- 1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?
- 2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?
- 3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
- 4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi
- 5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?
- 6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
- 7 Notifika “alternattiva”
- 8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)
- 9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?
- 10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
- 11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?
- 12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?
In-“notifika” hija l-proċess ta’ għotja ta' dokument lil destinatarju fil-forma preskritta mil-liġi u b’mod dokumentat biex huwa jsir konxju tad-dokument.
In-notifika huwa att legali li huwa ordnat mill-qorti fil-kuntest ta’ proċedimenti legali u mwettqa b’mod awtomatiku (l-Artikolu 87 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili) (Zivilprozessordnung – ZPO). In-notifika trid tkun iddokumentata b’mod uffiċjali sabiex ikun possibbli li jiġi vverifikat meta tkun saret in-notifika u lil min tkun saret. Xi effetti proċedurali jistgħu biss jidħlu fis-seħħ jekk ikun hemm prova li d-dokumenti ġew debitament innotifikati.
2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?
Bħala prinċipju bażiku, id-deċiżjonijiet tal-qrati kollha (pereż. taħrikiet, digrieti u sentenzi) u l-petizzjonijiet kollha minn parti (pereż. talba, difiża, appell) u dikjarazzjonijiet oħra li huma indirizzati (ukoll) lill-parti li qedha toġġezzjona jridu jiġu nnotifikati formalment.
3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
In-notifika ta' dokumenti u l-metodu ta' notifika huma ordnati mill-korp deċiżjonali (imħallef, uffiċjal ġudizzjarju). Din l-ordni tissejjaħ digriet għan-notifika (Zustellverfügung) u trid tinħareġ mill-korp deċiżjonali fuq il-kopja oriġinali tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat. Il-proċess tan-notifika attwali nnifsu jitwettaq minn servizz ta' konsenja. Dan ġeneralment ikun is-servizz postali, iżda jista’ jkun ukoll fornitur ieħor ta’ servizz universali. Għan-notifiki elettroniċi mill-qorti ara l-punt 6.
4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi
4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Fil-prinċipju, it-tweġiba hija le. Madankollu, skont liema riżorsi umani jkunu disponibbli, jistgħu jsiru domandi sempliċi, pereż. domandi għar-reġistru (għal aktar dettalji, ara l-punt 4.3 hawn isfel).
4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
Iva. Kull persuna, inkluża awtorità barranija, tista’ tikkuntattja lill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni Awstrijaċi (l-uffiċċju muniċipali, l-awtoritajiet muniċipali, l-uffiċċju distrettwali muniċipali (Gemeindeamt, Magistrat, Magistratisches Bezirksamt)) biex titlob informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tar-residenza prinċipali ta’ persuna fiżika. Id-data ta’ reġistrazzjoni hija maħżuna fir-reġistru ċentrali tal-popolazzjoni (Zentrales Melderegister – ZMR). Dan huwa reġistru pubbliku li fih l-ismijiet ta’ kull min huwa reġistrat fl-Awstrija flimkien mad-dettalji tar-residenza prinċipali tiegħu u – fejn applikabbli – tar-residenza jew residenzi sekondarji tagħhom. Ir-reġistrazzjoni jew it-tħassir mir-reġistru tal-post ta’ residenza fl-Awstrija huwa obbligatorju.
Sabiex tressaq domanda għar-reġistru, huwa meħtieġ li jkollok id-dettalji segwenti dwar il-persuna li qed tfittex bħala minimu assolut: isem u kunjom kif ukoll karatteristika addizzjonali li tippermetti lill-persuna tiġi identifikata b’mod ċar (pereż. id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, in-nazzjonalità jew l-indirizz preċedenti).
Aktar informazzjoni dwar is-sottomissjoni ta’ domanda għar-reġistru tista’ tinstab fuq http://www.help.gv.at taħt Dokumenti u Liġi (Dokumente und Recht)/data personali/informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni (Personen-Meldeauskunft).
