- 1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?
- 2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?
- 3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?
- 4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?
- 5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?
- 6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?
- 9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?
- 10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?
- 11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?
- 12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
- 13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?
- 14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?
Poišči informacije po področjih
1 Huwa possibbli li l-provi jinġabru b’vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fl-Istat Membru rikjedenti jew inkella direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru? Jekk iva, x’inhuma l-proċeduri jew il-liġijiet nazzjonali rilevanti li japplikaw?
Skont il-liġi Portugiża, l-imħallef tal-qorti rikjedenti jeħtieġlu jisma’ x-xhieda ta’ persuni mismugħa b’vidjokonferenza direttament, mingħajr l-intervent ta’ mħallef tal-qorti rikjesta. Din hija r-regola għal każijiet interni fejn ikun hemm eżami b’vidjokonferenza. L-istess proċedura tapplika f’kawżi transfruntieri fejn il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti titlob li l-eżami jsir b’vidjokonferenza skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020.
Alternattivament, f’kawżi transfruntieri, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tista’ titlob li l-eżami jsir b’vidjokonferenza skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.
Ir-regoli proċedurali nazzjonali ewlenin li jirregolaw il-ġbir tal-provi b’vidjokonferenza mingħand periti legali, xhieda u partijiet huma kif ġej:
Il-Periti
Il-periti minn stabbilimenti, laboratorji jew servizzi uffiċjali jinstemgħu b’telekonferenza mill-post tax-xogħol tagħhom (l-Artikolu 486(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż – Código de Processo Civil).
Ix-Xhieda
Ix-xhieda residenti barra mid-distrett fejn tinsab il-qorti jew it-tribunal jistgħu jinstemgħu permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva, f’ħin reali, mill-qorti, mit-tribunal jew minn faċilitajiet muniċipali jew tal-parroċċa reġistrati, jew bini pubbliku ieħor fiż-żona fejn jirrisjedu (l-Artikolu 502 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Fid-data tal-eżami, ix-xhieda jidentifikaw ruħhom mal-uffiċjal tal-qorti jew lill-impjegat taċ-ċivil tal-faċilitajiet minn fejn tingħata x-xhieda, imma minn hemm ’il quddiem, l-eżami jsir mill-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża u mir-rappreżentanti tal-partijiet, permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali, mingħajr il-bżonn għal intervent mill-imħallef tal-qorti tal-post minn fejn tkun qed tingħata x-xhieda.
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali jew Ewropej, ix-xhieda residenti barra mill-pajjiż jiġu eżaminati permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali, kull meta l-mezzi teknoloġiċi meħtieġa jkunu disponibbli fil-post fejn ikunu residenti.
F’kawżi li jkunu qed jinstemgħu fil-qrati fiż-żoni metropolitani ta’ Liżbona u Porto, ma jsir l-ebda eżami b’tagħmir teknoloġiku li jippermetti l-komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali jekk ix-xhud ikun residenti taż-żona metropolitana rispettiva.
Madankollu, meta jkun impossibbli jew estremament diffiċli għall-persuna li tkun trid tixhed biex tidher f’seduta tal-qorti fil-ħin, l-imħallef jista’ jiddetermina, bi ftehim mal-partijiet, li kull kjarifika meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni tajba dwar il-każ tingħata bit-telefon jew b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni diretta bejn il-qorti u x-xhud, sakemm in-natura tal-fatti li jridu jiġu investigati jew iċċarati jkunu kompatibbli mal-proċedura (l-Artikolu 520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
Il-Partijiet
Ir-regoli għall-għoti tax-xhieda b’telekonferenza stabbiliti fl-Artikolu 502 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili japplikaw għal partijiet li jirrisjedu barra mid-distrett jew, fil-każ tar-Reġjuni Awtonomi, barra mill-gżira kkonċernata (l-Artikolu 456 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
2 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza – pereżempju, huma biss xhieda jew oħrajn bħal esperti jew partijiet jistgħu wkoll jiġu eżaminati b’dan il-mod?
Ma hemm stabbilita l-ebda restrizzjoni. Il-liġi Portugiża tippermetti li x-xhieda, il-partijiet u l-periti legali jinstemgħu b’vidjokonferenza, kif stabbilit mir-regoli ġuridiċi kkwotati iktar 'il fuq.
