Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Lussemburgu
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

It-trażmissjoni tad-dokumenti, il-proċedura li permezz tagħha dokument ġudizzjarju jinġieb għall-konoxxenza tad-destinatarju, hija rregolata minn żewġ settijiet separati ta’ regoli fil-Lussemburgu, li l-ewwel wieħed minnhom jinkludi żewġ subsettijiet.

L-ewwel subsett huwa n-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju (signification).

In-notifika sħiħa u kompluta mill-uffiċjal ġudizzjarju tikkostitwixxi l-proċedura ordinarja. Din titwettaq minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice), li jikkunsinna d-dokument personalment lid-destinatarju, wara li jivverifika l-indirizz tad-dar tiegħu, ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu. Din il-proċedura toffri grad ogħla ta’ ċertezza. Din tapplika għat-trażmissjoni ta’ diversi dokumenti promoturi fil-prim’istanza (actes introductifs en première instance) u għall-avviżi kollha ta’ appell (actes d’appel). Din tapplika wkoll, bħala regola ġenerali, għat-trażmissjoni tas-sentenzi tal-qorti, li timmarka l-bidu tal-perjodu tat-terminu disponibbli għall-appell u bil-għan li jiġu eżegwiti.

Għal ċerti proċedimenti quddiem il-Justices de Paix, tintuża forma attenwata ta’ notifika biex jiġi trażmess id-dokument promotur: l-uffiċjal ġudizzjarju jivverifika l-indirizz tad-dar, ir-residenza jew l-uffiċċju rreġistrat tad-destinatarju u jibgħat id-dokument b’ittra rreġistrata bil-konferma tar-riċevuta.

In-notifika bil-posta (notification) ma tinvolvix uffiċjal ġudizzjarju. Għalhekk toffri grad anqas ta’ ċertezza min-notifika permezz ta’ uffiċjal ġudizzjarju. Ir-reġistru tal-qorti (greffe du tribunal) jibgħat id-dokument (id-dokument promotur jew kopja tas-sentenza) permezz ta’ ittra reġistrata b’formola għall-konferma tar-riċevuta. Din il-proċedura hija applikabbli l-aktar fil-prim’istanza f’materji tal-liġi dwar il-kirjiet (bail à loyer) u tal-liġi dwar l-impjieg (droit du travail). In-notifika tas-sentenzi bil-posta timmarka wkoll il-bidu tat-terminu disponibbli għall-appell.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Il-parti l-kbira tad-dokumenti proċedurali għandhom jiġu nnotifikati qabel ma jkunu jistgħu jingħataw lill-imħallef.

Il-liġi tirrikjedi b’mod partikolari n-notifika ta’ dokumenti promoturi li jħarrku lill-intimat sabiex jidher quddiem imħallef personalment jew permezz ta’ avukat.

Is-sentenzi wkoll iridu jiġu nnotifikati sabiex jakkwistaw is-saħħa ta’ res judicata mal-iskadenza tat-termini għall-appell.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tinvolvi li l-uffiċjal ġudizzjarju jwettaq notifika sħiħa u kompluta, jew notifika attenwata (signification atténuée) biss, billi jibgħat ittra rreġistrata b’formola għall-konferma tar-riċevuta.

In-notifika bil-posta tinvolvi li r-reġistru tal-qorti indirizzata jibgħat id-dokument permezz ta’ ittra rreġistrata b’formola għall-konferma tar-riċevuta.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-uffiċjali ġudizzjarji, bħala l-awtorità rikjesta, huma meħtieġa bil-liġi li jinnotifikaw lid-destinatarju personalment jew fl-indirizz tad-dar ta’ dan tal-aħħar, jew fl-uffiċċju rreġistrat tad-destinatarju. L-uffiċjali ġudizzjarji jissottomettu talbiet għal informazzjoni dwar l-indirizzi ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi lill-bażijiet tad-data li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, fuq inizjattiva tagħhom stess, qabel ma jibagħtu kwalunkwe dokument lid-destinatarju. Jekk ikun hemm indirizz uffiċjali ġdid fit-territorju tal-ġuriżdizzjoni ġeografika tal-uffiċjal ġudizzjarju, l-uffiċjal ġudizzjarju jinnotifika d-dokument lil dan l-indirizz il-ġdid.

Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom, l-uffiċjali ġudizzjarji huma awtorizzati li jkollhom aċċess għall-informazzjoni segwenti:

  • Persuni fiżiċi:
    • Isem sħiħ
    • Indirizz tad-dar
    • Data tat-twelid

Din l-informazzjoni tista’ tinstab fir-reġistru tal-persuni fiżiċi (registre des personnes physiques). L-uffiċjali ġudizzjarji għandhom aċċess għal dan ir-reġistru għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

  • Kumpaniji:
    • Isem
    • Isem kummerċjali
    • Uffiċċju reġistrat
    • In-numru fir-reġistru tal-kummerċ:

Fir-rigward tal-kumpaniji reġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji, din l-informazzjoni hija disponibbli għall-pubbliku u hija għalhekk aċċessibbli b’mod liberu.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u/jew partijiet fi proċeduri ġudizzjarji barranin ma għandhomx aċċess għar-reġistru tal-persuni fiżiċi sabiex jiskopru l-indirizz ta’ persuna fiżika.

Fir-rigward tal-kumpaniji rreġistrati fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji, l-informazzjoni bażika (l-uffiċċju reġistrat, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistru tal-kummerċ) hija disponibbli għall-pubbliku bla ħlas. L-aċċess għal informazzjoni aktar dettaljata huwa soġġett għal tariffa.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

F’konformità mal-Artikolu 7, il-Lussemburgu jipprovdi l-assistenza msemmija fl-Artikolu 7(1)(a) biex jinstab l-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument ġudizzjarju jew ekstraġudizzjarju.

L-awtoritajiet nominati li lilhom l-aġenziji trażmettituri jistgħu jindirizzaw talbiet dwar id-determinazzjoni tal-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata huma l-uffiċjali ġudizzjarji.

Tista’ ssib uffiċjal ġudizzjarju u l-ġuriżdizzjoni ġeografika tiegħu fuq dan is-sit web:

Chambre des huissiers de justice de Luxembourg

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

  • Sommarju tal-proċedura ta’ notifika bil-posta

Jekk il-pustier isib lid-destinatarju fl-indirizz, huwa jitlob lid-destinatarju biex jiffirma l-konferma tar-riċevuta, li mbagħad tintbagħat lura lill-mittent. Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jiffirma l-konferma tar-riċevuta, il-pustier jirreġistra dan ir-rifjut u d-dokument jitqies li ġie nnotifikat. Din tissejjaħ notifika personali bil-posta.

Jekk id-destinatarju ma jistax jinsab, iżda persuna oħra fl-indirizz tad-dar, fir-residenza jew fl-uffiċċju reġistrat taċċetta l-ittra rreġistrata, il-pustier iniżżel l-identità ta’ din il-persuna fuq il-konferma tar-riċevuta. In-notifika bil-posta lil parti terza titqies bħala ekwivalenti għal notifika bil-posta fl-indirizz tad-dar.

Jekk ħadd ma jista’ jinstab fl-indirizz, iżda dan ikun korrett, il-pustier iħalli avviż fil-kaxxa postali li jistieden lid-destinatarju sabiex jiġbor l-ittra mill-uffiċċju tal-posta f’terminu speċifikat fl-avviż. Id-dokument imbagħad jitqies li ġie nnotifikat, anke jekk id-destinatarju ma jmurx fl-uffiċċju tal-posta. Din ukoll tissejjaħ notifika bil-posta fl-indirizz tad-dar.

