- 1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?
- 2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?
- 3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
- 4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi
- 5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?
- 6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
- 7 Notifika “alternattiva”
- 8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)
- 9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?
- 10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
- 11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?
- 12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?
Skont l-Att CXXX tal-2016 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (A polgári perrendtartásról szóló 2016. évi CXXX. Törvény, bl-Ungeriż) (“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”), id-dokumenti tal-qorti jridu, sakemm ma jkunx previst mod ieħor mil-liġi, jintbagħtu lid-destinatarju bil-posta skont il-leġiżlazzjoni dwar in-notifika ta’ dokumenti uffiċjali. Id-destinatarji jistgħu wkoll jiġbru dokument indirizzat lilhom fl-uffiċċju tal-qorti, wara li jippreżentaw prova tal-identità. Fil-każ ta’ komunikazzjoni elettronika obbligatorja jew fakultattiva, id-dokumenti jiġu nnotifikati b’mod elettroniku.
Jekk jogħġbok ikkonsulta wkoll l-Ipproċessar online tal-kawżi u l-komunikazzjoni elettronika mal-qrati.
L-għan li jiġu nnotifikati d-dokumenti uffiċjali huwa li d-destinatarji jiġu informati bil-kontenut tad-dokumenti, iżda b'mod li jippermetti lill-mittenti li jipprovaw li d-dokumenti ġew trażmessi lid-destinatarji. L-att innifsu, id-data tiegħu u l-eżitu tan-notifika jridu jkunu murija. Id-dokumenti uffiċjali jistgħu jintbagħtu b'ittra reġistrata bil-konferma tar-riċevuta intiża b'mod speċjali għal dan it-tip ta' notifika.
2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?
Skont l-Att CLIX tal-2012 dwar is-Servizzi Postali (A postai szolgáltatásokról szóló 2012. évi CLIX. Törvény, bl-Ungeriż), (“l-Att CLIX tal-2012”), id-dokumenti li jridu jkunu nnotifikati formalment huma dawk li fil-każ tagħhom l-ispedizzjoni jew in-notifika (tentattiv ta’ notifika) jew id-data tagħhom ikollhom konsegwenzi ġuridiċi bil-liġi, dawk li jipprovdu l-bażi għal kalkolu tal-iskadenzi statutorji jew dawk li huma kklassifikati bħala dokumenti uffiċjali bil-liġi.
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, fil-kawżi ċivili, is-segwenti jridu bilfors jiġu kkomunikati permezz ta’ notifika:
- sentenzi u inġunzjonijiet lill-partijiet;
- ordnijiet li jingħataw matul il-proċess, lil parti li ma ġietx imħarrka debitament għall-proċess;
- ċerti ordnijiet speċifikati mill-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u li ngħataw waqt il-proċess, lil parti li naqset milli tidher waqt il-proċess;
- ordnijiet mogħtija barra mill-proċess, lill-parti kkonċernata;
- id-deċiżjonijiet kollha maħruġa matul il-proċedura, lill-persuna li fl-interess tagħha tressqu l-proċedimenti mill-prosekutur jew mill-persuna awtorizzata li tibda l-proċedimenti.
3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?
Il-qorti u l-fornitur tas-servizz postali jew fiduċjarju huma responsabbli min-notifika ta’ dokumenti, abbażi tal-leġiżlazzjoni applikabbli għalihom.
4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi
4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Ma hemm ebda tali obbligu.
4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?
L-indirizz residenzjali ta' persuni fiżiċi:
Fl-Ungerija, l-Uffiċċju tal-Viċi Segretarju tal-Istat għaż-Żamma tar-Reġistri tal-Ministeru tal-Intern (Belügyminisztérium Nyilvántartások Vezetéséért Felelős Helyettes Államtitkársága – BM NYHÁT); web: http://nyilvantarto.hu/hu/adatszolgaltatas_szemelyi, bl-Ungeriż) iżomm ir-reġistru ċentrali tal-indirizzi. Dan ir-reġistru jista’ jintuża biex jinkisbu d-dettalji tal-indirizz ta’ persuni identifikabbli b’mod individwali. Dawk ir-rikorsi jistgħu jitressqu minn persuni privati jew ġuridiċi jew entitajiet mingħajr personalità ġuridika, sakemm dawn jiġġustifikaw l-iskop u l-bażi ġuridika għall-użu ta’ din id-data.
Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat personalment fi kwalunkwe uffiċċju distrettwali jew barra mill-pajjiż fir-rappreżentanza diplomatika Ungeriża (magyar külképviseleti hatóságnál, bl-Ungeriż) kompetenti għall-indirizz residenzjali barrani.
Jista’ jiġi ppreżentat rikors bil-miktub fi kwalunkwe uffiċċju distrettwali. Jekk id-data mitluba ma tkunx disponibbli fl-uffiċċju tad-distrett, f’dan il-każ
- talbiet minn awtoritajiet pubbliċi u rikorsi għal żvelar ta’ data minn awtoritajiet pubbliċi jistgħu jiġu ppreżentati lid-Dipartiment BM NYHÁT għar-Rekords Personali u ta’ Ġestjoni), Taqsima ta’ Assistenza Legali Domestika (BM NYHÁT Személyi Nyilvántartási és Igazgatási Főosztály Belföldi Jogsegélyügyek Osztály), indirizz postali: 1476 Budapest, Pf. 281;
- it-talbiet l-oħra kollha minn rikorrenti li mhumiex inklużi hawn fuq (bħal individwi privati jew kumpaniji) jistgħu jiġu ppreżentati lid-Dipartiment BM NYHÁT għas-Servizz Personali tal-Klijenti u għall-Verifika tad-Dokumenti (BM NYHÁT Személyes Ügyfélszolgálati és Okmányügyeleti Főosztály), indirizz postali: 1553 Budapest, Pf. 78;
- rikors bil-miktub jista’ jiġi ppreżentat barra mill-pajjiż fir-rappreżentanza diplomatika Ungeriża (magyar külképviseleti hatóságnál, bl-Ungeriż) kompetenti għall-indirizz residenzjali barrani.
It-talba trid tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
- id-dettalji tar-rikorrent, l-isem, l-indirizz, l-uffiċċju reġistrat jew il-post tan-negozju tar-rikorrent jew tar-rappreżentant tiegħu;
- l-enumerazzjoni eżatta tad-data mitluba;
- l-għan li għalih se tintuża d-data;
- id-dettalji ta’ identifikazzjoni tal-persuna fiżika li jistgħu jintużaw sabiex tiġi identifikata l-persuna msemmija fir-rikors (l-isem, il-post u data tat-twelid, il-kunjom ta’ xebba tal-omm) jew l-isem u l-indirizz residenzjali magħruf mir-rikorrent (l-isem tal-muniċipalità, l-isem tat-triq, in-numru tad-dar).
Id-dokumenti li jridu jiġu mehmuża mar-rikors:
- id-dokument li jiġġustifika l-bażi ġuridika għall-użu ta’ din id-data;
- prova tas-setgħa ta’ rappreżentanza tar-rappreżentant awtorizzat jekk ma tkunx disponibbli fir-reġistru tad-dispożizzjonijiet. Il-prokura trid tkun inkorporata fi strument awtentiku jew fi skrittura privata li tirrappreżenta prova konklużiva, jew trid tkun irreġistrata f’rapport.
Sakemm ma timplikax mod ieħor, il-prokura tkopri d-dikjarazzjonijiet u l-azzjonijiet kollha relatati mal-kawża inkwistjoni.
Meta jkun hemm xi dubju dwar l-awtentiċità jew il-kontenut ta’ strument ta’ oriġini barranija, l-awtorità titlob lill-klijent biex jippreżenta strument awtentiku ċċertifikat mill-ġdid magħmul barra mill-pajjiż.
Jekk il-klijent jipprovdi traduzzjoni ċċertifikata ta’ dokument magħmul f’lingwa oħra li mhijiex l-Ungeriż flimkien ma’ dan id-dokument, l-awtorità taċċettah bħala tradott.
Il-proċedura hija suġġetta għal tariffa sussegwenti għas-servizzi amministrattivi:
- għall-forniment ta’ data li tirrigwarda minn persuna waħda sa erba’ persuni: HUF 3 500
- għall-għoti ta’ data li tinvolvi ħames persuni jew aktar: in-numru ta’ persuni involuti fl-għoti tad-data mmultiplikat bir-rata għal kull oġġett, bir-rata tkun: HUF 730/oġġett.