4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
L-indirizzi tad-destinatarji fir-Repubblika tal-Awstrija jistgħu jinstabu kif ġej (l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament):
Ir-reġistru ċentrali tal-popolazzjoni (Zentrale Melderegister – “ir-reġistru”) jinsab fil-Ministeru Federali Awstrijak għall-Intern. Dan huwa reġistru pubbliku li fih il-persuni kollha rreġistrati mar-residenza prinċipali tagħhom u – fejn applikabbli – mar-residenza sekondarja jew residenzi oħrajn fl-Awstrija. Ir-reġistru jinkludi data dwar l-identità (eż., l-isem, il-ġeneru, id-data tat-twelid, in-numru fir-reġistru, in-nazzjonalità, eċċ.) u data dwar ir-residenza tal-individwi. Ir-reġistrazzjoni jew it-tħassir mir-reġistru tal-post ta’ residenza fl-Awstrija huwa obbligatorju.
L-entrati fir-reġistru jsiru minn diversi awtoritajiet tar-reġistrazzjoni, uffiċċji tar-reġistru ċivili u uffiċċji taċ-ċittadinanza tal-ibliet u l-muniċipalitajiet Awstrijaċi. Dan jista’ jiġi aċċessat online mill-awtoritajiet kollha (eż. awtoritajiet distrettwali, awtoritajiet tal-pulizija). Fuq talba, il-banek, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni, l-avukati, in-nutara, eċċ. spezzjonati mill-Ministeru Awstrijak għall-Intern ukoll għandhom aċċess dirett.
Kulħadd jista’ (iħallas sabiex) jitlob informazzjoni tar-reġistrazzjoni dwar ir-residenza prinċipali ta’ persuna mingħand l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni.
Sabiex jinstab individwu, kemm il-persuni fiżiċi kif ukoll dawk ġuridiċi jistgħu jiksbu informazzjoni dwar persuni rreġistrati mir-reġistru billi jitolbu informazzjoni dwar ir-residenza prinċipali tal-persuna. Informazzjoni dwar id-data relatata mat-twelid tista’ tintalab biss mill-persuni li għandhom ordni ta’ eżekuzzjoni kontra l-persuna/i mfittxija.
Bħala regola ġenerali, tiġi pprovduta biss informazzjoni dwar ir-residenza prinċipali tal-persuna. Jekk persuna li tagħha jkunu qed jintalbu d-dettalji ma jkollhiex residenza prinċipali ġenwina, tingħata informazzjoni dwar l-aħħar residenza prinċipali tagħha li tneħħiet mir-reġistru.
Informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tista’ tinkiseb sakemm il-persuna li jkunu qed jintalbu d-dettalji tagħha tkun distingwibbli individwalment minn ċerti karatteristiċi b’tali mod li l-informazzjoni pprovduta ma tistax tkun relatata ma’ iktar minn persuna waħda. Sabiex tinkiseb informazzjoni, l-isem u l-kunjom u tal-inqas karatteristika addizzjonali waħda tal-persuna mitluba hija meħtieġa sabiex il-persuna tkun tista’ tiġi identifikata b’mod definittiv (eż. id-data tat-twelid, il-post tat-twelid, in-nazzjonalità jew l-indirizz preċedenti).
L-awtorità kompetenti hija l-awtorità ta’ reġistrazzjoni, jiġifieri l-awtorità muniċipali; fil-bliet distrettwali huwa l-kunsill tal-belt u fi Vjenna huwa l-uffiċċju distrettwali muniċipali.
Talbiet għal informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni jistgħu jsiru personalment b’mod informali, bil-posta jew permezz tal-internet.
L-informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni tista’ tintalab online mis-sit tal-internet tar-reġistru jew permezz ta’ oesterreich.gv.at. Huma meħtieġa karta taċ-ċittadin attivata u faċilità ta’ ħlas elettroniku. L-informazzjoni mitluba tiġi pprovduta malli titħallas l-imposta amministrattiva. L-imposta amministrattiva attwali ta’ EUR 3.30 tkun dovuta anki jekk it-tfittxija ma tipproduċix riżultat ċar.
Huwa meħtieġ ritratt uffiċjali tal-ID sabiex tinkiseb informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni. Fil-każ ta’ talbiet bil-miktub, għandu jiġi ppreżentat id-dokument uffiċjali oriġinali jew kopja awtentikata tiegħu minn nutar jew minn qorti.
It-talbiet bil-miktub huma suġġetti għal tariffa ta’ EUR 14.30. It-tfittxijiet fir-reġistru tal-popolazzjoni lokali jiswew EUR 2.10 u t-tfittxijiet fir-reġistru ċentrali tal-popolazzjoni jiswew EUR 3.30.
5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?
