Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

In-“notifika” (izsniegšana) ta’ dokument ġudizzjarju tfisser il-kunsinna fil-ħin tad-dokument lil riċevitur sabiex ir-riċevitur ikun jista’ jeżerċita u jiddefendi d-drittijiet tiegħu. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Civilprocesa likums) tipprevedi bosta tipi differenti ta’ notifika, inklużi l-ittra reġistrata, il-posta elettronika, in-notifika permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju (tiesu izpildītājs), u n-notifika permezz ta’ messaġġier (ziņnesis). Dokument ġudizzjarju jitqies li ġie nnotifikat meta jiġi nnotifikat f’konformità mar-rekwiżiti formali stipulati mil-leġiżlazzjoni u n-notifika tiġi rreġistrata fil-formola stabbilita għal dak il-għan.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Id-dokumenti ġudizzjarji fformulati f’konformità mal-Artikolu 56(2) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili: sentenzi, deċiżjonijiet, notifiki, taħrikiet, rikorsi ppreżentati għal tipi ta’ proċedimenti speċifiċi, appelli ordinarji, appelli fil-kassazzjoni, kopji veri ta’ sottomissjonijiet bil-miktub, u d-dokumenti kollha mfassla u ppreżentati lill-Qorti mill-partijiet fil-kawża iżda sussegwentement innotifikati lil partijiet oħra mill-qorti nnifisha.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Dokument minn pajjiż ieħor jiġi nnotifikat fil-Latvja minn uffiċjal ġudizzjarju.

Il-korp ċentrali huwa l-Kunsill tal-Uffiċjali Ġudizzjarji ġuramentati tal-Latvja (Zvērinātu tiesu izpildītāju padome).

Indirizz: Lāčplēša iela 27-32, Rīga, LV-1011, il-Latvja

Telefown: +371 67290005, faks: +371 62302503

Email: documents@lzti.lv

Aktar dettalji fuq: https://www.lzti.lv/service-foreign-documents/

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

Il-Latvja għażlet il-mekkaniżmu msemmi fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament, jiġifieri tipprovdi informazzjoni dettaljata permezz tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika dwar kif jinstabu l-indirizzi tal-persuni li għandhom jiġu nnotifikati.

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-awtoritajiet kompetenti Latvjani ma jitolbux informazzjoni dwar indirizzi. L-awtoritajiet Latvjani ma jissottomettux talbiet, fuq inizjattiva tagħhom stess għal informazzjoni dwar indirizzi lir-reġistru ta’ persuni fiżiċi f’każijiet meta l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika jkun żbaljat.

L-awtorità li tagħmel is-sottomissjoni jew il-parti rikjedenti hi responsabbli biex issib l-indirizz tad-destinatarju.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

1. Sabiex jinstab l-indirizz ta’ persuna fiżika, tista’ ssir talba uffiċjali lill-Uffiċċju għaċ-Ċittadinanza u l-Migrazzjoni fil-Ministeru tal-Intern, li jżomm reġistru tal-persuni fiżiċi. Talba għall-ħruġ ta’ estratt mir-reġistru tal-persuni fiżiċi (par izziņas sniegšanu no Fizisko personu reģistra) għandha tindika għalfejn hija meħtieġa d-data, sabiex il-kontrolluri tad-data jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk hemmx raġunijiet xierqa biex jagħtu tali informazzjoni.

2. L-indirizz ta’ kumpanija jista’ jinkiseb mingħajr ħlas billi tiġi kkonsultata l-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tal-Kumpaniji. L-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali jiġu ppubblikati mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-informazzjoni u, b’hekk, tiġi żgurata d-disponibbiltà inizjali tagħhom għall-pubbliku online.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Il-Kunsill Latvjan tal-Uffiċjali Ġudizzjarji Ġuramentati ma jitlobx informazzjoni dwar l-indirizzi (jiġifieri tiftix ta’ intimati).