Fil-każ ta’ rikorsi trażmessi minn barra jew permezz tar-rappreżentanza diplomatika Ungeriża li hija akkreditata għall-post tar-residenza tar-rikorrent, it-tariffa trid titħallas sussegwentement bħala tariffa konsulari fir-rappreżentazzjoni Ungeriża kompetenti.
Kumpaniji:
Fil-każ ta’ kumpaniji, id-data l-iktar importanti fir-reġistru kummerċjali, inkluż l-indirizz, hija disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit web segwenti, bl-Ungeriż: https://www.e-cegjegyzek.hu.
4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jirċievi talbiet mingħand aġenziji mittenti biex jistabbilixxi l-indirizz tad-destinatarju skont l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti. Ara l-punt 4.2 għall-informazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti.
5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?
Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012 tal-4 ta’ Diċembru 2012 li jistabbilixxi regoli dettaljati li jirregolaw is-servizzi postali u n-notifika ta’ dokumenti uffiċjali (335/2012. (XII. 4.) Korm. Rendelet, bl-Ungeriż) (“id-Digriet Governattiv Nru 335/2012”), il-fornitur tas-servizzi postali jinnotifika d-dokumenti uffiċjali, mibgħuta b’konferma tar-riċevuta, billi jikkonsenjahom personalment lid-destinatarju jew lil riċevitur awtorizzat ieħor.
Dokument uffiċjali ma jistax jiġi nnotifikat lill-persuni li ġejjin: riċevitur okkażjonali abbażi ta’ kuntratt speċifiku mal-mittent jew dispożizzjoni speċjali skont it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratt; impjegat jew membru tal-organizzazzjoni waqt il-konsenja fil-post tan-negozju tal-organizzazzjoni jew f’bini ieħor miftuħ għat-traffiku tal-klijenti; persuna fiżika impjegata fid-dipartiment tal-akkoljenza, jekk dan ikun operat mill-organizzazzjoni; jew il-lokatur tal-proprjetà mogħtija fl-indirizz jew fl-akkomodazzjoni tad-destinatarju jekk tkun persuna fiżika.
Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur tas-servizz jagħmel żewġ tentattivi sabiex jinnotifika l-posta mibgħuta bħala dokument uffiċjali. Jekk l-ewwel tentattiv ta’ notifika jfalli għaliex id-destinatarju jew ir-riċevitur awtorizzat ma jkunx preżenti fl-indirizz, il-fornitur tas-servizz iħalli avviż, jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fil-punt tal-konsenja indikat fl-avviż, u jagħmel tentattiv ieħor ta’ notifika fil-ħames jum ta’ xogħol wara dak ta’ meta n-notifika ma tkunx irnexxiet. Jekk it-tieni tentattiv ifalli, il-fornitur tas-servizz jerġa’ jħalli avviż għad-destinatarju u jagħmel id-dokument uffiċjali disponibbli fil-punt tal-konsenja indikat fl-avviż għal 5 ijiem ta’ xogħol mid-data tat-tieni tentattiv. Sakemm isir it-tieni tentattiv tan-notifika, id-dokument uffiċjali jista’ jinġabar mill-punt tal-konsenja indikat, wara li tiġi ppreżentata prova tal-identità. Jekk id-dokument uffiċjali ma jkunx wasal għand id-destinatarju sad-data tal-iskadenza indikata fit-tieni avviż, il-fornitur tas-servizz jirritorna d-dokument uffiċjali lill-mittent fil-jum ta’ xogħol li jmiss bl-indikazzjoni “ma nġabarx”.
F’dan il-każ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokument irid jitqies bħala li jkun ġie nnotifikat fil-ħames jum ta’ xogħol mid-data tat-tieni tentattiv ta’ notifika, sakemm ma jiġix ipprovat mod ieħor. In-notifika ma tkunx ikkunsidrata legali jekk id-dokument ikun ġie nnotifikat lil riċevitur alternattiv minflok lid-destinatarju u r-riċevitur alternattiv kien il-parti li qed topponi jew ir-rappreżentant tiegħu fil-proċedura ġudizzjarja. F’każ ta’ notifika ta’ att promotur jew ta’ deċiżjoni sostantiva li tikkonkludi l-proċedimenti, il-qorti tinnotifika lid-destinatarju fi żmien tmint ijiem mill-preżunzjoni li d-dokument ikun ġie nnotifikat. Jekk indirizz elettroniku jkun disponibbli, in-notifika trid tintbagħat ukoll fl-indirizz elettroniku.