Bħala regola, in-notifika ssir permezz ta’ servizz ta’ konsenja, jiġifieri s-servizz postali jew xi fornitur ieħor ta’ servizz universali (ara l-punt 3 hawn fuq), jew minn uffiċjali tal-qorti (l-Artikolu 88 taz-ZPO).
Madankollu, is-segwenti proċeduri ta' notifika alternattivi jeżistu wkoll:
Notifika b'dikjarazzjoni pubblika f'konformità mal-Artikolu 25 tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta' Dokumenti u l-Artikolu 115 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili:
In-notifika lil persuni b’post ta’ konsenja mhux magħruf jew lil diversi persuni li ma jkunux magħrufa mill-awtoritajiet u li għalihom l-ebda riċevitur awtorizzat ma jkun ġie maħtur tista’ ssir billi tiġi inkluża notifika fil-fajl tal-editt (Ediktsdatei) (jista’ jiġi aċċessat billi wieħed imur fuq http://www.justiz.gv.at/ u jagħżel Gvern Elettroniku/Ediktsdatei) li tgħid li d-dokument li għandu jiġi nnotifikat ġie ppreżentat lill-qorti. In-notifika trid ikun fiha wkoll dettalji fil-qosor tas-segwenti: il-kontenuti tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat, l-isem tal-qorti li qed tisma' il-kawża, il-kwistjoni kkontestata u l-għażliet għall-ġbir tad-dokument flimkien mal-informazzjoni dwar il-konsegwenzi legali ta' din id-dikjarazzjoni. In-notifika hija meqjusa li tkun saret hekk kif in-notifika tiddaħħal fil-fajl tal-editt.
In-notifika permezz ta' amministratur maħtur mill-qorti (Artikoli 116-118 dwar il-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili):
Meta l-uniku mod li ssir in-notifika huwa permezz ta' dikjarazzjoni pubblika (inklużjoni fil-fajl tal-editt), il-qorti trid taħtar amministratur fuq talba jew mill-inizjattiva tagħha stess jekk il-persuna kkonċernata jkollha normalment tieħu passi legali biex tiddefendi d-drittijiet tagħha fil-kuntest tad-dokument li għandu jiġi nnotifikat lilha, b'mod partikolari jekk id-dokument li għandu jiġi nnotifikat ikun fih taħrika għal din il-persuna. Il-ħatra tal-amministratur trid tiġi ddikjarata fil-fajl tal-editt (Artikolu 117 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili). Kif jiġri dan u d-dokument jiġi sussegwentement trażmess lill-amministratur, in-notifika hija meqjusa li tkun saret (Artikolu 118 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili).
Għan-notifiki elettroniċi mill-qorti ara l-punt 6.
6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?
Ara t-tweġiba għall-punt 6.2.
6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Il-qrati jistgħu jużaw is-sistema tal-ġustizzja elettronika Awstrijaka (Elektronischer Rechtsverkehr (ERV)) għan-notifika elettronika tal-atti lill-partijiet jew lir-rappreżentanti tagħhom. Din hija forma ta’ trażmissjoni li ssegwi regoli tekniċi preċiżi, f’ċirku ta’ utenti identifikati. L-ERV fil-prinċipju hija disponibbli għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha, minkejja li teħtieġ software speċjali u fil-prinċipju l-involviment ta’ aġenzija intermedjarja.
Jekk in-notifika permezz tal-ERV ma tkunx possibbli, in-notifika elettronika tal-atti tista’ ssir ukoll permezz ta’ dipartiment amministrattiv għan-notifika tad-dokumenti f’konformità mal-Parti 3 tal-Att tan-Notifika ta’ Dokumenti (Zustellgesetz, l-Artikoli 28 et seq.).
