Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Iċ-Ċekja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

In-notifika tad-dokumenti tal-qorti hija kompitu proċedurali mwettaq mill-qrati matul il-proċedimenti ġudizzjarji. Qorti tista’ tinnotifika diversi dokumenti marbuta mal-proċedimenti lill-partijiet fil-proċedimenti, lil persuni involuti fil-proċedimenti, u lil persuni oħra (pereżempju azzjonijiet, taħrikiet, l-għoti ta’ sentenzi bil-miktub, eċċ.).

Fl-interessi taċ-ċertezza legali u sabiex jiġu mħarsa l-partijiet involuti, in-notifika għandha konsegwenzi proċedurali serji. Pereżempju, sentenza mogħtija kif xieraq biss jista’ jkollha effett ġuridiku, li jfisser illi jkollha konsegwenzi vinkolanti fuq ir-relazzjonijiet ġuridiċi li għalihom ġiet mogħtija.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Il-komunikazzjonijiet kollha li n-notifika tagħhom għandha effett legali jridu jiġu nnotifikati formalment. Il-bżonn ta’ notifika formali ġej mill-ħtieġa tal-qorti illi jkollha prova tal-fatt illi ġie nnotifikat dokument speċifiku u illi l-effetti rikjesti jistgħu jiġu attribwiti għal dik in-notifika fil-proċedimenti ġudizzjarji konċernati.

Skont l-Att Nru 99/1963, il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, (minn hawn il-quddiem il-“KPĊ” jew “il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), id-dokumenti ġudizzjarji jiġu nnotifikati jew permezz ta’ notifika personali jew bil-posta “regolari”, skont in-natura tad-dokument. In-notifika personali tintuża għal ċerti dokumenti meta dan ikun previst mil-liġi (eż., azzjonijiet innotifikati lill-konvenut; jew sentenzi, innotifikati lill-partijiet għall-proċedimenti), jew jekk tkun ordnata mill-qorti. Għad-dokumenti l-oħra tintuża l-posta “regolari”.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Il-korpi li jiżguraw in-notifika tad-dokumenti tal-qorti huma l-qrati, li jinnotifikaw id-dokumenti permezz ta’ korpi tas-servizzi (il-korpi tas-servizzi huma l-persunal tal-qorti, il-korpi tal-Gwardja Ġudizzjarja, l-uffiċjali ġudizzjarji u l-operaturi tas-servizz postali, u wkoll, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet u għal ċerti destinatarji, l-awtoritajiet tas-Servizzi tal-Ħabs, istituti jew istituzzjonijiet protettivi edukattivi, faċilitajiet ta’ detenzjoni preventiva, kwartieri ġenerali militari reġjonali, il-Ministeru tal-Intern jew il-Ministeru tal-Ġustizzja).

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Jekk it-talba tinkludi l-indirizz ta’ destinatarju fejn in-notifika ma tkunx irnexxiet, il-qorti tikkonsulta s-sistema ta’ informazzjoni rilevanti bl-għan li tistabbilixxi l-indirizz tar-residenza permanenti fil-każ ta’ persuna fiżika, il-post ta’ negozju fil-każ ta’ imprenditur li huwa persuna fiżika, u l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat jew l-indirizz ta’ unità organizzattiva reġistrata fir-reġistru rilevanti f’każ ta’ entità legali.