Id-destinatarji jistgħu wkoll jiġbru dokument indirizzat lilhom fl-uffiċċju tal-qorti, wara li jippreżentaw prova tal-identità.
L-Att LIII tal-1994 dwar il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni (A végrehajtási eljárásról szóló 1994. évi LIII. törvény, bl-Ungeriż) (“Att LIII tal-1994”) jirregola n-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju bħala metodu alternattiv ta’ notifika permess fil-każ ta’ deċiżjonijiet sostantivi li jikkostitwixxu l-bażi għall-eżekuzzjoni, fejn il-preżunzjoni tan-notifika tkun daħlet fis-seħħ u l-parti intitolata li tressaq it-talba għall-eżekuzzjoni tkun espressament talbet dan u tkun ħallset parti mill-ispejjeż bil-quddiem. Skont l-Att LIII tal-1994, uffiċjal ġudizzjarju jista’ ukoll jinnotifika d-dokumenti ta’ eżekuzzjoni personalment, f’konformità ma’ leġiżlazzjoni speċifika. Jekk il-proċedura ma tirnexxix, id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati skont proċedura ġdida b’mod konformi mar-regoli ġenerali applikabbli għan-notifika ta’ dokumenti uffiċjali.
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u l-Att L tal-2009 dwar il-proċedura tal-ordni ta’ ħlas (a fizetési meghagyásos eljárásról szóló 2009. évi L. törvény, bl-Ungeriż) (“Att L tal-2009”) jispeċifikaw każijiet oħra fejn in-notifika tista’ issir mill-uffiċjal ġudizzjarju.
Barra minn dak li ntqal hawn fuq, f’każijiet speċifikati mil-liġi, in-notifika tista’ titwettaq minn entitajiet speċjali ta’ notifika, pereżempju permezz ta’ persunal tal-qorti (bħan-notifika ta’ taħrika għal proċessi ċivili f’każijiet urġenti).
6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, issir distinzjoni bejn komunikazzjoni elettronika obbligatorja u fakultattiva.
Skont l-Att CCXXII tal-2015 dwar ir-regoli ġenerali applikabbli għall-amministrazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji (Az elektronikus ügyintézés és a bizalmi szolgáltatások általános szabályairól szóló 2015. évi CCXXII. Törvény, bl-Ungeriż) (“Att CCXXII tal-2015”), dawk li huma legalment meħtieġa jużaw il-komunikazzjoni elettronika (eż. ir-rappreżentanti legali u l-kumpaniji) iridu jissottomettu r-rikorsi kollha lill-qorti b’mezzi elettroniċi biss, bil-mod previst fl-Att u d-digrieti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-qorti tinnotifikahom ukoll bid-dokumenti permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Il-partijiet fil-proċedimenti li mhumiex obbligati jużaw komunikazzjoni elettronika, jew ir-rappreżentanti tagħhom jekk ma jkunux ikklassifikati bħala rappreżentanti legali, jistgħu, bl-eċċezzjonijiet stipulati fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jippreżentaw id-dokumenti kollha b’mod elettroniku jekk jixtiequ, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att CCXXII tal-2015 u d-digrieti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Jekk parti jew ir-rappreżentant tiegħu jagħżel komunikazzjoni elettronika, il-qorti sservi d-dokumenti kollha tal-qorti b’mod elettroniku.
Fil-każ ta’ komunikazzjoni elettronika, jiġi żgurat kuntatt kontinwu mal-qorti permezz tas-sistema ta’ notifika elettronika. Parti li tagħżel komunikazzjoni elettronika tiġi infurmata dwar jekk is-sottomissjoni tagħha tikkonformax mar-rekwiżiti tal-IT.
Is-servizz ta’ konsenja sigura jiggarantixxi, fost affarijiet oħra, li jingħata avviż dwar ir-riċevuta tal-messaġġi, u dwar il-fatt li l-konsenja ma tkunx irnexxiet. Il-fornitur tas-servizz huwa meħtieġ li joħroġ ċertifikazzjoni immedjata lill-mittent, li għandha tintbagħat fl-indirizz elettroniku pprovdut, li tikkonferma l-informazzjoni relatata mal-avveniment ta’ notifika tad-dokument.