Il-persuni meħtieġa li jużaw l-ERV Awstrijaka (iżda mhux sistemi oħra ta’ notifika elettronika) huma: l-avukati (Rechtsanwältinnen und Rechtsanwälte), persuni oħra awtorizzati li jirrappreżentaw lil imputat fi proċedimenti kriminali (Verteidigerinnen und Verteidiger in Strafsachen), in-nutara (Notarinnen und Notare), l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu (l-Artikoli 1(1) u (2) tal-Att dwar il-Banek – BWG), l-impriżi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti 1, 2, 4, 6, 7 u 8 tal-Artikolu 1(1) tal-Att dwar is-Superviżjoni tal-Assigurazzjoni tal-2016 (VAG 2016), l-istituzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali (l-Artikoli 23 sa 25 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali – ASVG, l-Artikolu 15 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali – GSVG, l-Artikolu 13 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali tal-Bdiewa – BSVG, l-Artikolu 9 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni fuq Inċidenti u Saħħa tal-Uffiċjali taċ-Ċivil – B-KUVG, u l-Artikolu 4 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni tan-Nutara – NVG, 1972), l-istituzzjonijiet tal-pensjoni (il-Kapitolu 479 tal-ASVG), il-Fond għal-Liv u għal Kumpens għas-Sensji tal-Ħaddiema fil-Kostruzzjoni (il-Kapitolu 14 tal-Fond għal-Liv u għal Kumpens għas-Sensji tal-Ħaddiema fil-Kostruzzjoni – BUAG), il-Fond għas-Salarji tal-Ħaddiema tal-Ispiżeriji (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Fond tas-Salarji tal-2002), il-Fond ta’ Kontinġenza fl-Insolvenza (l-Artikolu 13 tal-Att dwar id-Dispożizzjoni ta’ Kontinġenza fl-Insolvenza – IESG) u IEF Service GmbH (l-Artikolu 1 tal-Att dwar l-IEF - IEFG), il-Konfederazzjoni tal-Istituzzjonijiet ta’ Assigurazzjoni Soċjali tal-Awstrija (l-Artikolu 31 tal-Att dwar l-Assigurazzjoni Soċjali Ġenerali – ASVG), il-Prosekutur Finanzjarju (Finanzprokuratur, li jirrappreżenta lill-Istat f’ċerti tipi ta’ kawżi) (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Prosekutur Finanzjarju – ProkG), l-assoċjazzjonijiet tal-avukatura (Rechtsanwaltskammern), il-periti u l-interpreti (l-Artikolu 89c(5a) tal-Att dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati (GOG)).
Skont il-liġi Awstrijaka, in-notifika elettronika bil-posta elettronika mhijiex permessa.
7 Notifika “alternattiva”
7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?
Notifika alternattiva:
Filwaqt li l-liġi espressament tipprojbixxi lill-persuna li qiegħda twettaq in-notifika milli tikkonsenja d-dokument lil riċevitur alternattiv, il-proċedura tissejjaħ notifika personali, jiġifieri meta d-dokumenti għandhom jiġu trażmessi personalment lill-persuna li għandha tiġi nnotifikata. Dan japplika biss f'każijiet eċċezzjonali.
Fil-każijiet l-oħra kollha, in-notifika alternattiva hija permessa. Dan ifisser li jekk id-destinatarju ma jinstabx fil-lokazzjoni tal-konsenja, id-dokumenti jistgħu - bħala regola - jiġu kkonsenjati lil kull adult li jgħix fl-istess lokazzjoni ta' konsenja bħad-destinatarju jew lil kull impjegat jew impjegatur tad-destinatarju li jaqbel li jirċievi d-dokumenti (Artikolu 16(2) tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta' Dokumenti). Il-leġiżlazzjoni tirreferi għal din il-persuna bħala r-riċevitur alternattiv (Ersatzempfänger).
Madankollu, in-notifika alternattiva hija permessa biss jekk il-persuna li qiegħda twettaq in-notifika għandha raġuni biex temmen li d-destinatarju huwa regolarment preżenti fil-lokazzjoni tal-konsenja.
Skont l-Artikolu 103 tal-Kodiċi Awstrijak tal-Proċedura Ċivili, persuna ma tistax taġixxi bħala riċevitur alternattiv jekk hija parti fit-tilwima ġuridika bħala parti li qiegħda toġġezzjona lid-destinatarju.
Skont l-Artikolu 16(5) tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta' Dokumenti, in-notifika alternattiva mhijiex meqjusa li tkun saret jekk id-destinatarju ma setax isir jaf dwar id-dokumenti nnotifikati fil-ħin għax huwa kien assenti mil-lokazzjoni tal-konsenja (pereż. minħabba li huwa kien qed jivvjaġġa, fi sptar jew il-ħabs). Madankollu, in-notifika ssir effettiva fil-jum li ssegwi immedjatament ir-ritorn tad-destinatarju fil-lokazzjoni tal-konsenja.