Il-qorti tinvestiga wkoll jekk id-destinatarju jkollux kaxxa postali għad-data reġistrata fir-Repubblika Ċeka; jekk id-destinatarju jkollu kaxxa postali għad-data, il-qorti tibgħat id-dokumenti biss fil-kaxxa postali tad-data tiegħu permezz tan-network tad-data pubbliku. L-istabbiliment ta’ kaxxa postali tad-data hu obbligatorju biss għall-entitajiet ġuridiċi u (mill-1 ta’ Jannar 2023 ’il quddiem) għall-imprendituri li huma persuni fiżiċi wkoll. Għal persuni fiżiċi li m’għandhomx negozju, mhuwiex obbligatorju.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-informazzjoni dwar fejn ikunu jinsabu attwalment persuni fiżiċi fir-Repubblika Ċeka tista’ tinkiseb primarjament mis-Sistema ta’ Informazzjoni tar-Reġistru tal-Popolazzjoni Ċeka. Il-qrati kollha fir-Repubblika Ċeka għandhom aċċess għas-sistema u jistgħu jiksbu siltiet minnha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tal-Att Nru 133/2000 dwar ir-reġistru tal-popolazzjoni tal-abitanti u dwar in-numri tal-identifikazzjoni personali (Att dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni) u soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (GDPR), u fl-Att Nru 110/2019 dwar l-ipproċessar ta’ data personali. Għat-talbiet li jsiru minn barra l-pajjiż, l-informazzjoni personali mis-sistema ta’ informazzjoni tingħata fuq talba ta’ persuna barranija jew mill-ambaxxata ta’ stat barrani biss jekk dan ikun previst fi trattat internazzjonali li jorbot lir-Repubblika Ċeka (l-Artikolu 8(9) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Popolazzjoni). Il-qrati fir-Repubblika Ċeka għandhom ukoll aċċess għal sistema ta’ informazzjoni dwar il-barranin miżmuma skont l-Att Nru 326/1999 dwar ir-residenza tal-barranin fir-Repubblika Ċeka.

L-informazzjoni dwar l-entitajiet legali u l-persuni fiżiċi li għandhom negozju, li jgħixu jew li għandhom negozju fir-Repubblika Ċeka u li japplikaw għar-reġistrazzjoni, tinżamm f’reġistru pubbliku skont l-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi. Reġistru pubbliku huwa lista pubblika li fiha tiġi rreġistrata informazzjoni prevista mil-liġi dwar entitajiet legali u persuni fiżiċi li għandhom negozju, u dan ir-reġistru jinkludi Ġabra ta’ Dokumenti. Ir-reġistru huwa aċċessibbli kemm għaċ-ċittadini Ċeki u dawk barranin, u kulħadd jista’ jikkonsultah u jagħmel kopji jew jieħu siltiet minnu. Ir-reġistru pubbliku jinżamm f’forma elettronika u jista’ b’hekk jiġi aċċessat mill-bogħod, fl-indirizz li ġej: https://www.czso.cz/csu/res/business_register

L-informazzjoni fuq is-sit elettroniku hija disponibbli mingħajr ħlas. Hemm tariffa għal kull paġna jew parti minn paġna ta’ CZK 50 (mingħajr ċertifikazzjoni) jew CZK 70 (biċ-ċertifikazzjoni) biex wieħed jagħmel kontroparti, duplikazzjoni, jew kopja ta’ dokument depożitat fil-kollezzjoni (inklużi siltiet mir-Reġistru Kummerċjali biċ-Ċek).

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-Artikolu 7(1)(a): jipprevedi l-awtoritajiet maħturin li lilhom l-aġenziji mittenti jkunu jistgħu jindirizzaw talbiet biex jiġi ddeterminat l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata; ir-Repubblika Ċeka nnotifikat l-awtoritajiet maħtura li ġejjin:

il-qorti distrettwali (okresní soud) (fi Praga: obvodní soud, f’Brno: Městský soud) li l-ġuriżdizzjoni tagħha tkopri l-aħħar indirizz magħruf tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument jekk din l-informazzjoni tkun disponibbli jew, fejn xieraq, il-qorti distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha hija preżenti l-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument skont l-informazzjoni disponibbli.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

Skont il-liġijiet Ċeki, qorti tinnotifika dokumenti bil-miktub matul is-seduta ta’ smigħ jew matul azzjoni oħra tal-qorti. Jekk ma jintużax dan il-metodu ta’ notifika, il-qorti tinnotifika dokument lid-destinatarju permezz ta’ network tad-data pubbliku fil-kaxxa postali tad-data tiegħu. Jekk dokument ma jkunx jista’ jiġi kkonsenjat permezz ta’ network tad-data pubbliku, il-qorti tinnotifikah, fuq talba tad-destinatarju, f’indirizz ieħor jew indirizz elettroniku.