Għal dokumenti nnotifikati bl-użu ta’ servizzi ta’ konsenja siguri, jenħtieġ li jiġu permessi ħamest ijiem ta’ xogħol għar-riċevuta, sakemm mhux previst mod ieħor mil-leġiżlazzjoni. Jekk id-destinatarju ma jirċevix il-posta f’dak it-terminu iżda lanqas ma jirrifjuta l-konsenja, jintbagħat avviż ieħor fl-ewwel jum ta’ xogħol wara l-perjodu ta’ 5 ijiem ta’ xogħol.
Minn meta ġiet introdotta l-komunikazzjoni elettronika fil-liġi proċedurali, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili li jikkonċernaw il-preżunzjoni tan-notifika (fid-dettall hawn taħt) japplikaw mhux biss għall-konsenja bil-posta iżda għall-mezzi legali kollha għan-notifika ta’ dokumenti, inklużi l-mezzi elettroniċi.
F’każijiet urġenti, iċ-ċitazzjonijiet għal proċessi ċivili jistgħu jiġu kkonsenjati permezz tal-posta elettronika anki fin-nuqqas ta’ kuntatt elettroniku.
6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?
Il-metodi ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifiki ma japplikawx.
6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti
Ma ġiet speċifikata l-ebda kundizzjoni addizzjonali.
7 Notifika “alternattiva”
7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk il-post ta’ residenza tal-parti ma jkunx magħruf u d-dokument tal-qorti ma jistax jiġi nnotifikat lill-parti b’mezzi elettroniċi, jew jekk il-parti tirrisjedi fi stat li ma jipprovdix assistenza legali għan-notifika, jew jekk hemm ostakoli oħra li ma jistgħux jingħelbu li jipprekludu n-notifika, jew jekk il-liġi hekk tipprovdi, in-notifika trid issir permezz ta’ avviż pubbliku. Bħala regola ġenerali, il-qorti tista’ tordna notifika permezz ta’ avviż pubbliku fuq talba tal-parti kkonċernata, sakemm ikun hemm raġunijiet fondati għal dan.
In-notifika trid tintwera għal 15-il jum fuq is-sit web ċentrali tal-qrati, fuq l-avviżiera tal-qorti, u fuq l-avviżiera tas-sindku lokali jew tal-uffiċċju tal-kunsill fl-aħħar post ta’ residenza magħruf tal-parti. Jekk l-indirizz elettroniku tal-parti jkun disponibbli, l-avviż irid jintbagħat ukoll f’dak l-indirizz elettroniku.
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk ir-rikors li għandu jiġi nnotifikat mill-fornitur tas-servizz postali jew id-deċiżjoni sostantiva li tagħlaq il-proċedimenti ma jistgħux jiġu nnotifikati fl-indirizz mogħti minn destinatarju li d-domiċilju, il-post ta’ residenza jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu jkun fl-Ungerija, ħlief f’każijiet ta’ preżunzjoni ta’ notifika u f’każijiet fejn ir-raġuni għall-impossibbiltà tan-notifika hija l-mewt jew it-terminazzjoni tad-destinatarju, u l-impossibbiltà tan-notifika ma tkunx dovuta għal kawża taħt il-kontroll tal-qorti jew tal-fornitur tas-servizz postali li tista’ tiġi evitata, allura jrid ikun hemm tentattiv ta’ notifika tad-dokument skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Infurzar Ġudizzjarju relatati man-notifika mill-uffiċjali ġudizzjarji, fuq talba tal-parti li fl-interess tagħha għandha ssir in-notifika.
7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?
Fil-każ ta’ notifika permezz ta’ avviż pubbliku, bħala regola ġenerali, id-dokumenti jridu jitqiesu li jkunu ġew innotifikati fil-ħmistax-il jum minn meta l-avviż ikun deher fis-sit web ċentrali tal-qorti.
Fil-każ ta’ notifika minn uffiċjal ġudizzjarju, jekk in-notifika ma tkunx irnexxiet, id-dokument ma għandux jitqies li ġie nnotifikat.