3 Liema huma r-restrizzjonijiet, jekk hemm, fuq it-tip ta’ evidenza li tista’ tinkiseb bil-vidjokonferenzi?
Ara t-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija preċedenti.
4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista’ tinstema’ bil-vidjokonferenza– jiġifieri trid tkun fil-qorti?
Ir-regola ġenerali hija li l-persuna trid tinstema’ b’vidjokonferenza fil-qorti. Madankollu, il-periti legali minn dipartimenti uffiċjali jistgħu jinstemgħu b’vidjokonferenza fil-post tax-xogħol tagħhom. B’mod eċċezzjonali, fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ikkwotat fit-tweġiba għall-mistoqsija 1), il-qorti tista’ tisma’ persuna b’vidjokonferenza li tkun xi mkien li mhux qorti.
5 Huwa permess li s-seduti bil-vidjokonferenza jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?
Iva, is-seduti ta’ smigħ b’vidjokonferenza dejjem jiġu rrekordjati bl-użu tas-sistema eżistenti ta’ sound recording tal-qrati, kif previst fl-Artikolu 155 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.
6 B’liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Meta l-Portugall ikun l-Istat Membru rikjest, il-lingwa tas-seduta tvarja skont iċ-ċirkostanzi:
(a) Meta jsiru talbiet skont l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament (UE) 2020/1783, tintuża l-lingwa Portugiża. Jekk ikun hemm bżonn li jinstemgħu ċittadini barranin, huma jkunu jistgħu jitkellmu lingwa differenti jekk ma jkunux jitkellmu bil-Portugiż. F’dan il-każ, il-qorti rikjedenti jeħtiġilha tinforma lill-qorti rikjesta b’dan il-fatt, sabiex din tkun tista’ ssejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjesta.
(b) Meta jsiru talbiet skont l-Artikolu 19 sa 21 tar-Regolament (UE) 2020/1783, il-lingwa użata tkun dik prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn hemm il-qorti rikjedenti. Jekk ikun hemm bżonn li jinstemgħu persuni li ma jitkellmux dik il-lingwa, il-qorti rikjedenti tista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, issejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjedenti. Alternattivament, il-qorti rikjedenti tista’ titlob lill-qorti Portugiża (rikjesta) biex issejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjesta.
Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet previsti f’(a) u (b) fejn ikun hemm bżonn li jissejjaħ interpretu biex ikun preżenti l-qorti tal-Istat Membru rikjest, il-qorti rikjesta titlob lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tħallas it-tariffi dovuti lill-interpretu, kif previst fl-Artikolu 22(2) tar-Regolament (UE) 2020/1783.
7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min huwa responsabbli biex jipprovdihom u fejn għandu jkun posthom (a) meta t-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Din l-informazzjoni diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija 6.
8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni li għandhom jinstemgħu jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 12 sa 14 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda; u (b) fejn ikun hemm ġbir dirett ta’ provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda? Għaż-żewġ opzjonijiet, kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi stabbilita d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?
Skont il-liġi Portugiża, il-proċedura applikabbli għall-proċess tas-seduta u għat-taħrik ta’ persuna biex tidher il-qorti hija essenzjalment stabbilita fl-Artikoli 7(3), 172(5) u (6), 220, 247(2), 251(1), 417, 507, 508 u 603 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.
B’mod ġenerali, hija r-responsabbiltà tar-reġistru tal-qorti li jinnotifika, ex officio, lix-xhieda, lill-periti legali, lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom meta jkunu meħtieġa jidhru fi proċedimenti ġudizzjarji skont ordni tal-qorti. Speċifikament, meta l-parti tkun teħtieġ l-eżami ta’ xhud b’vidjokonferenza, ir-reġistru tal-qorti jkun responsabbli għat-taħrik tax-xhud.
Notifiki għall-fini ta’ taħrik ta’ xhieda, periti legali u persuni inċidentali oħrajn fil-qorti (eż. interpretu jew konsulent tekniku) jintbagħtu bil-posta rreġistrata, bid-data, il-post u l-fini tad-dehra l-qorti. In-notifiki jitqiesu li ġew innotifikati anke jekk ir-riċevitur jirrifjuta li jaċċetta l-ittra; id-distributur tas-servizz postali jeħtieġlu jżomm rekord ta’ dan.