Jekk dokument ma jkunx jista’ jiġi nnotifikat b’dawn il-metodi, il-qorti tordna li n-notifika ssir permezz ta’ korp tas-servizzi (għal aktar informazzjoni, ara l-paragrafu 3) jew lil parti fil-proċedimenti jew lir-rappreżentant tagħha għan-notifika tad-dokument (it-Taqsimiet 45, 46c, 47 u 48 tal-KPĊ).

Soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati b’mod preċiż mil-liġi, qorti tista’ wkoll tinnotifika dokument billi ttellgħu fuq avviżiera pubblika (l-Artikolu 501 tal-KPĊ).

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika tad-dokumenti tista’ tfisser notifika minn network tad-data pubbliku lil kaxxa postali tad-data.

Jekk dan il-metodu ta’ notifika ma jkunx possibbli, il-qorti, fuq talba tad-destinatarju, tista’ tinnotifika d-dokument fuq indirizz elettroniku speċifikat mid-destinatarju sakemm id-destinatarju jkun talab lill-qorti biex tinnotifika d-dokument b’dan il-mezz, jew ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan it-tip ta’ notifika, u sakemm ikun ħatar fornitur tas-servizz ta’ ċertifikazzjoni akkreditat li ħareġ iċ-ċertifikat kwalifikat tiegħu u li jżomm rekord tiegħu, jew ikun ippreżenta ċertifikat kwalifikat validu. Jekk jintuża dan il-metodu ta’ notifika, il-qorti titlob lid-destinatarju biex jikkonferma n-notifika lill-qorti fi żmien 3 ijiem mill-kunsinna tad-dokumenti, b’messaġġ elettroniku ffirmat bil-firma elettronika rikonoxxuta tad-destinatarju. Jekk id-dokument mibgħut f’indirizz elettroniku jiġi rritornat il-qorti għaliex ma setax jintbagħat, jew jekk id-destinatarju ma jikkonfermax illi d-dokument wasallu fi żmien tliet ijiem mid-data li fih intbagħat, in-notifika ma kinetx effettiva.

L-ebda metodu ieħor ta’ notifika tad-dokumenti b’mezzi elettroniċi ma hu previst mil-liġi.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

Notifika lil indirizz elettroniku (bil-posta elettronika), li jista’ jiġi kklassifikat taħt il-punt (b).

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Iċ-ċertifikat tan-notifika ta’ dokumenti mibgħut bil-posta elettronika jrid ikun iffirmat b’firma elettronika bbażata fuq ċertifikat ta’ firma elettronika kwalifikata, jew b’firma elettronika kwalifikata.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Fir-rigward ta’ din il-mistoqsija, ara wkoll l-informazzjoni fil-paragrafu 5 iktar ’il fuq.

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jagħmel distinzjoni bejn żewġ tipi ta’ notifika: notifika personali, u n-notifika ta’ dokumenti oħra.

Jekk ikunu qed jiġu nnotifikati dokumenti li liġi jew qorti tiddetermina illi jridu jiġu nnotifikati personalment, u l-korp tan-notifika ma jkunx jista’ jsib lid-destinatarju, id-dokument jiġu miżmum f’fergħa tal-posta jew f’qorti u jitħalla avviż bil-miktub għad-destinatarju, fejn jintalab jiġbor id-dokument (ara l-paragrafu 7.2. iktar ’l isfel).

Jekk ikunu qed jiġu nnotifikati dokumenti mingħajr ma tkun prevista notifika personali għalihom (magħrufa bħala n-notifika ta’ dokumenti oħra), id-dokumenti jintbagħtu fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju jekk ma jinstabx, u d-dokument jitqies notifikat meta jitpoġġa fil-kaxxa tal-ittri. Jekk id-dokument ma jistax jitħalla fil-kaxxa tal-ittri, il-qorti tinnotifikah billi ttellgħu fuq l-avviżiera uffiċjali tagħha (l-Artikolu 50 tal-KPĊ).