7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?
Skont l-Att dwar is-Servizzi Postali, il-fornitur tas-servizz u d-destinatarju jistgħu jaqblu li l-oġġetti għad-destinatarju ma jiġux innotifikati fl-indirizz indikat fuq l-oġġett iżda f’indirizz ieħor. Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, il-fornitur tas-servizz postali jipprovdi informazzjoni dwar il-wasla ta’ dokumenti uffiċjali indirizzati lil kaxxa postali billi jħalli avviż fil-kaxxa anki jekk id-dokument uffiċjali jkun indirizzat lill-kaxxa postali iżda mhuwiex għal-lokatarju tal-kaxxa.
7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, id-dokumenti tal-qorti jridu jitqiesu bħala li jkunu notifikati fid-data tat-tentattiv tan-notifika jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċettahom.
8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)
8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?
Fil-każ ta’ notifika skont l-Artikolu 18 tar-Regolament, il-fornitur tas-servizz postali fl-Ungerija ma jkunx jaf li l-ittra riċevuta minn barra ’il pajjiż tkun dokument uffiċjali. Għalhekk, huwa ma japplikax ir-regoli partikolari applikabbli għan-notifika ta’ dokumenti uffiċjali iżda biss ir-regoli domestiċi ġenerali applikabbli għal ittri reġistrati (bil-konferma tar-riċevuta).
Skont id-Digriet Governattiv Nru 335/2012, jekk il-persuna fiżika li hija d-destinatarju tkun nieqsa mill-indirizz fil-mument tat-tentattiv ta’ notifika, l-oġġett irid jiġi kkonsenjat l-ewwel lir-rappreżentant awtorizzat tad-destinatarju preżenti f’dak l-indirizz.
Jekk fil-ħin tat-tentattiv ta’ konsenja kemm id-destinatarju kif ukoll ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jkunu assenti, skont id-dikjarazzjoni tar-riċevitur alternattiv, l-oġġett jista’ jiġi kkonsenjat lir-riċevitur alternattiv preżenti f’dak l-indirizz.
Il-qarib tad-destinatarju skont it-tifsira tal-Kodiċi Ċivili li jkollu mill-inqas 14-il sena, il-lokatur tal-proprjetà fl-indirizz mogħti jew dak li jipprovdi l-akkomodazzjoni lid-destinatarju, jekk dik il-persuna tkun persuna fiżika, jitqies bħala riċevitur alternattiv.
Bl-użu tas-servizz postali “Konsenja lid-destinatarju”, huwa possibbli li jiġi żgurat li l-posta ma tkunx tista’ tittieħed minn riċevitur alternattiv iżda biss mid-destinatarju jew mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu personalment.
8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?
Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor ma jkunx preżenti fl-indirizz fil-ħin tat-tentattiv ta’ notifika, il-fornitur tas-servizz iħalli avviż li jinforma lid-destinatarju li d-dokument huwa disponibbli għad-destinatarju fil-punt ta’ konsenja tal-fornitur tas-servizz. Id-dokument jista’ jinġabar f’dak l-indirizz mid-destinatarju, ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu jew riċevitur alternattiv li għandu l-post tar-residenza jew tal-permanenza tiegħu f’dak l-indirizz. Jekk id-destinatarju jew riċevitur awtorizzat ieħor ma jiġborx l-ittra sal-iskadenza indikata fl-avviż, il-fornitur ta' servizz jirritorna d-dokument bħala mhux ikkonsenjat.
8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?
Il-perjodu ta' disponibbiltà huwa stabbilit mill-fornitur tas-servizz postali. Fil-każ ta’ Magyar Posta Zrt., dan huwa ta’ 10 ijiem ta’ xogħol mit-tentattiv ta’ notifika. Għall-mezz ta’ komunikazzjoni, ara l-punt preċedenti.
9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?
Il-prova bil-miktub tan-notifika hija l-konferma tar-riċevuta, li tindika l-eżitu tan-notifika, jiġifieri r-riċevitur, l-istatus tar-riċevitur jekk dan ma jkunx id-destinatarju (eż. ir-rappreżentant awtorizzat), id-data tar-riċevuta jew, jekk il-konsenja ma ssirx, x’żamm il-konsenja milli ssir (eż. rifjut li jiġi rċevut, “ma nġabarx”). Il-fornitur tas-servizz jirritorna l-konferma tar-riċevuta lill-mittent. Ir-ritorn tal-konferma tar-riċevuta lill-mittent jista’, fil-każ ta’ kuntratt għal dak il-għan, isir b’mod diġitali. Il-prova tan-notifika tista’ tiġi pprovduta b’mezzi tekniċi oħra.