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

Id-dokument jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju, li jmur għand id-destinatarju.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Id-dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu b’mod elettroniku, permezz tal-posta regolari jew permezz ta’ messaġġier. Id-dokumenti ġudizzjarji jintbagħtu b’mod elettroniku, fl-ordni li ġejja:

1) online, meta d-destinatarju jkun informa lill-qorti li jaqbel li l-komunikazzjonijiet mal-qorti jsiru online;

2) fl-indirizz tal-posta elettronika indikat mid-destinatarju, meta d-destinatarju jkun informa lill-qorti li jaqbel li l-komunikazzjonijiet mal-qorti jsiru bil-posta elettronika;

3) lill-indirizz elettroniku uffiċjali tad-destinatarju.

Meta t-trażmissjoni elettronika tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuna fiżika skont din il-proċedura ma tkunx possibbli, dawn jintbagħtu fil-post ta’ residenza ddikjarat mill-persuna fiżika u, meta jiġi indikat indirizz addizzjonali fid-dikjarazzjoni, f’dak l-indirizz addizzjonali, sakemm il-persuna fiżika ma tkunx tat indirizz ieħor għall-komunikazzjonijiet mal-qorti.

Jekk l-intimat ma jkollux post ta’ residenza ddikjarat u ma jkunx ipprovda indirizz ieħor għall-komunikazzjonijiet mal-qorti, id-dokumenti tal-qorti għandhom jiġu nnotifikati fl-indirizz tal-intimat kif indikat minn parti fil-proċedimenti, fejn ikun magħruf. Id-dokumenti ġudizzjarji jistgħu jintbagħtu wkoll fuq il-post tax-xogħol ta’ persuna.

Meta t-trażmissjoni elettronika tad-dokumenti ġudizzjarji lil persuna ġuridika skont din il-proċedura ma tkunx possibbli, dawn għandhom jintbagħtu lill-uffiċċju reġistrat tagħha.

Id-dokumenti ġudizzjarji kkonsenjati minn messaġġier jew minn parti fil-proċedimenti għandhom jiġu nnotifikati lid-destinatarju personalment u ffirmati minnu.

Għal ċerti dokumenti ġudizzjarji, il-liġi tista’ tipprevedi li jintbagħtu permezz tal-posta reġistrata jew mezzi oħra ta’ konsenja jew notifika.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

Iż-żewġ forom ta’ notifika msemmija fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament, jiġifieri t-trażmissjoni elettronika tad-dokumenti ġudizzjarji, huma disponibbli fl-ordni li ġejja:

1) online, meta d-destinatarju jkun informa lill-qorti li jaqbel li l-komunikazzjonijiet mal-qorti jsiru online;

2) fl-indirizz tal-posta elettronika indikat mid-destinatarju, meta d-destinatarju jkun informa lill-qorti li jaqbel li l-komunikazzjonijiet mal-qorti jsiru bil-posta elettronika;

3) lill-indirizz elettroniku uffiċjali tad-destinatarju.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Ma ġiet stabbilita l-ebda kundizzjoni oħra.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

F’konformità mal-Artikolu 56(8) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, meta l-persuna li tkun qed tikkonsenja d-dokumenti legali ma tiltaqax mad-destinatarju personalment, hija għandha tinnotifika d-dokumenti lil kwalunkwe membru tal-familja adult li jgħix ma’ dik il-persuna. Meta l-persuna li tikkonsenja d-dokumenti ma tiltaqax mad-destinatarju personalment fuq il-post tax-xogħol tiegħu, hija għandha tħalli d-dokumenti mal-amministrazzjoni biex din tgħaddihom lid-destinatarju. Fil-każijiet imsemmija hawn fuq, il-persuna li tirċievi l-konsenja tad-dokumenti trid tindika isimha u kunjomha, il-ħin u d-data tan-notifika, u kif tiġi mid-destinatarju jew il-kariga tagħha, u trid tgħaddi d-dokumenti lid-destinatarju mingħajr dewmien.

L-Artikolu 59 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Ċitazzjoni tal-Qorti ppubblikata

(1) Meta l-indirizz tal-intimat ma setax jiġi aċċertat b’mod konformi mal-Artikolu 54.1 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jew meta d-dokumenti setgħu jintbagħtu fl-indirizz li ġie indikat mill-parti fil-proċedimenti skont l-Artikolu 54.1(1) ta’ din il-Liġi, jew meta d-dokumenti ma setgħux jintbagħtu skont l-Artikolu 56.2 ta’ din il-Liġi, l-intimat jista’ jiġi mħarrek il-qorti permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali [Latvijas Vēstnesis].