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Id-dokumenti li jridu jiġu nnotifikati personalment jitqiesu mibgħuta fl-għaxar jum wara d-data li fiha d-dokument kien lest għall-ġbir (jiġifieri mid-data meta d-dokument ġie ddepożitat f’uffiċċju postali jew f’qorti, jew meta avviż li jitlob il-ġbir tad-dokument twaħħal fuq l-avviżiera uffiċjali tal-qorti, jekk l-avviż ma jkunx jista’ jitħalla fil-post ta’ kunsinna). Dokument jitqies li ġie nnotifikat anke jekk id-destinatarju ma kienx jaf illi d-dokument ġie ddepożitat. Jekk jiskadi l-perjodu ta’ għaxart ijiem u ma jseħħ xejn, il-korp tan-notifika jitfa’ d-dokument fil-kaxxa tal-ittri tad-destinatarju u jekk ma jkollux waħda, il-korp jirritorna d-dokument lill-qorti li bagħtitu u jwaħħal avviż dwar dan fuq l-avviżiera uffiċjali tal-qorti. Għal xi dokumenti (primarjament ordnijiet biex titħallas xi kambjala, ordnijiet għall-ħlas u ordnijiet ta’ ħlas Ewropej), in-notifika sostitwita mhix permessa mil-liġi jew minn deċiżjoni tal-qorti; wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ 10 ijiem, id-dokumenti jiġu rritornati lill-qorti li tkun bagħtithom mingħajr ma titqies li saret notifika (l-Artikolu 49(5) tal-KPĊ).

Id-dokumenti notifikati permezz ta’ network tad-data pubbliku jitqiesu li ġew innotifikati personalment. Dokument notifikat f’kaxxa postali tad-data jitqies li ġie nnotifikat meta l-persuna li, minħabba l-ambitu tal-awtorizzazzjoni tagħha, jkollha dritt taċċessa d-dokument, tilloggja fil-kaxxa postali. Jekk dik il-persuna ma tilloggjax fil-kaxxa postali fi żmien 10 ijiem minn meta d-dokument ikun ġie nnotifikat fil-kaxxa postali tad-data, id-dokument jitqies li wasal fl-għaxar jum; dan mhux il-każ jekk in-notifika sostitwita tkun eskluża għal dan id-dokument (it-Taqsima 17(3) u (4) tal-Att Nru 300/2008 dwar l-azzjonijiet elettroniċi u l-konverżjoni awtorizzata tad-dokumenti).

Id-dokumenti l-oħra (mhux intiżi għan-notifika personali) jitqiesu notifikati fil-jum li fih jitpoġġew f’kaxxa tal-ittri, jew, jekk jiġu nnotifikati billi jitwaħħlu fuq l-avviżiera uffiċjali tal-qorti, fl-għaxar jum wara l-affissjoni.

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Id-destinatarju jiġi infurmat b’dokument li jkun ġie ddepożitat f’uffiċċju postali b’avviż bil-miktub fejn jintalab jiġbor id-dokument, li l-korp tan-notifika jħallilu b’mod xieraq (normalment, billi jitfgħu fil-kaxxa tal-ittri tiegħu). Jekk ma jkunx jista’ jitħalla avviż fil-post fejn sar tentattiv ta’ kunsinna, il-korp tan-notifika jirritorna d-dokument lill-qorti li bagħtitu u l-qorti toħroġ avviż fuq l-avviżiera uffiċjali tagħha fejn titlob li d-dokument jinġabar.