Skont l-Att CCXXII tal-2015, il-posta kkonsenjata skont id-dettalji ta’ kuntatt uffiċjali (id-dettalji ta’ kuntatt elettroniċi meħtieġa li jiġu nnotifikati mill-kumpanija u possibbilment ipprovduti minn persuna fiżika) titqies li ġiet innotifikata
(a) fiż-żmien indikat fuq iċ-ċertifikat, jekk il-fornitur tas-servizz li jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt uffiċjali jikkonferma li l-oġġett ġie riċevut mill-klijent;
(b) fid-data indikata fuq iċ-ċertifikat ta’ rifjut, jekk il-fornitur tas-servizz li jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt uffiċjali jikkonferma li d-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta l-oġġett, jew
(c) fil-ħames jum tax-xogħol wara d-data tat-tieni notifika indikata fuq iċ-ċertifikat, jekk il-fornitur tas-servizz li jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt uffiċjali jikkonferma li d-destinatarju ma jkunx irċieva l-oġġett minkejja żewġ notifiki.
Fil-każ ta’ dettalji ta’ kuntatt elettroniċi li ma jkunux dettalji ta’ kuntatt uffiċjali, huwa legalment possibbli li jiġi ppruvat li n-notifika saret, u ma teżisti l-ebda preżunzjoni ta’ notifika għal tali notifika.
Fil-kuntest ta’ komunikazzjoni elettronika sigura użata minn korpi li jipprovdu amministrazzjoni elettronika u korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku maħtura mill-Gvern, oġġett jitqies li ġie nnotifikat
(a) fil-każ ta’ notifika skont id-dettalji ta’ kuntatt għal komunikazzjoni elettronika sigura ppubblikata, fil-jum tax-xogħol wara li tintbagħat;
(b) fiż-żmien tat-trasferiment b’suċċess ta’ dokumenti ċċertifikati mill-fornitur tas-servizz, fil-każ ta’ trasferiment ta’ dokumenti bejn sistemi ta’ ġestjoni tad-dokumenti, jew
(c) fiż-żmien speċifikat fil-politika jew fil-ftehim dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni, meta tintuża sistema awtomatika ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni li tiżgura li l-informazzjoni pprovduta tista’ tiġi stabbilita ex post, jew billi jiġu rreġistrati l-bidliet jew b’mod ieħor.
Kopja stampata prodotta lokalment fil-punt ta’ kuntatt elettroniku titqies li ġiet innotifikata hekk kif tiġi prodotta.
10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?
Skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, jekk il-preżunzjoni tan-notifika tkun ġiet stabbilita (jiġifieri d-destinatarju rrifjuta li jirċievi d-dokument jew ma aċċettahx minkejja żewġ tentattivi ta’ notifika), id-destinatarju jista’ jippreżenta oġġezzjoni lill-qorti b’ġuriżdizzjoni fuq in-notifika, għar-raġunijiet stabbiliti hawn taħt. Il-qorti tinnotifika lid-destinatarju bil-preżunzjoni tan-notifika fi żmien 8 ijiem tax-xogħol mid-dħul fis-seħħ tal-istabbiliment tagħha jew, jekk il-qorti jkollha konjizzjoni tagħha biss aktar tard, fi żmien 3 ijiem tax-xogħol mid-data li fiha l-qorti jkollha konjizzjoni tagħha, jew, fil-każ ta’ komunikazzjoni stampata, permezz ta’ posta sempliċi. Fin-notifika, il-qorti tinforma lid-destinatarju dwar ir-regoli li jirregolaw l-oġġezzjonijiet għall-preżunzjoni tan-notifika u, fil-każ ta’ rikors, dwar l-effett legali ta’ rikors.
