fejn tkun qiegħda l-persuna li għandha tieħu sehem fil-proċedimenti permezz ta’ vidjokonferenzi “jew ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod oħra dment li tali teknoloġija tkun disponibbli lill-qorti u l-qorti tqis l-użu ta’ tali teknoloġija bħala adatta fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ” (il-parti finali tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2020/1783). Ir-reġistratur (Letrado de la administración de justicia) tal-qorti li tkun qed tisma’ l-proċedimenti jrid jistabbilixxi, fil-qorti stess, l-identità tal-persuni li jieħdu sehem permezz ta’ vidjokonferenza, permezz tal-konsenja minn qabel jew preżentata diretta ta’ dokumenti jew minn informazzjoni personali.
5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?
Iva. Fil-fatt, dawn iridu jiġu rreġistrati, suġġett għall-kwalifika fil-mistoqsija preċedenti (parti finali tal-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2020/1783).
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 147 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, il-proċedimenti orali, is-seduti ta’ smigħ u d-dehriet il-qorti jridu jiġu rekordjati fuq mezz addattat għar-rekordjar u r-riproduzzjoni tal-vidjo u l-awdjo. Il-qrati kollha ta’ Spanja għandhom tagħmir awdjoviżiv biex jirrekordja l-proċessi u s-seduti. Ir-rekordings jiġu arkivjati f’format DVD mir-reġistratur tal-qorti. Tista’ tinħareġ kopja lill-partijiet, bi spejjeż tagħhom.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tal-vidjokonferenzi stabbiliti fir-Regolamenti 861/2007, 655/2014 u 2020/1783, il-proċedura biex issir seduta permezz ta’ vidjokonferenza hija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih issir is-seduta.
6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Fejn ikollha x’taqsam qorti Spanjola, jidher illi huwa essenzjali li l-proċedimenti u d-dokumenti relatati jkunu bl-Ispanjol, sakemm ma tkunx aċċettata wkoll waħda mil-lingwi uffiċċjali l-oħrajn ta’ ċerti reġjuni tal-pajjiż (il-Galizjan, il-Katalan, il-Valenzjan u l-Bask) f’każ illi l-persuni li jkunu qed isirulhom domandi permezz ta’ vidjokonferenza jkunu jafu u jridu jużaw dawk il-lingwi.
7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Fil-kawżi ċivili, jistgħu jitqabbdu interpreti kemm għal waqt il-proċedimenti kif ukoll wara sabiex issir nota tal-proċedimenti; Jekk ma jitqabbdux mill-parti li għandha bżonn l-interpretarjat, jiġu pprovduti mis-servizzi tal-qorti, li huma diċentralizzati fil-każ ta’ ċerti komunitajiet awtonomi. F’każijiet oħra, dawn is-servizzi jiġu provduti mill-Ministeru tal-Ġustizzja. L-ispejjeż assoċjati ma’ dawn is-servizzi jistgħu jitħallsu mill-parti li ġiet ordnata tħallashom, tenut kont tal-każijiet ta’ dritt għall-għajnuna legali.
Sabiex tkun garantita l-possibiltà li jsiru aktar mistoqsijiet u konfront tal-provi matul il-proċedimenti, l-interpretu jista’ jkun jinstab jew il-qorti jew mal-persuna li se titkellem waqt is-seduta ta’ smigħ permezz tal-vidjokonferenza.
F’kull każ, l-interpretu jrid jieħu l-ġurament jew iwiegħed illi jgħid il-verità u jaġixxi bl-aktar mod oġġettiv fil-qadi ta’ dmirijietu.
L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2020/1783 jipprevedi l-possibbiltà li l-qorti rikjesta titlob rimborż ta’ tariffi jew spejjeż, inklużi dawk tal-interpreti.
8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?
Il-proċedura interna għall-mistoqsijiet, fil-każ previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament, hija stipulata fl-Artikoli 301 et seq. tal-LEC f’dak li jikkonċerna l-mistoqsijiet magħmula lill-partijiet; fl-Artikoli 360 et seq. f’dak li jikkonċerna l-mistoqsijiet magħmula lix-xhieda; u fl-Artikoli 335 et seq. f’dak li jikkonċerna l-ħruġ ta’ rapporti u s-sottomissjoni ta’ dawk ir-rapporti tal-esperti għall-eżami u l-kontroeżami f’seduti pubbliċi.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu tal-vidjokonferenzi stabbiliti fir-Regolamenti 861/2007, 655/2014 u 2020/1783, il-proċedura biex issir seduta permezz ta’ vidjokonferenza hija rregolata mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih issir is-seduta.
Meta awtorità titlob il-parteċipazzjoni ta’ persuna għall-fini tal-kumpilazzjoni tax-xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, il-parteċipazzjoni ta’ tali persuna fis-seduta permezz ta’ vidjokonferenza jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jenħtieġ li tkun regolata mir-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni tax-Xhieda.