Talba jrid ikun fiha d-dettalji speċifikati fl-Att (l-Artikolu 50h tal-KPĊ), b’mod partikolari l-isem tal-qorti, id-dokument li qed jiġi nnotifikat, id-dettalji tad-destinatarju u l-indirizz tiegħu, tal-korp tan-notifika u l-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ min ikun qed jagħmel in-notifika, u l-firma tiegħu. Jekk in-notifika sostitwita ma tkunx eskluża, l-avviż irid ikun fih ukoll twissija dwar il-konsegwenzi legali jekk id-dokument ma jinġabarx. L-avviż jgħid ukoll ma’ min, fejn u f’liema data ikun se jitħalla d-dokument biex jinġabar, u d-data sa meta u l-ħinijiet li fihom jista’ jinġabar.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Ir-rifjut ta’ notifika ta’ dokumenti huwa regolat mit-Taqsima 50c tal-KPĊ, li jistipula illi jekk destinatarju jew riċevitur jirrifjuta n-notifika ta’ dokument, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fil-jum li fih ġiet irrifjutata n-notifika. Id-destinatarju jrid jiġi nfurmat bil-konsegwenza. Skont il-liġi Ċeka, l-istess finzjoni legali ta’ notifika sseħħ jekk id-destinatarju jirrifjuta li juri l-identità tiegħu jew li jikkoopera kif meħtieġ għan-notifika kif xieraq. F’dak il-każ, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fil-jum li fih id-destinatarju rrifjuta li juri l-identità tiegħu jew li jikkoopera. Skont il-liġi Ċeka, ma jsir l-ebda eżami dwar jekk ir-rifjut kienx leġittimu jew le, u l-finzjoni legali ta’ notifika sseħħ awtomatikament, mal-azzjoni ta’ rifjut.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Meta twettaq notifiki barra l-pajjiż, il-Posta Ċeka tipproċedi b'mod simili għal meta ssir kunsinna domestika. Dan ifisser illi sakemm l-envelopp jew il-karta tal-kunsinna ma tispeċifikax illi l-oġġett jista jiġi nnotifikat biss personalment, dan jista’ jiġi nnotifikat mhux biss lid-destinatarju iżda wkoll lill-aġent tiegħu, lil rappreżentant statutorju tiegħu jew lil aġent tar-rappreżentant statutorju tiegħu, soġġett għall-istess kundizzjonijiet tad-destinatarju (jiġifieri jrid juri l-identità tiegħu u jikkonferma li rċieva d-dokument billi jiffirma).

Barra minn hekk, skont it-Termini u Kundizzjonijiet tal-Posta, oġġett postali jista’ jintlaqa’ fil-post speċifikat mill-indirizz postali minn dawn li ġejjin:

1. jekk l-oġġett postali jkun indirizzat lil persuna fiżika:

  • persuna fiżika li jkollha aktar minn 15-il sena li tkun fl-abitazzjoni, fl-uffiċċju, fl-istabbiliment, jew f’bini magħluq ieħor indikat bl-isem u l-kunjom tad-destinatarju jew kunjom identiku għal dak tad-destinatarju u li tikkonferma li rċeviet l-oġġett bil-firma tagħha;

2. jekk l-oġġett postali jkun indirizzat lil entità ġuridika:

  • persuna fiżika li turi li hija persuna awtorizzata u tikkonferma li taċċetta l-oġġett bil-firma tagħha;
  • persuna fiżika li jkollha aktar minn 15-il sena li tkun fl-uffiċċju, fl-istabbiliment, jew f’bini magħluq ieħor indikat bl-isem tad-destinatarju u li turi dokument b’isimha u kunjomha u tikkonferma li rċeviet l-oġġett bil-firma tagħha;

Jekk il-kunsinna ta’ dokument lil tali persuna ma tirnexxix, l-uffiċċju postali jista’ jagħtih lil persuna fiżika xierqa ta’ ’l fuq minn 15-il sena, b’mod partikolari xi ġar tad-destinatarju li jaqbel illi jagħtih l-oġġett u li jikkonferma li rċieva l-oġġett bil-firma tiegħu.

Dan huwa prekluż jekk:

  1. id-destinatarju jkun ta lill-Posta Ċeka dikjarazzjoni fejn jgħid illi ma jaqbilx ma’ dan il-metodu ta’ kunsinna;
  2. id-destinatarju jkun ta lill-Posta Ċeka dikjarazzjoni fejn jgħid illi l-Posta Ċeka tista’ tikkonsenja oġġetti postali lilu biss;
  3. il-prezz iddikjarat jaqbeż CZK 10 000 (l-Artikolu 25(6) tat-Termini u l-Kundizzjonijiet tal-Posta).

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Jekk dokument jiġi nnotifikat skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (jiġifieri permezz tas-servizz postali, minflok l-aġenzija riċeventi) u l-oġġett postali ma jiġix ikkonsenjat, l-oġġett jiġi ddepożitat u jitħalla avviż lid-destinatarju fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tiegħu, fejn jintalab jiġbor l-oġġett postali fi żmien speċifiku minn uffiċċju postali speċifiku. Jekk huwa jonqos milli jagħmel hekk fiż-żmien indikat, l-oġġett postali jiġi rritornat lil min bagħtu bħala oġġett li ma setax jitwassal.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