Jekk l-indirizz ma jistax jinstab, il-pustier jirritorna l-ittra lill-mittent u jirrapporta li d-dokument ma ġiex innotifikat. F’dan il-każ, ir-rikorrent irid jipprovdi indirizz ġdid. Jekk id-destinatarju ma jkollux indirizz magħruf, ir-rikorrent jista’ jirrinunzja għan-notifika bil-posta u jitlob lil uffiċjal ġudizzjarju biex jagħmel din in-notifika, jekk meħtieġ b’rekord tat-tfittxija.

Din il-proċedura għan-notifika ta’ dokumenti tapplika biss jekk id-destinatarju jkun residenti fil-Lussemburgu. Jekk id-destinatarju jkun residenti barra mill-pajjiż, id-dokument irid jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju.

  • Sommarju tal-proċedura għal notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tinvolvi li d-dokument jiġi nnotifikat lid-destinatarju personalment fi kwalunkwe post fejn isibu l-uffiċjal ġudizzjarju.

Normalment l-uffiċjal ġudizzjarju jmur fl-indirizz tad-dar tad-destinatarju. Madankollu, il-kunsinna tista’ ssir fi kwalunkwe post fejn l-uffiċjal ġudizzjarju jsib lid-destinatarju, pereżempju fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

Id-dokument jitqies li ġie nnotifikat personalment meta l-kopja tiġi kkunsinnata f’idejn id-destinatarju. F’każ ta’ persuna ġuridika, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat personalment meta l-kopja tiġi kkunsinnata lir-rappreżentat legali jew l-avukat tagħha, jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata għal dan l-iskop. F’każ ta’ notifika lil indirizz għan-notifika, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat personalment meta l-kopja tingħata lill-aġent.

Jekk l-aġent jaċċetta l-kopja, l-uffiċjal ġudizzjarju jirreġistra dan fl-avviż tan-notifika (exploit). F’dan il-każ, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fid-data meta ngħata lid-destinatarju.

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta l-kopja, l-uffiċjal ġudizzjarju jirreġistra dan fl-avviż tan-notifika. F’dan il-każ, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fid-data meta jkun ġie ppreżentat lid-destinatarju. Din tissejjaħ notifika personali mill-uffiċjal ġudizzjarju.

Jekk id-dokument ma jkunx jista’ jiġi nnotifikat personalment, l-uffiċjal ġudizzjarju jmur fl-indirizz tad-dar, fir-residenza jew fl-uffiċċju reġistrat tad-destinatarju. Il-kopja tingħata lil kwalunkwe persuna li tkun hemm, sakemm din il-persuna taċċetta d-dokument, tiddikjara kunjomha, isimha, il-kapaċità li fiha qiegħda taġixxi u l-indirizz tagħha u tagħti rċevuta. Din tiġi kkunsinnata f’envelopp issiġillat li juri biss il-kunjom, l-ismijiet, il-kapaċità u l-indirizz tad-destinatarju, bit-timbru tal-uffiċjal ġudizzjarju fuq is-siġill tal-envelopp. Il-kopja ma tistax tingħata lil minuri taħt l-età ta’ 15-il sena jew lill-persuna li tkun talbet in-notifika tad-dokument. L-uffiċjal ġudizzjarju jħalli fl-indirizz tad-dar, fir-residenza jew fl-uffiċċju reġistrat, f’envelopp issiġillat, avviż datat fejn jiġi ddikjarat li l-kopja ġiet ikkunsinnata u fejn jingħataw id-dettalji tal-persuna li lilha tkun ingħatat il-kopja. F’dawn il-każijiet kollha, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fid-data tal-kunsinna tal-kopja. Din tissejjaħ notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju fl-indirizz tad-dar.

Fil-każijiet kollha, l-uffiċjal ġudizzjarju jħejji riferta tat-twettiq tal-formalitajiet, li tiġi mehmuża mad-dokument oriġinali. Kemm dan tal-aħħar kif ukoll ir-riferta mbagħad jintbagħtu lura lill-persuna li tkun bdiet in-notifika.