Notifiki għall-fini ta’ taħrik ta’ parti biex tidher fi proċedimenti ġudizzjarji jew biex tixhed jintbagħtu bil-posta rreġistrata u jkunu indirizzati lill-parti kkonċernata, bid-data, il-post u l-fini tad-dehra l-qorti. F’dan il-każ, jekk il-parti tkun qabbdet avukat, jew jekk tkun rappreżentata simultanjament minn avukat u prokuratur legali, kemm l-avukat u kemm il-prokuratur legali jridu jiġu nnotifikati.
Ir-rappreżentanti tal-partijiet jiġu nnotifikati elettronikament, skont l-Artikolu 25 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali (Portaria) Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013. Is-sistema tal-IT tiċċertifika d-data ta’ meta ħarġet in-notifika.
Il-liġi ma tindikax espressament kemm qabel is-seduta trid issir in-notifika. F’kull każ ta’ hawn fuq, in-notifika titqies li tkun saret fit-tielet jum wara r-reġistrazzjoni tagħha jew minn meta tinħareġ elettronikament. Jekk it-tielet jum ma jkunx jum tax-xogħol, in-notifika titqies li tkun saret fl-ewwel jum tax-xogħol sussegwenti. Għal raġunijiet prattiċi, huwa għalhekk neċessarju li wieħed josserva tal-anqas dan il-perjodu ta’ notifika f’relazzjoni mad-data tas-seduta, ħalli n-notifika tkun tista’ titqies li saret.
F’każijiet urġenti, ix-xhieda, il-periti legali, persuni inċidentali oħrajn, il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jitħarrku (jew it-taħrika tagħhom titħassar) b’telegramma, bit-telefon jew b’mezzi simili ta’ komunikazzjoni oħrajn. Kuntatt bit-telefon dejjem jiġi ddokumentat fl-atti tal-kawża u jiġi segwit minn konferma bil-miktub.
Jekk persuna li kellha tkun preżenti tonqos milli tidher, dik il-persuna trid tiġġustifika l-assenza tagħha fis-seduta stess jew fi żmien perjodu ta’ 5 ijiem (jiem kalendarji, imma jekk l-aħħar jum ma jkunx jum tax-xogħol, id-data ta’ skadenza tiġi estiża sal-jum tax-xogħol suċċessiv).
Il-liġi Portugiża tistabbilixxi l-miżuri koerċettivi li ġejjin għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ komparsa. Meta xhud jonqos milli jidher, wara li jkun ġie innotifikat kif xieraq u mingħajr ma jkun iġġustifika l-assenza tiegħu matul l-iskadenza legali, huwa jiġi mmultat u l-imħallef jista’ jordna li jidher taħt skorta. Dawn il-pieni ma japplikawx jekk il-kawża tiġi differita għal raġunijiet li ma humiex l-assenza ta’ komparsa tax-xhud. Meta perit jew persuna inċidentali oħra tonqos milli tidher, wara li tkun ġiet innotifikata kif xieraq u mingħajr ma tkun iġġustifikat l-assenza tagħha matul l-iskadenza legali, hija tiġi mmultata. Meta waħda mill-partijiet tonqos milli tidher, wara li tkun ġiet innotifikata kif xieraq u mingħajr ma tkun iġġustifikat l-assenza tagħha matul l-iskadenza legali, din tiġi mmultata u r-rifjut tagħha jista’ jiġi interpretat liberament mill-qorti għall-finijiet ta’ provi. Barra minn hekk, jekk il-qorti tqis li r-rifjut tal-parti li tikkomparixxi jagħmilha impossibbli biex jiskatta l-oneru tal-prova, hija tista’ twettaq inverżjoni tal-oneru tal-provi.
9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenza u kif għandhom jitħallsu?
Ma jiġux miġbura l-ispejjeż marbuta mal-użu tal-vidjokonferenzi.
10 Liema huma r-rekwiżiti, jekk hemm, biex jiġi żgurat li l-persuna li tinstema’ direttament mill-qorti rikjedenti tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?