Jenħtieġ li l-vidjokonferenzi jew teknoloġija oħra ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użata fi proċedimenti f’materji ċivili, kummerċjali jew kriminali jippermettu l-użu tal-interpretazzjoni.
9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?
Fil-prinċipju, il-vidjokonferenza ssir mingħajr ħlas, iżda jekk xi parti interessata tkun tixtieq tikseb kopja tar-rekording, hija trid tipprovdi l-mezz adattat jew tħallas l-ammont korrispondenti.
L-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2020/1783 jipprevedi l-possibbiltà li l-qorti rikjesta titlob rimborż ta’ tariffi jew spejjeż, inklużi dawk tal-interpreti.
10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?
Dan isir taħt is-superviżjoni tal-qorti Spanjola.
11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?
Jenħtieġ li l-vidjokonferenza jew it-teknoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jippermettu lill-awtorità kompetenti tawtentika l-identità tal-persuni li għandhom jinstemgħu, u jenħtieġ li jippermettu komunikazzjoni viżiva, awdjo u orali matul is-seduta. Jenħtieġ li t-teknoloġija użata tissodisfa l-istandards applikabbli għall-protezzjoni tad-data personali, tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tas-sigurtà tad-data, irrispettivament mit-tip ta’ seduta li qed tintuża għaliha.
Jenħtieġ li sempliċi telefonata ma titqiesx bħala teknoloġija xierqa ta’ komunikazzjoni mill-bogħod għal seduti orali.
Il-konsulent tal-qorti li qed tisma’ l-proċedimenti jrid jistabbilixxi, fil-qorti stess, l-identità tal-persuni involuti bil-vidjokonferenza, permezz tal-konsenja minn qabel jew preżentata diretta ta’ dokumenti jew minn informazzjoni personali.
12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Trid issir distinzjoni bejn il-każijiet li ġejjin:
- Il-partijiet ma hemmx għalfejn jieħdu l-ġurament jew jagħtu kelmthom waqt l-eżami, għalkemm fin-notifika għall-verifika, il-parti konċernata trid tiġi infurmata illi f’każ illi tonqos milli tidher il-qorti mingħajr ġustifikazzjoni, il-qorti tista’ tikkunsidra bħala rikonoxxuti l-fatti illi fihom din il-parti interveniet b’mod personali; ir-rikonoxximent ta’ dawn il-fatti bħala ċerti huwa ta’ żvantaġġ kbir għal dik il-parti.
- Xhieda: qabel jixhed, kull xhud jrid jieħu ġurament jew jagħti kelmtu illi jgħid il-verità, jew inkella jeħel il-pieni stabbiliti għar-reat ta’ sperġur f’kawżi ċivili. Il-qorti tinforma lix-xhud dwar dawn il-pieni jekk ma jkunx jaf bihom. Ix-xhieda taħt l-età stabbilita għar-responsabbiltà kriminali mhemmx għalfejn jieħdu l-ġurament jew jaħilfu li jgħidu l-verità.
- Esperti: meta jippreżentaw l-opinjoni tagħhom, l-esperti jridu jiddikjaraw bil-ġurament jew jagħtu kelmthom illi jgħidu l-verità u jiddikjaraw illi huma aġixxew u, fejn xieraq, se jimxu bl-aktar mod oġġettiv possibbli, kif ukoll jikkunsidraw kemm il-fatturi li jistgħu jiffavurixxu u dawk illi x’aktarx se jkunu ta’ żvantaġġ għall-partijiet, u li huma konxji mis-sanzjonijiet kriminali li jistgħu jeħlu jekk ma jaqdux dmirhom bħala esperti. Dan il-ġurament jew wegħda jerġgħu jiġu ripetuti matul is-seduta meta l-opinjoni tiġi preżentata fil-proċedimenti kontenzjużi bejn il-partijiet u l-qorti.
13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?
L-arranġamenti għat-tagħmir awdjoviżiv isiru bil-quddiem. L-uffiċċju tal-Prim Imħallef (Secretaría del Decanato) jew tar-reġistru tal-qorti jagħżel data, ħin u post fejn issir il-vidjokonferenza u jiżgura illi jkun hemm numru suffiċjenti ta’ persunal biex imexxiha. It-testijiet normalment isiru bil-quddiem biex jiġi żgurat li l-konnessjonijiet u t-tagħmir qiegħdin jaħdmu kif suppost.
14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?
Kwalunkwe informazzjoni meqjusa xierqa biex jiġi żgurat li l-kumpilazzjoni tax-xhieda taħdem mingħajr xkiel kemm jista’ jkun, bl-użu tal-formoli stabbiliti fl-Anness.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.