L-ebda metodu alternattiv ma jista’ jintuża minbarra n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

In-notifika elettronika tad-dokumenti ma hijiex awtorizzata mill-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili (Nouveau Code de Procédure Civile).

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

Mhux applikabbli.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Le.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju fl-indirizz tad-dar

Jekk d-dokument ma jistax jiġi nnotifikat lid-destinatarju personalment, il-kopja tiġi kkunsinnata fl-indirizz tad-dar ta’ dan tal-aħħar. Jekk id-destinatarju ma jkunx jgħix hemmhekk jew ma jkollux indirizz tad-dar, il-kopja tiġi kkunsinnata fir-residenza ewlenija tiegħu. F’każ ta’ persuna ġuridika, id-dokument jiġi nnotifikat fl-uffiċċju reġistrat jew fl-istabbiliment amministrattiv tagħha.

Il-kopja tingħata lil kwalunkwe persuna li tkun hemm, sakemm din il-persuna taċċetta d-dokument, tiddikjara kunjomha, isimha, il-kapaċità li fiha qiegħda taġixxi u l-indirizz tagħha u tagħti rċevuta. Din tiġi kkunsinnata f’envelopp issiġillat li juri biss il-kunjom, l-ismijiet, il-kapaċità u l-indirizz tad-destinatarju, bit-timbru tal-uffiċjal ġudizzjarju fuq is-siġill tal-envelopp.

Il-kopja ma tistax tingħata lil minuri taħt l-età ta’ 15-il sena jew lill-persuna li tkun talbet in-notifika tad-dokument.

L-uffiċjal ġudizzjarju jħalli, jew fl-indirizz tad-dar jew fir-residenza ewlenija tad-destinatarju jew fl-uffiċċju reġistrat jew l-istabbiliment amministrattiv tal-persuna ġuridika, f’envelopp issiġillat, avviż datat li jiddikjara li l-kopja ġiet ikkunsinnata u li jagħti d-dettalji tal-persuna li lilha tkun ingħatat il-kopja.

L-uffiċjal ġudizzjarju jehmeż ukoll kopja tad-dokument fuq karta mhux stampata. L-istess japplika fil-każ ta’ notifika f’indirizz għan-notifiki.

F’dawn il-każijiet kollha, id-dokument jitqies li ġie nnotifikat fid-data tal-kunsinna tal-kopja.

Skont l-Artikolu 161 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili: “Notifika f’indirizz tad-dar hija ddefinita bħala notifika fl-indirizz fejn ikun irreġistrat id-destinatarju fir-reġistru tal-popolazzjoni.

L-Artikolu 164 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili jispeċifika li: “Id-dokumenti għandhom jiġu nnotifikati:

1. lill-Istat, fl-uffiċċji tal-Prim Ministru;

2. lill-istituzzjonijiet pubbliċi, fl-uffiċċji tagħhom;

3. lill-muniċipalitajiet, fl-uffiċċji muniċipali;

4. lill-kumpaniji, assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u utilitajiet pubbliċi, jew fl-uffiċċju reġistrat tagħhom jew lill-maniġer tagħhom.”

Notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju li jiddepożita kopja tar-riferta

Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 155 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili jipprevedi: “Jekk id-dokument ma jistax jiġi nnotifikat kif stipulat hawn fuq u jkun jirriżulta mill-verifiki mwettqa, li għandhom jiġu nnotati fid-dokument mill-uffiċjal ġudizzjarju, li d-destinatarju jgħix fl-indirizz indikat, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jiddepożita hemmhekk kopja tad-dokument f’envelopp issiġillat, filwaqt li jehmeż ukoll avviż li jinforma lid-destinatarju li ħadd ma seta’ jinstab fl-indirizz indikat jew li l-persuni preżenti rrifjutaw li jaċċettaw il-kopja tad-dokument.

Id-dokument għandu jitqies li ġie nnotifikat fid-data ta’ dan id-depożitu. Fl-istess jum jew mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol segwenti, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jibgħat, bil-posta normali, kopja tad-dokument u l-avviż imsemmi hawn fuq lill-indirizz indikat fid-dokument.”

Notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju lil indirizz mhux magħruf

L-Artikolu 157 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili jipprevedi dan il-metodu ta’ notifika meta d-destinatarju ma jkollu l-ebda indirizz tad-dar jew residenza jew l-ebda uffiċċju rreġistrat, billi jiddikjara li: “Meta l-persuna li lilha jrid jiġi nnotifikat id-dokument ma jkollhiex indirizz tad-dar magħruf jew residenza magħrufa, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jħejji riferta li tispjega fid-dettall u bi preċiżjoni l-passi meħuda biex jinstab id-destinatarju. Ir-riferta għandha ssemmi n-natura tad-dokument u l-isem tar-rikjedent.

Fl-istess jum, jew mhux aktar tard mill-ewwel jum ta’ xogħol segwenti, l-uffiċjal ġudizzjarju għandu jibgħat kopja tad-dokument u kopja tar-riferta b’ittra rreġistrata b’formola għall-konferma tar-riċevuta lid-destinatarju lill-aħħar indirizz magħruf tad-destinatarju. L-istess formalità għandha titwettaq bil-posta normali fl-istess jum.

Il-kopja tar-riferta mibgħuta lid-destinatarju għandha tinforma lil dan tal-aħħar li huwa jista’ jikseb kopja tad-dokument fi żmien 3 xhur mill-uffiċċji tal-uffiċjal ġudizzjarju jew li jista’ jawtorizza għal dan il-għan lil kwalunkwe persuna tal-għażla tiegħu.”

Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 157 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili jgħid: “Id-dispożizzjonijiet preċedenti għandhom japplikaw għan-notifika ta’ dokument li tinvolvi lil persuna ġuridika li m’għadx għandha stabbiliment magħruf fil-post indikat bħala uffiċċju reġistrat fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji.”

Forom oħra ta’ notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju

Il-paragrafu 4 tal-Artikolu 157 jipprevedi, fost l-oħrajn, li: “Meta dokument promotur jew dokument ekwivalenti jkun ġie nnotifikat skont id-dispożizzjonijiet preċedenti u meta l-intimat ma jidhirx, l-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża jista’, fejn applikabbli, jordna l-pubblikazzjoni ta’ avviż f’gazzetta tal-Lussemburgu jew barranija.”

L-Artikolu 158 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili iżid li: “Jekk id-destinatarju tad-dokument ma jinstabx jew jekk ma jkunx hemm prova li huwa ġie effettivament informat, l-imħallef jista’ jordna, ex officio, kwalunkwe pass addizzjonali, ħlief għall-miżuri proviżorji u protettivi meħtieġa għall-ħarsien tad-drittijiet tar-rikorrent.”

L-Artikolu 81 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili jipprevedi wkoll li: “Intimat li jonqos milli jidher jista’, fuq inizjattiva tar-rikorrent jew b’deċiżjoni ta’ mħallef meħuda ex officio, jiġi mħarrek biex jidher mill-ġdid jekk id-dokument promotur ma jkunx ġie kkunsinnat personalment. Id-dokument promotur għandu jiġi riprodott abbażi tal-ewwel dokument promotur, ħlief skont ir-regoli speċifiċi għal ċerti ġuriżdizzjonijiet.”

Notifika permezz ta’ ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta

Meta d-dokument jinħareġ mir-reġistru tal-qorti, jiġi nnotifikat b’ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta.

Jekk id-destinatarju ma jkollu l-ebda indirizz magħruf, id-dokument jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Meta d-dokument jiġi nnotifikat personalment minn uffiċjal ġudizzjarju, l-avviż tan-notifika jrid jindika d-data tan-notifika, jiġifieri d-data meta l-avviż tan-notifika jiġi kkunsinnat lid-destinatarju jew lill-indirizz tad-dar tad-destinatarju, jew id-data meta d-dokument jiġi ddepożitat fl-indirizz tad-dar tad-destinatarju.