Meta qorti Portugiża tkun il-parti rikjedenti ta’ talba skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/1783, hija tħarrek lill-persuna li trid tinstema’ biex tidher fil-qorti nnominata fl-Istat Membru (rikjest) l-ieħor bil-posta, bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmija bi tweġiba għall-mistoqsija 8, kif ikun xieraq. Din il-possibilità ta’ notifika bil-posta hija stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tat-13 ta’ Novembru 2007. Il-persuna li trid tinstema’ tiġi infurmata fin-notifika li l-komparsa tagħha hija fuq bażi volontarja.
Meta l-qorti Portugiża tkun il-parti rikjesta, hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tinnotifika l-persuni li jridu jinstemgħu u tinformahom li d-dehra tkun fuq bażi volontarja.
Bi ftehim reċiproku bejn il-qrati rikjedenti u l-qrati rikjesti, in-notifika tal-persuna li trid tinstema’ u l-informazzjoni li din ix-xhieda se tingħata fuq bażi volontarja tista’ ssir mill-qorti tal-Istat Membru rikjest. Dan jista’ jsir fil-prattika irrispettivament minn jekk il-qorti Portugiża tkunx il-parti rikjedenti jew il-parti rikjesta.
11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li għandha tinstema’?
Fil-ħin appuntat għall-eżami, l-uffiċjal tal-qorti jivverifika li l-persuna li trid tiġi eżaminata tkun preżenti u jinforma lill-imħallef li jkun se jmexxi l-eżami jew lill-qorti rikjedenti jekk tkun se tmexxi l-eżami direttament hi.
Meta l-eżami jsir minn imħallef Portugiż, ladarba jkunu bdew il-proċedimenti u qabel ma l-persuna tibda tixhed, jittieħdu l-passi li ġejjin: (i) il-persuna li tagħti l-evidenza, ix-xhud jew il-perit jieħu ġurament quddiem l-imħallef; (ii) l-imħallef jagħmel mistoqsijiet preliminari sabiex jidentifika l-persuna li tkun qed tinstema’.
Huwa l-imħallef li jrid imexxi l-interrogatorju preliminari biex jidentifika lill-persuna li tkun se tinstema’, billi jistaqsiha isimha, il-professjoni, l-indirizz u l-istat ċivili tagħha u dettalji oħrajn li l-imħallef iqis li huma neċessarji għal finijiet ta’ identifikazzjoni.
L-imħallef jistaqsi wkoll lill-persuna li tkun qed tinstema’ jekk tkun qariba, ħabiba jew għadu ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet u jekk għandhiex interess dirett jew indirett fil-kawża, sabiex jivvaluta l-kredibilità tax-xhieda.
Jekk waqt l-interrogatorju preliminari, l-imħallef jistabbilixxi li xhud ma jkunx idoneu jew ma jkunx il-persuna t-tajba biex tiġi eżaminata, huwa ma jħalllihx jixhed. Xhud ma jkunx idoneu jekk, minkejja li ma jkunx imfixkel minħabba anomalija psikoloġika, ma jkollux il-kapaċità naturali (il-kapaċità fiżika jew mentali) biex jixhed.
L-interrogatorju preliminari jippermetti wkoll lill-imħallef jivverifika jekk hux każ li, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.
Il-persuni li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu (ħlief fi proċedimenti mmirati lejn il-verifika tat-twelid jew tal-mewt ta’ wild minuri), f’konformità mal-Artikolu 497 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż:
- axxendenti f’kawżi li jinvolvu d-dixxendenti tagħhom, lill-ġenituri adottivi f’kawżi li jinvolvu tfal adottati u vice versa;
- kunjatu jew kunjata f’kawża li tinvolvi l-iben tar-rispett jew il-bint tar-rispett u vice versa;
- miżżewġin jew eks miżżewġin f’kawżi li jinvolvu lill-konjuġi jew eks konjuġi l-ieħor;
- kull min ikun qed jikkoabita, jew ikun ikkoabita b’mod simili għall-koppji miżżewġin, ma’ kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-kawża.
Huwa d-dmir tal-imħallef li javża lill-persuni msemmija fil-punti ta’ hawn fuq li huma intitolati jirrifjutaw li jixhdu.
Persuni li jkunu marbuta bis-segretezza professjonali, is-segretezza bħala uffiċjali pubbliċi jew is-sigrieti Statali jridu jiġu skużati milli jixhdu fir-rigward tal-fatti koperti minn dik is-segretezza. F’dawk il-każijiet, l-imħallef jivverifika l-leġittimità tal-iskuża u, jekk l-imħallef iħoss li jkun hemm bżonn, jeżentahom mid-dmir tas-segretezza.