Depożitu:
Jekk id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat fil-post tal-konsenja (minħabba li la d-destinatarju u lanqas is-sostitut ma jistgħu jinstabu) u n-notifikatur għandu raġuni biex jemmen li d-destinatarju jkun regolarment preżenti fil-post tal-konsenja, id-dokument irid jiġi ddepożitat, fejn in-notifika issir permezz ta’ servizz ta’ konsenja, fil-bini tan-negozju rilevanti tiegħu, u fil-każijiet l-oħra kollha għand il-kunsill lokali jew l-awtorità, jekk j/tinsab fl-istess muniċipalità (l-Artikolu 17 tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta’ Dokumenti).
7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?
Għal dettalji, ara l-punti 7.1 u 7.3 hawn fuq.
7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?
Id-destinatarju jrid ikun konxju li d-dokumenti jkunu ġew trażmessi permezz ta' avviż ta' trażmissjoni (li jkun intqiegħed fil-kaxxa postali jew imwaħħal fuq il-bibien ta' dħul). Dan irid isemmi l-post fejn id-dokumenti ġew iddepożitati, jispeċifika l-bidu u t-tul ta’ sakemm jistgħu jinġabru, u jindika l-effetti tad-dokumenti li qegħdin jiġu ddepożitati (l-Artikolu 17(2) tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta’ Dokumenti). Skont l-Artikolu 17(3) tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta’ Dokumenti, il-perjodu ta’ ġbir jibda jiddekorri fil-jum li fih id-dokument isir disponibbli għall-ġbir u jrid idum għall-inqas ġimagħtejn. Id-dokument trażmess jitqies li jkun ġie nnotifikat fl-ewwel jum ta' dan il-perjodu (notifika nozzjonali). Madankollu, dan ma japplikax jekk id-destinatarju ma setax isir jaf tempestivament dwar id-dokumenti nnotifikati minħabba li hu kien assenti mil-lokazzjoni tal-konsenja. Madankollu, anki f’dan il-każ, is-sentenza finali tal-Artikolu 17(3) tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta’ Dokumenti tistipula li n-notifika titqies effettiva fil-jum li jsegwi immedjatament ir-ritorn tad-destinatarju fil-post tal-konsenja fil-perjodu ta’ ġbir, meta hu seta’ jiġbor id-dokument iddepożitat. Jekk id-dokument trażmess ma jinġabarx (li b'ebda mod ma jbiddel kif in-notifika tkun saret effettiva permezz tat-trażmissjoni tagħha), dan għandu jiġi rritornat lill-qorti li bagħtitu fit-tmiem tal-perjodu ta' ġbir.
7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
Jekk id-destinatarju jew ir-riċevitur alternattiv li qed jgħix fl-istess dar jirrifjuta li jirċievi d-dokument mingħajr raġuni legali valida talli jagħmel hekk, id-dokument irid jitħalla fil-lokazzjoni tal-konsenja jew, jekk dan mhuwiex possibbli, jiġi trażmess mingħajr kwalunkwe notifika bil-miktub. Il-fatt tat-tħallija jew tat-trażmissjoni tad-dokument jirrendi n-notifika effettiva (Artikolu 20 tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta' Dokumenti).
8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)
8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?
In-notifika bil-posta trid issir f'konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Unjoni Postali Universali u mal-konferma tar-riċevuta internazzjonali. Id-dokument irid jiġi kkonsenjat lid-destinatarju jew - jekk ma jistax jiġi nnotifikat lilu - lil persuna oħra li hija awtorizzata li tirċevih skont il-liġi tal-pajjiż fejn ikun qed jiġi kkonsenjat (pereż. riċevitur awtorizzat, riċevitur alternattiv). Fl-Awstrija, japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta’ Dokumenti li jikkonċernaw lir-riċevituri alternattivi (ara l-punt 7.1 hawn fuq).
8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?
Il-kwistjoni ta’ jekk huwiex permess li jiġi ddepożitat id-dokument u, jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet, hija bbażata fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż fejn ikun qed jiġi kkonsenjat id-dokument. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi Awstrijaka, id-dokument jista' jiġi trażmess sakemm il-kundizzjonijiet meħtieġa huma ssodisfati (ara 'l punt 7 hawn fuq).
8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
Ara l-punt 7.3 hawn fuq.
9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?