Meta d-dokument jiġi nnotifikat bil-posta, id-data meta l-ittra rreġistrata tiġi kkunsinnata fl-indirizz tad-dar, fir-residenza jew fl-uffiċċju reġistrat tad-destinatarju hija d-data tan-notifika.

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Fil-każijiet kollha, id-destinatarju jiġi infurmat mill-uffiċjal ġudizzjarju (notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju) jew mill-pustier (notifika bil-posta), li jħalli avviż ta’ nuqqas ta’ kunsinna.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Fil-każijiet kollha, id-destinatarju jista’ jirrifjuta li jaċċetta l-kunsinna tad-dokument. It-trażmissjoni hija madankollu valida u tkun effettiva mill-mument meta l-uffiċjal ġudizzjarju jew il-pustier iwettaq l-obbligi statutorji tiegħu, jiġifieri ladarba jħalli avviż ta’ nuqqas ta’ kunsinna.

Fil-każijiet kollha, id-destinatarju jista’ jikkontesta sussegwentement il-validità tat-trażmissjoni billi jipprova li la l-indirizz tad-dar tiegħu, la r-residenza tiegħu lanqas l-indirizz użat għal skopijiet ta’ notifiki ma huwa fl-indirizz indikat. Konsegwentement, in-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju toffri ċertezza legali akbar min-notifika b’ittra reġistrata b’konferma tar-riċevuta, minħabba li l-uffiċjal ġudizzjarju li jaġixxi jivverifika l-indirizz tad-destinatarju fir-reġistru tal-persuni fiżiċi jew fir-reġistru kummerċjali. Barra minn dan, id-data tan-notifika b’ittra reġistrata ma tistax tiġi pprovata b’ċertezza jekk id-destinatarju ma jkunx iddata u ffirma l-konferma tar-riċevuta mal-(ewwel) preżentazzjoni tal-ittra reġistrata tiegħu fl-indirizz tad-dar tiegħu, fir-residenza tiegħu jew fl-uffiċċju reġistrat. Kuntrarjament, id-data tan-notifika mill-uffiċjal ġudizzjarju hija dejjem indikata fuq l-avviż tan-notifika ifformulat mill-uffiċjal ġudizzjarju.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Fir-rigward tas-servizzi postali globali, l-Artikolu 6.3.9. tat-Termini u l-Kundizzjonijiet tan-Notifika (Conditions générales de fourniture des services offerts) jgħid li, “Il-kunsinni reġistrati jridu jiġu kkunsinnati lid-destinatarju fl-indirizz indikat jew, fl-assenza tad-destinatarju: lil kwalunkwe adult li jirċievi l-kunsinna fl-indirizz u li, bil-firma tiegħu, jitqies li ġie awtorizzat debitament mid-destinatarju u jimpenja ruħu li jieħu l-kunsinna f’isem u għan-nom tad-destinatarju; jew lil kwalunkwe adult li jippreżenta (i) nota ta’ kunsinna jew riċevuta relatata mal-punt ta’ ġbir fejn tkun qed tinħażen il-kunsinna u (ii) id-dokument tal-identità tiegħu.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

L-oġġetti bil-posta jiġu kkunsinnati fl-indirizz indikat, ħlief f’każ ta’ żball ovvju (eżempji: isem ta’ triq miktub ħażin, numru tar-residenza żbaljat, kodiċi postali ovvjament żbaljat, eċċ.).

Jekk id-destinatarju ma jistax jinsab fl-indirizz indikat, l-oġġett irreġistrat ma jiġix ikkunsinnat. Il-pustier iħalli avviż ta’ nuqqas ta’ kunsinna.