(2) Irrispettivament mill-avviż tat-taħrika fil-Gazzetta Uffiċjali, ir-rikorrenti għandhom dritt jippubblikaw it-taħrika f’gazzetti oħra bi spejjeż tagħhom.

(3) It-test tat-taħrika ppubblikat f’gazzetta jrid jkun jaqbel mal-kontenut tat-taħrika.

(4) Qorti tista’ teżamina kawża fl-assenza tal-intimat sakemm ikun għadda mill-inqas xahar mid-data tal-pubblikazzjoni tat-taħrika fil-Gazzetta Uffiċjali.

(5) Minbarra li l-intimat jiġi mħarrek permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Gazzetta Uffiċjali, it-taħrika għandha tiġi nnotifikata wkoll fil-post fejn l-intimat ikollu propjetà immobbli, meta r-rikorrent ikun indika dan.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

L-Artikolu 56.1 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili Data tal-konsenja u n-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji

(1) Meta d-dokumenti ġudizzjarji jkunu ġew ikkonsenjati skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 56 ta’ din il-Liġi, minbarra fil-każ imsemmi fil-paragrafu (9) tagħha, persuna għandha titqies li ġiet innotifikata bil-ħin u l-post tas-seduta tal-qorti jew tal-azzjoni proċedurali, jew il-kontenut tad-dokument rilevanti, u d-dokumenti ġudizzjarji għandhom jitqiesu li ġew innotifikati:

1) fid-data meta d-destinatarju jew persuna oħra rċeviethom skont l-Artikolu 56(3), (7) jew (8) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili;

2) fid-data meta l-persuna rilevanti rrifjutat li tirċevihom (l-Artikolu 57 tal-Liġi);

3) meta d-dokumenti jkunu ntbagħtu bil-posta, fis-seba’ jum mid-data meta ntbagħtu;

4) meta d-dokumenti jkunu ntbagħtu bil-posta elettronika, fit-tielet jum mid-data meta ntbagħtu.

(2) Il-fatt li d-dokumenti ġudizzjarji jkunu ġew ikkonsenjati fl-indirizz residenzjali ddikjarat ta’ persuna fiżika, fl-indirizz addizzjonali indikat fid-dikjarazzjoni, fl-indirizz indikat mill-persuna fiżika għall-korrispondenza mal-qorti jew fl-uffiċċju reġistrat ta’ persuna ġuridika, u l-fatt li l-uffiċċju postali jirċievi l-avviż tan-notifika jew li d-dokumenti jiġu rritornati, minnu nnifsu ma jaffettwax il-fatt li d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. Id-destinatarju jista’ jirrifjuta l-preżunzjoni li d-dokumenti ġew innotifikati fis-seba’ jum mill-jum meta ntbagħtu jekk intbagħtu bil-posta jew fit-tielet jum mill-jum meta ntbagħtu jekk intbagħtu b’mod elettroniku billi jispjega ċ-ċirkostanzi oġġettivi barra mill-kontroll tiegħu li ma ħallewhx jirċievi d-dokumenti fl-indirizz indikat.

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Meta dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat b’depożitu f’uffiċċju postali, irid jitħalla jew jintbagħat avviż bil-miktub għal dan il-għan fl-indirizz tar-riċevitur. Meta dan ma jkunx possibbli, għandha ssir l-affissjoni tal-avviż mal-bieb tad-dar tar-riċevitur, tal-post tan-negozju jew tal-post ta’ residenza, jew jiġi nnotifikat lil persuna li tgħix viċin li tgħaddih aktar tard lir-riċevitur. . L-avviż irid jindika b’mod ċar li d-dokument iddepożitat intbagħat mill-qorti.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

L-Artikolu 57 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Il-konsegwenzi tar-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji

(1) Meta destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokumenti ġudizzjarji, il-persuna li tikkonsenja d-dokumenti għandha tieħu nota tad-dokument kif xieraq, u tispeċifika r-raġunijiet għar-rifjut, id-data u l-ħin.