Il-partijiet jistgħu jixhdu biss fir-rigward ta’ fatti personali. F’kawża ċivili ma hijiex ammissibbli xhieda ta’ parti li tiffoka fuq atti kriminali jew abbużivi li parti hija akkużata bihom f’kawża kriminali.
12 Liema rekwiżiti japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x’informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti meta ġurament ikun meħtieġ waqt il-ġbir dirett tal-provi taħt l-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament dwar il-Kumpilazzjoni ta’ Xhieda?
Skont il-liġi Portugiża:
- Qabel ma tinstema’ x-xhieda, l-imħallef javża lill-persuna taħt eżami bl-importanza morali tal-ġurament li tkun se tieħu, bid-dmir tal-fedeltà lejn is-sewwa u bil-pieni għal dikjarazzjonijiet foloz.
- L-imħallef imbagħad jitlob lix-xhud jieħu l-ġurament li ġej: “Naħlef fuq l-unur li se ngħid is-sewwa kollha u xejn ħlief is-sewwa.”
- Ir-rifjut li jittieħed il-ġurament huwa ekwivalenti għal rifjut li wieħed jixhed; it-tnejn huma punibbli bħala disprezz tal-qorti sakemm ma jkunx iġġustifikat, jekk l-imħallef jixli lill-persuna kif xieraq.
Meta qorti ta’ Stat Membru ieħor tikkumpila xhieda direttament mill-Portugall permezz ta’ vidjokonferenza, f’konformità mal-Artikoli 19 sa 21 tar-Regolament (UE) 2020/1783, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti trid tinforma lill-qorti Portugiża (rikjesta) bid-dettalji ta’ identifikazzjoni li ġejjin tal-persuna li se tixhed: l-isem, l-okkupazzjoni, l-indirizz, l-istatus taż-żwieġ u informazzjoni oħra li tqis meħtieġa għall-finijiet ta’ identifikazzjoni; f’liema kapaċità tkun se tinstema’ l-persuna (eż. parti, xhud, perit, konsulent tekniku); il-lingwa li titkellem il-persuna; u jekk huwiex meħtieġ li jissejjaħ interpretu fil-qorti rikjesta.
Dawn id-dettalji huma neċessarji biex il-qorti Portugiża (rikjesta) tkun tista’, minn naħa, tieħu l-passi biex issejjaħ interpretu u, min-naħa l-oħra, tivverifika l-preżenza tal-persuna li trid tiġi eżaminata fil-ħin appuntat għall-vidjokonferenza.
Madankollu, peress li l-imħallef Portugiż ma jintervjenix fil-proċedimenti, il-ġurament irid jittieħed bil-vidjokonferenza quddiem l-imħallef tal-Istat Membru rikjedenti. L-istess japplika għall-interrogatorju preliminari, jekk dan iseħħ, u għall-kwistjonijiet ta’ idoneità jew rifjut li tingħata xhieda jew l-eżenzjoni ta’ xhieda milli jixhdu, li huma ttrattati mill-awtorità tal-imħallef tal-qorti rikjedenti, b’konformità mal-liġi proċedurali ċivili tal-Istati Membru rikjedenti, kif previst fl-Artikolu 19(8) tar-Regolament (UE) 2020/1783.
13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta’ kuntatt fil-post tal-vidjokonferenza li l-qorti rikjedenti tkun tista’ tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli dakinhar tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza u tindirizza kwalunkwe problema teknika?
Il-qrati rikjedenti u l-qrati rikjesti (ladarba dawn tal-aħħar ikunu ġew identifikati mill-awtorità ċentrali) għandhom jistabbilixxu kuntatt dirett ma’ xulxin biex jiskedaw vidjokonferenza u għandhom ukoll jiftiehmu data għal test minn qabel.
Għal raġunijiet prattiċi, kull meta jkun possibbli, ikun preferibbli li jsir it-test qabel ma x-xhud ikun ġie nnotifikat; għal dak il-għan, id-data tat-test għandha tiġi skedata bil-quddiem biżżejjed biex ix-xhud ikun jista’ jiġi nnotifikat fil-ħin.