L-oġġetti bil-posta li ma setgħux jiġu ddepożitati fil-kaxxa postali tad-destinatarju jew li ma setgħux jingħataw lil persuna awtorizzata matul ir-ronda tal-pustier, jinżammu għad-destinatarju fl-uffiċċju postali lokali tiegħu għall-perjodu stabbilit mill-kumpanija postali u indikat fuq l-avviż tan-nuqqas ta’ kunsinna li tħalla fil-kaxxa postali tad-destinatarju. Ladarba dak il-perjodu jiskadi, l-oġġetti jintbagħtu lura lill-mittent, jekk ikun magħruf.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

L-oġġetti bil-posta li ma setgħux jiġu ddepożitati fil-kaxxa postali tad-destinatarju jew li ma setgħux jingħataw lil persuna awtorizzata matul ir-ronda tal-pustier, jinżammu għad-destinatarju fl-uffiċċju postali lokali tiegħu għall-perjodu stabbilit mill-kumpanija postali u indikat fuq l-avviż tan-nuqqas ta’ kunsinna li tħalla fil-kaxxa postali tad-destinatarju. Ladarba dak il-perjodu jiskadi, l-oġġetti jintbagħtu lura lill-mittent, jekk ikun magħruf.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Jekk id-dokument jiġi nnotifikat bil-posta, il-formola għall-konferma tar-riċevuta sservi bħala prova. Jekk id-dokument jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju, dan tal-aħħar iħejji rekord tal-passi meħuda. L-uffiċjal huwa uffiċjal ġudizzjarju, u r-rekord tiegħu huwa validu bħala prova sakemm ma tinġiebx prova ta’ falsifikazzjoni.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk jinkisru r-regoli proċedurali għan-notifika ta’ dokumenti, in-notifika tista’ tiġi ddikjarata invalida.

Madankollu, l-invalidità minħabba żball proċedurali tista’ tiġi ddikjarata biss jekk jiġi ppruvat li dan l-iżball affettwa b’mod avvers lid-destinatarju.

Huwa l-imħallef li jiddeċiedi dwar dan il-punt.

Meta dokument promotur ma setax jiġi nnotifikat lid-destinatarju personalment u d-destinatarju ma deherx, l-imħallef jista’ jistaqsi lir-rikorrent biex jerġa’ jagħmel notifika tad-dokument (l-Artikolu 81 tal-Kodiċi l-Ġdid tal-Proċedura Ċivili). Din il-formalità tippermetti li jitneħħa kwalunkwe dubju dwar ir-raġuni għaliex il-parti kkonċernata naqqset milli tidher.

Fi proċedimenti fejn il-partijiet normalment jitħarrku mir-reġistru tal-qorti, l-imħallef jista’ jitlob ukoll lir-rikorrent biex id-dokument jiġi nnotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju jekk ikun hemm xi dubji dwar il-validità tat-taħrika nnotifikata permezz ta’ ittra reġistrata.

Fl-aħħar nett, l-imħallef jista’ jagħti sentenza inter partes kontra parti li ma tkun naqset milli tidher biss jekk ikun ippruvat li din tal-aħħar ġiet innotifikata personalment. Jekk dan ma jkunx il-każ (eż. jekk it-taħrika ġiet ikkunsinnata lil persuna oħra fl-indirizz), is-sentenza tingħata b’kontumaċja u b’hekk tista’ tiġi respinta.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Le. Japplikaw il-mezzi ta’ appell tal-liġi ordinarja.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Iva. Meta d-dokument jiġi nnotifikat mill-uffiċjal ġudizzjarju f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-ispejjeż applikabbli huma stabbiliti fir-Regolament emendat tal-Gran Dukat (règlement grand-ducal modifié) tal-24 ta’ Jannar 1991 li jistabbilixxi r-rati għall-uffiċjali ġudizzjarji.

Meta t-talba għan-notifika toriġina minn Stat Membru ieħor, l-uffiċjal ġudizzjarju japplika r-rata stabbilita fir-regolament imsemmi hawn fuq, li bħalissa hija ta’ EUR 138.

Notifika mir-reġistru tal-qorti hija bla ħlas.

L-aħħar aġġornament: 23/11/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.