F’każ ta’ notifika personali permezz tas-servizzi postali ta’ stat ieħor, fit-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament, id-destinatarju jista’ jiġbor l-oġġett postali fi żmien 15-il jum mid-data meta l-oġġett kien lest biex jinġabar. Id-destinatarju jiġi infurmat dwar id-depożitu tal-oġġett postali permezz ta’ avviż bil-miktub, li l-korp tan-notifika jħalli fil-kaxxa tal-ittri tad-dar tiegħu, fejn jiġi mitlub jiġbor l-oġġett.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Meta qorti tkun qed tikkonsenja dokument matul seduta jew xi azzjoni oħra tal-qorti li tagħha jiġu prodotti rekords tal-qorti, dan jiġi indikat fir-rekords. Minbarra dettalji oħra (l-Artikolu 40(6) tal-KPĊ), ir-rekords iridu juru n-natura tad-dokument. Ir-rekords iridu jiġu ffirmati mill-persuna li tinnotifikahom, u mir-riċevitur.

Għan-notifika permezz ta’ network tad-data pubbliku f’kaxxa postali tad-data, ara l-paragrafu 7.2. aktar ’il fuq.

Jekk id-dokument jiġi nnotifikat permezz ta’ network tad-data pubbliku fuq indirizz elettroniku, in-notifika tiġi ddokumentata permezz ta’ messaġġ elettroniku mid-destinatarju ffirmat bil-firma elettronika rikonoxxuta tiegħu, li biha jikkonferma illi rċieva d-dokument.

Jekk qorti tkun qed tinnotifika dokument matul azzjoni li tagħha ma jiġux prodotti rekords tal-qorti, jew permezz ta’ korp tan-notifika, it-tip ta’ dokument jiġi mmarkat fuq il-karta tan-notifika. Karta tan-notifika hija dokument pubbliku. Sakemm ma jkunx ippruvat mod ieħor, id-data mniżżla fuq il-karta tan-notifika titqies korretta.

Karta tan-notifika jrid ikun fiha:

  1. l-isem tal-qorti li tkun talbet in-notifika tad-dokument;
  2. l-isem tal-korp tan-notifika;
  3. l-isem tad-dokument notifikat;
  4. l-isem tad-destinatarju u l-indirizz fejn għandu jiġi nnotifikat id-dokument;
  5. dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li tindika d-data li fiha d-destinatarju ma nstabx, id-data li fiha d-dokument ingħata lid-destinatarju jew lir-riċevitur, id-data li fiha d-dokument kien lest għall-ġbir, jew id-data li fiha ġiet irrifjutata n-notifika jew ma ngħatatx il-kooperazzjoni meħtieġa għan-notifika xierqa tad-dokument;
  6. is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk jiġi indikat il-kliem “il-ħin preċiż tan-notifika”;
  7. l-isem u l-kunjom tal-aġent li jwassal in-notifika, il-firma tiegħu, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;
  8. l-isem u l-kunjom tal-persuna (jekk ikun magħruf mill-korp tan-notifika) li tkun aċċettat id-dokument jew irrifjutat in-notifika jew irrifjutat li tikkoopera sabiex issir notifika kif xieraq tad-dokument; informazzjoni dwar ir-relazzjoni tal-persuna mad-destinatarju jekk id-dokument jiġi aċċettat f’isem id-destinatarju; u l-firma ta’ dik il-persuna;
  9. informazzjoni dwar jekk hux eskluż it-tqegħid tad-dokument f’kaxxa tal-ittri.

Jekk dokument ikun ġie ddepożitat, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha informazzjoni dwar jekk tħalliex avviż għad-destinatarju biex jiġbor id-dokument.

Jekk id-destinatarju jew riċevitur jiġbor dokument depożitat, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll:

  1. l-isem u l-kunjom tal-persuna li kkonsenjat id-dokument, il-firma tagħha, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;
  2. dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li tindika d-data li fiha d-dokument ġie miġbur;
  3. is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk jintalab “il-ħin preċiż tan-notifika”;
  4. l-isem u l-kunjom tal-persuna li ġabret id-dokument depożitat, u l-firma tagħha.