(2) Ir-rifjut ta’ dokumenti ġudizzjarji ma għandux jikkostitwixxi xkiel għas-smigħ ta’ kawża.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Meta jkun indikat speċifikament, in-notifika ta’ dokument tista’ ssir fil-bini tal-qrati, bid-destinatarju jiġi mħarrek biex jidher hemm.

Dokument jista’ jiġi nnotifikat bil-posta jekk jintbagħat bil-posta reġistrata. Il-konsenja għandha tiġi nnotifikata fl-uffiċċju postali jew mill-persunal tal-konsenja postali, u l-persuna indikata bħala d-destinatarja tad-dokument innotifikat, jew ir-rappreżentant awtorizzat tagħha, irid jiffirma li rċevih; trid tintwera wkoll prova tal-identità u tal-prokura. Il-parti li tuża dan is-servizz postali tista’ tindika wkoll li l-oġġett għandu jiġi nnotifikat biss personalment lill-individwu speċifikat.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Jekk in-notifika bil-posta reġistrata ma tirnexxix, ma hemmx mod ieħor kif id-dokument jista’ jiġi nnotifikat bil-posta.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Id-destinatarju ta’ dokument mibgħut bil-posta reġistrata għandu jiġi infurmat permezz ta’ nota mibgħuta fl-indirizz tad-dar tiegħu.

Dment li l-operatur postali jipprevedi l-possibbiltà li jinfurmah bir-riċevuta tal-posta b’ċerti mezzi elettroniċi, id-destinatarju għandu jkun intitolat li jitlob, skont il-proċeduri stabbiliti mill-operatur postali, li dan jinforma lid-destinatarju dwar ir-riċevuta tal-oġġett postali b’mezzi elettroniċi xierqa. F’każ bħal dan, l-avviż bil-miktub ta’ riċevuta f’forma stampata ma għandux għalfejn jiġi kkonsenjat lid-destinatarju.

Id-dokument għandu jinżamm fl-uffiċċju postali għal 30 ġurnata mid-data tar-riċevuta. Id-destinatarju għandu jiġi mistieden jiġbor l-oġġett mill-uffiċċju postali għal mill-inqas darbtejn.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Meta dokument ġudizzjarju jiġi nnotifikat bil-posta, għandha tittieħed nota fl-atti li tindika fejn u meta saret in-notifika tad-dokument, u ssir ukoll nota dwar dan fuq l-oġġett postali.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Il-qorti għandha tikkuntattja l-pajjiż barrani kkonċernat, jew direttament jew permezz ta’ awtorità ċentrali intermedjarja, u titolbu jagħmel talba ġdida għan-notifika tad-dokumenti abbażi tar-rikors tad-destinatarju.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Il-qorti għandha teżamina r-rifjut tal-intimat li jaċċetta d-dokument u tiddeċiedi dwar il-merti tar-rikors, filwaqt li tistabbilixxi r-raġunijiet tagħha f’deċiżjoni li d-destinatarju jista’ jappella minnha skont il-proċedura ġenerali ta’ appell.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Fil-Latvja, id-dokumenti jiġu nnotifikati f’konformità mal-Artikolu 15(2)(a) tar-Regolament, u għal dan trid titħallas tariffa ta’ EUR 133.33 (inkluża l-VAT) għal kull talba ta’ notifika ta’ dokument. Il-ħlas irid isir permezz ta’ trasferiment bankarju u kwalunkwe kummissjoni tal-bank titħallas mill-persuna li tħallas ir-rata fissa għan-notifika ta’ dokument.

Dettalji tal-kont tal-bank:

Nru ta’ Reġistrazzjoni: 90001497619

Uffiċċju Reġistrat: Lāčplēša iela 27-32, Riga, LV-1011, Latvja

Bank: Swedbank AS

Nru tal-Kont: LV93HABA0551038096742

Kodiċi SWIFT: HABALV22

Għan tal-ħlas: Id-dettalji tad-destinatarju

L-aħħar aġġornament: 05/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.