Dakinhar tat-test u fid-data tas-seduta tal-vidjokonferenza, għandu jkun preżenti f’kull waħda mill-qrati, speċjalist tal-informatika, speċjalist tat-telekomunikazzjonijiet jew uffiċjal tal-qorti b’għarfien xieraq.
Fil-Portugall, l-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja (Instituto de Gestão Financeira e Estruturas da Justiça - IGFEJ) għandu tim iddedikat disponibbli għall-vidjokonferenzi fil-qrati.
Għal raġunijiet organizzattivi, kull fejn ikun possibbli, l-IGFEJ għandu jiġi nnotifikat bid-data tat-test u bis-seduta tlett ijiem bil-quddiem. Dan jippermetti lill-IGFEJ jara li jkunu f’posthom il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-vidjokonferenza, biex jintervjenu minnufih f’każ ta’ kwalunkwe diffikultà komunikattiva bejn il-qrati u jimmonitorjaw it-testijiet tal-vidjokonferenza.
L-iskedar ta’ vidjokonferenza fi Stat Membru ieħor wara talba minn qorti Portugiża
Il-qorti Portugiża (rikjedenti) trid l-ewwel nett titlob lill-IGFEJ joħloq il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-vidjokonferenza, biex jintervjeni biex tingħeleb kull diffikultà komunikattiva bejn il-qrati u jimmonitorja t-testijiet tal-vidjokonferenza.
Biex jingħelbu d-diffikultajiet tekniċi, il-qorti Portugiża titlob lill-qorti tal-Istat Membru rikjest biex hija wkoll tqabbad lil xi ħadd responsabbli fid-dipartiment tal-vidjokonferenzi tagħhom biex jimmonitorja t-test u/jew jipprovdi l-assistenza teknika neċessarja b’kollaborazzjoni mal-ispeċjalisti tekniċi Portugiżi.
Meta l-qrati Portugiżi jkunu l-parti rikjedenti, spiss jitolbu l-għajnuna tal-punt ta’ kuntatt tan-NĠE-Ċivili (In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali) fil-Portugall, li jikkuntattja lill-qrati rikjesti sabiex jiskedaw it-test u l-vidjokonferenza. Meta jiġu indikati lilu diffikultajiet tekniċi, il-punt ta’ kuntatt jikkuntattja direttament lit-timijiet responsabbli għall-vidjokonferenza f’kull Stat Membru involut, u jitlob il-konnessjonijiet neċessarji, l-informazzjoni jew l-aġġustamenti tekniċi u jinforma lill-qrati involuti b’dan. Dan jippermetti li jingħeleb kull ostaklu lingwistiku u l-vidjokonferenza tkun tista’ ssir b’suċċess.
L-iskedar ta’ vidjokonferenza f’qorti Portugiża fuq talba mingħand Stat Membru ieħor
Fil-Portugall, id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direcção-Geral da Administração da Justiça - DGAJ) huwa l-awtorità ċentrali responsabbli biex jirċievi u jaċċetta talbiet mingħand Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2020/1783. Ladarba t-talba tiġi aċċettata, id-DGAJ jindika lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti f’liema qorti Portugiża (rikjesta) tkun se ssir il-vidjokonferenza. Ladarba dan ikun sar, il-qorti rikjedenti u dik rikjesta jeħtiġilhom jaqblu ma’ xulxin direttament dwar id-dati biex l-ewwel jagħmlu t-test u mbagħad is-seduta bil-vidjokonferenza.
Id-DGAJ, bħala awtorità ċentrali, jiffaċilita l-kuntatt dirett bejn il-qorti rikjedenti u dik rikjesta, kif ukoll jikkuntattja lit-tim ta’ appoġġ għall-vidjokonferenza tal-IGFEJ, biex tingħeleb kull diffikultà teknika. Barra minn hekk, il-Punt ta’ Kuntatt tan-NĠE-Ċivili fil-Portugall jista’ jiffaċilita wkoll il-kuntatt neċessarji, jekk jintalab jagħmel hekk.