Jekk id-destinatarju jew ir-riċevitur jirrifjuta n-notifika ta’ dokument jew ma jikkooperax b’mod illi n-notifika ssir kif xieraq, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll informazzjoni dwar jekk ingħatawx struzzjonijiet, bil-miktub jew bil-fomm, dwar il-konsegwenzi ta’ rifjut ta’ notifika tad-dokument jew tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni, u dwar jekk ir-rifjut tan-notifika tad-dokument kienx iġġustifikat u b’liema mod jew dwar in-natura tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

Jekk id-dokument jiġi nnotifikat bil-“posta regolari” u mhux lid-destinatarju jew lir-riċevitur, il-karta tan-notifika jrid ikun fiha wkoll:

  1. dikjarazzjoni mill-korp tan-notifika li tindika d-data li fiha d-dokument tqiegħed fil-kaxxa tal-ittri tad-dar jew kaxxa tal-ittri oħra użata mid-destinatarju;
  2. is-siegħa u l-minuti tan-notifika, jekk jintalab li jiġi indikat “il-ħin preċiż tan-notifika”;
  3. l-isem u l-kunjom tal-aġent li jwassal in-notifika, il-firma tiegħu, u kopja tat-timbru uffiċjali tal-korp tan-notifika;

Jekk ir-riċevitur ma jistax jikkonferma n-notifika ta’ dokument bil-firma tiegħu, persuna fiżika xierqa oħra għajr l-aġent li jwassal in-notifika trid tikkonferma l-kunsinna lir-riċevitur billi tiffirma l-karta tan-notifika.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Il-liġijiet tar-Repubblika Ċeka ma jipprevedux il-possibbiltà illi jkun hemm rimedju għal metodu difettuż tan-notifika. Jekk il-proċedura statutorja ma tkunx ġiet osservata waqt in-notifika ta’ dokument speċifiku, id-dokument ikun irid jiġi nnotifikat mill-ġdid.

Minħabba li l-liġijiet tar-Repubblika Ċeka jipprevedu n-notifika “sostitwita” u l-finzjoni legali ta’ notifika relatata magħha, hemm il-possibbiltà ta’ notifika mhux effettiva f’każijiet fejn id-destinatarju ma setax ikun jaf bid-dokument minħabba ostaklu oġġettiv.

Notifika mhux effettiva tiġi ddikjarata mill-qorti li jkollha ġuriżdizzjoni, fuq talba esklussiva tal-parti li kienet id-destinatarja tad-dokument speċifiku (bl-eċċezzjoni ta’ proċedimenti mhux kontenzjużi, meta qorti tista’ teżamina wkoll l-effetti ta’ notifika ex officio). Rikors għandu jiġi ppreżentat fi żmien ħmistax-il jum mid-data li fiha d-destinatarju sar jaf li ġie nnotifikat id-dokument, jew li seta’ sar jaf b’dan. Il-qorti tiddikjara illi n-notifika ma kinetx effettiva biss jekk id-destinatarju ma setax ikun jaf bid-dokument minħabba raġuni skużabbli. Għalhekk, il-parti trid tindika dawk il-provi fir-rikors tagħha illi jappoġġaw it-tempestività (il-perjodu ta’ 15-il jum imsemmi hawn fuq) u l-ġustifikazzjoni tar-rikors tagħha. Raġunijiet skużabbli jistgħu jinkludu mard, ir-rikoveru fi sptar, eċċ, jiġifieri raġunijiet li jinvolvu ostaklu oġġettiv li ma jħallix lill-parti ssir taf bid-dokument. In-notifika ma tistax tiġi ddikjarata mhux effettiva jekk id-destinatarju jkun konxjament evita n-notifika jew jekk ma jkunx joqgħod b’mod permanenti fl-indirizz mogħti għan-notifika (il-partijiet huma obbligati jipprovdu indirizz għan-notifika tal-post fejn jgħixu effettivament).

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Deċiżjoni li tiddikjara li r-rifjut ma kienx ġustifikat tista’ tiġi appellata.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Fir-Repubblika Ċeka, in-notifika mhijiex soġġetta għal tariffi. Bħala regola, l-ispejjeż tan-notifika jitħallsu mill-qorti li tinnotifika d-dokument.

L-aħħar aġġornament: 28/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.