Bħala regola ġenerali, l-ebda oġġezzjoni ma tista’ tiġi ppreżentata aktar minn 3 xhur wara d-data meta l-preżunzjoni ta’ notifika ssir effettiva jew wara d-data tan-notifika. Jekk in-notifika jew il-preżunzjoni tan-notifika tikkonċerna att promotur, l-oġġezzjoni tista’ tiġi ppreżentata waqt li l-proċedimenti jkunu għaddejjin, fi żmien 15-il jum mill-konjizzjoni dwar in-notifika jew mill-preżunzjoni tan-notifika tad-dokument.
L-oġġezzjoni tintlaqa’ jekk id-destinatarju ma kienx f’pożizzjoni li jirċievi d-dokument ġudizzjarju minħabba li (a) in-notifika saret bi ksur tar-regoli li jirregolaw in-notifika ta’ dokumenti uffiċjali jew ma kinitx legali għal raġuni oħra, jew
(b) id-destinatarju ma setax jirċievi d-dokument għal raġuni oħra mhux imsemmija fil-punt (a) mingħajr ebda ħtija min-naħa tiegħu.
L-oġġezzjoni kontra l-preżunzjoni ta’ notifika għal raġunijiet koperti taħt il-punt (b) tista’ titqajjem minn persuni fiżiċi biss.
Jekk il-qorti taċċetta l-oġġezzjoni, il-konsegwenzi ġuridiċi konnessi man-notifika isiru nulli u n-notifiki u l-miżuri u l-azzjonijiet proċedurali diġà meħuda jridu jiġu ripetuti kif meħtieġ.
Tista’ titqajjem ukoll oġġezzjoni fil-kors ta’ proċedimenti ta’ eżekuzzjoni. Fil-każ li d-deċiżjoni kkunsidrata bħala li ġiet innotifikata ssir finali, id-destinatarju jista’ - abbażi tar-raġunijiet diġà deskritti - jissottometti oġġezzjoni lill-qorti li tkun ħarġet id-deċiżjoni fl-ewwel istanza matul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni, fi żmien ħmistax-il jum mill-konjizzjoni dwar il-proċedimenti għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni
Bħala regola ġenerali, il-qorti tista’ tordna notifika permezz ta’ avviż pubbliku fuq talba tal-parti kkonċernata, sakemm ikun hemm raġunijiet fondati għal dan. Jekk il-fatti ppreżentati fir-rikors għan-notifika permezz ta’ avviż pubbliku jirriżultaw li huma foloz u l-parti rikorrenti kienet konxja jew kellha raġunijiet raġonevoli biex tkun taf dwar dan, il-parti trid tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż imġarrba b’rabta man-notifika permezz ta’ avviż pubbliku, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti, u l-qorti timponi wkoll multa.
Sentenza finali tista’ tkun suġġetta għal rieżami fejn l-att promotur jew dokument ieħor kien innotifikat lill-parti permezz ta’ avviż pubbliku bi ksur tar-regoli applikabbli għal tali notifika.
11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?
Ma hemm l-ebda rimedju speċifiku disponibbli.
12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor
It-tariffi tal-qorti jinkludu wkoll l-ispejjeż tan-notifika ta’ dokumenti. Għalhekk, il-parti ma jkollhiex tħallas l-ispejjeż tan-notifika fil-proċedimenti tal-qorti. L-unika eċċezzjoni hija n-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju skont l-Att LIII tal-1994, fejn il-persuna li titlob l-eżekuzzjoni trid tħallas l-ispejjeż relatati bil-quddiem. Kif stabbilit bil-liġi, l-uffiċjal ġudizzjarju huwa intitolat għal tariffa ta’ darba ta’ HUF 6 000 u somma f’daqqa ta’ HUF 1 500 biex ikopri l-ispejjeż, irrispettivament mill-għadd ta’ tentattivi ta’ notifika.
Jekk il-proċedimenti ta' eżekuzzjoni jinbdew abbażi tad-dokument li jrid jiġi nnotifikat, l-ispejjeż jitħallsu mid-debitur. L-ispejjeż relatati man-notifika permezz ta’ avviż pubbliku jridu jitħallsu bil-quddiem mill-persuna li tkun qed titlob notifika b’dan il-mod.
Ir-regoli dwar it-tariffi tan-notifiki ma jagħmlux distinzjoni fir-rigward ta’ talbiet minn Stat Membru ieħor.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.