Iva. L-aġent tal-konsenja jrid jiċċertifika li d-dokument ikun ġie nnotifikat billi jirreġistra dan fuq il-prova tal-konsenja (konferma tal-konsenja, konferma tar-riċevuta). Il-persuna li taċċetta l-konsenja d-dokument trid tikkonferma n-notifika billi tiffirma l-prova tal-konsenja, iddaħħal id-data u, jekk hija mhijiex id-destinatarju attwali, tiddikjara r-relazzjoni tagħha ma' dan tal-aħħar. Jekk il-persuna li taċċetta l-konsenja tirrifjuta li tipprovdi l-konferma, l-aġent tal-konsenja jrid jinnota dan il-fatt fuq il-prova tal-konsenja flimkien mad-data u, fejn applikabbli, tiddikjara kif il-persuna li taċċetta l-konsenja hija relatata mad-destinatarju. Il-prova tal-konsenja trid tiġi ritornata lill-ispeditur mingħajr dewmien.
Minflok ma tibgħat il-prova tal-konsenja, huwa possibbli li tintbagħat kopja elettronika tal-prova tal-kunsinna jew tal-kontenut tagħha, sakemm l-awtorità ma tiddeċidix kontra dan billi twaħħal nota f’dak is-sens mal-prova tal-konsenja. Il-prova oriġinali tal-konsenja trid tinżamm għal mill-inqas ħames snin wara li tintbagħat il-kopja elettronika u trid tintbagħat minnufih lill-awtorità jekk din titlob dan.
10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
Għalkemm in-notifika mhijiex meqjusa bħala effettiva jekk issir kuntrarjament għar-regolamenti legali, dan jista' jiġi rimedjat. L-ewwel, meta l-proċedura ta' notifika hija difettuża, ir-regola bażika tal-Artikolu 7 tal-Att Awstrijak tan-Notifika ta' Dokumenti timplika li n-notifika hija meqjusa li tkun saret meta d-dokument kien riċevut attwalment mid-destinatarju. Jekk ikun inħatar riċevitur awtorizzat, din il-persuna trid tiġi maħtura bħala d-destinatarju; inkella, in-notifika ssir effettiva biss meta r-riċevitur awtorizzat attwalment jirċievi d-dokument. Barra minn dan, l-Att dwar in-Notifika ta' Dokumenti (Artikoli 16(5) u 17(3)) jistipula regoli speċifiċi għar-rimedju ta' difetti fin-notifika ta' dokumenti fis-sitwazzjonijiet segwenti: meta d-destinatarju ma jistax isir jaf tempestivament dwar id-dokumenti nnotifikati minħabba li huwa assenti mil-lokazzjoni tal-konsenja, meta n-notifika alternattiva hija ineffettiva jew meta d-dokumenti jiġu trażmessi. Id-difett huwa rimedjat fil-jum li jsegwi immedjatament ir-ritorn tad-destinatarju fil-lokazzjoni tal-konsenja, iżda f'każijiet fejn id-dokumenti jkunu ġew trażmessi l-fattur kruċjali huwa li d-destinatarju jrid jirritorna fil-perjodu ta' ġbir u jkun jista' jiġbor id-dokument trażmess fil-jum segwenti. Filwaqt li ma hemm ebda limitu ta' skadenza għar-rimedju tad-difetti fil-każ ta' notifika alternattiva ineffettiva, meta n-notifika permezz tat-trażmissjoni ta' dokumenti hija ineffettiva, dan ma jistax aktar jiġi rimedjat jekk id-destinatarju jirritorna biss wara t-tmiem tal-perjodu ta' ġbir. Jekk id-destinatarju jirritorna kmieni biżżejjed biex ikun jista' jiġbor il-konsenja fl-ewwel jum tal-perjodu ta' ġbir, in-notifika tkun meqjusa bħala effettiva f'dan il-jum billi l-perjodu intier ta' ġbir ikun għadu intatt. Jekk huwa jirritorna aktar tard minn hekk, in-notifika permezz ta' trażmissjoni tad-dokument mhijiex meqjusa li tkun effettiva sal-jum li jsegwi immedjatament ir-ritorn tad-destinatarju; il-perjodi li jiskattaw permezz tan-notifika tad-dokumenti, b'mod partikolari l-perjodi tal-appell, iridu dejjem jingħataw interament lir-riċevitur.
11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?
Id-dritt ta’ appell kontra d-deċiżjoni korrispondenti tal-qorti.
12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor
Ma tapplika l-ebda tariffa.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.