Permezz ta’ kuntatti diretti, il-qorti tipprenota l-kamra tal-vidjokonferenza u tappunta l-persunal biex iħejji l-konnessjonijiet tekniċi u jimmonitorja l-vidjokonferenza fil-qrati rikjedenti u dik rikjesta, rispettivament. Fil-Portugall, bħala regola, jintgħażel uffiċjal tal-qorti b’għarfien xieraq, preferibbilment akkumpanjat minn speċjalist tal-informatika tal-Qorti Portugiża.
Meta l-vidjokonferenza ssir b’IP, ikollha ssir bilfors mill-Portugall. Għal dak il-għan, il-qorti Portugiża titlob lill-IGFEJ bil-quddiem għall-ftuħ ta’ konnessjoni esterna.
Meta l-vidjokonferenza ssir b’linja telefonika (ISDN), il-konnessjoni mal-qrati Portugiżi tista’ ssir minn qrati ta’ Stati Membri oħrajn.
Kull meta jkun hemm diffikultajiet tekniċi, l-ispeċjalist tal-informatika tal-qorti Portugiża jew l-ispeċjalist tal-IGFEJ ikun jista’ jipprovdi l-assistenza meħtieġa.
14 Liema informazzjoni addizzjonali eventwali hija meħtieġa mill-qorti rikjedenti?
Meta tagħmel talba għal vidjokonferenza, il-qorti rikjedenti għandha tindika fil-kaxxa 12 tal-Formola L li tixtieq li tiġi kkumpilata xhieda bl-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni stabbilita fil-Formola N, it-tnejn annessi mar-Regolament (UE) 2020/1783. Il-Formola N, min-naħa tagħha, għandha timtela b’dawn:
1. Id-dettalji tekniċi tat-tagħmir tal-vidjokonferenza użati mill-qorti rikjedenti, jiġifieri:
- Il-protokoll tal-komunikazzjoni użat (eż. H.323, H.320)
- Il-vidjoprotokolli (eż. H.261, H.263 u H.264)
- L-awdjoprotokolli (eż. G.711a, G.711u, G.722, G.729)
- Il-protokoll għall-kondiviżjoni tal-kontenut, jekk ikun hemm bżonn [eż. H.239 jew BFCP (SIP)]
- Is-sigurtà: H.235 u l-kriptaġġ rispettiv appoġġat
- Il-wisa’ tal-banda massima appoġġata
- Tagħmir standalone, MCU jew Gateway
- Fil-każ ta’ MCU jew Gateway, jekk ikollux IVR.
2. Id-dettalji ta’ konnessjoni tal-ISDN u/jew tal-IP tal-qorti.
Id-dettalji ta’ kuntatt għall-vidjokonferenza huma kif ġej:
Protokoll tal-komunikazzjoni użat: H.323
Is-sigurtà: H.235 AES
Il-wisa’ tal-banda massima appoġġata: 256kbps
3. Talba għall-iskedar ta’ test ta’ vidjokonferenza qabel is-smigħ tax-xhieda.
4. L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt dirett (telefon, fax u email) tal-persuna li tkun se tipprovdi l-appoġġ għall-vidjokonferenza (preferibbilment uffiċjal tal-qorti flimkien ma’ speċjalist tal-informatika jew tat-telekomunikazzjonijiet li jipprovdi appoġġ għall-qorti).
5. Bħala alternattiva għall-konnessjonijiet ISDN jew IP u biex jingħelbu r-restrizzjonijiet tal-komunikazzjoni li jirriżultaw minn settings tan-network u firewall, it-tagħmir installat fil-qrati jippermetti l-użu ta’ pjattaformi bħal Webex, Zoom, Teams jew Skype biex jiġu stabbiliti konnessjonijiet tal-vidjokonferenzi.
F’dan il-każ, il-qrati li jieħdu sehem fil-vidjokonferenza għandhom jaqblu minn qabel dwar il-pjattaforma li jkunu se jużaw peress li l-uffiċjal tal-qorti fil-Portugall ikollu jitlob lill-ispeċjalist lokali tal-informatika biex jinstalla s-software meħtieġ fuq it-tagħmir tal-vidjokonferenzi.
Fi kwalunkwe każ, għandu jintalab test tal-konnessjoni minn qabel biex wieħed jara jkunx hemm bżonn ta’ intervent tekniku.
Links relatati
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Ir-Regolament (UE) 2020/1783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020
Nota
Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għadu meħtieġ ukoll li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni evoluzzjonarja tal-ġurisprudenza.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.