Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

In-notifika ta' dokumenti tfisser il-konsenja ta' dokumenti ġudizzjarji lil persuna ġuridika jew fiżika. Il-mod tan-notifika huwa rregolat b'mod speċifiku mill-Kodiċi ta' Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili (il-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta' Malta).

Regoli speċifiċi rigward in-notifika ta' dokumenti ddaħħlu fil-liġi nazzjonali biex tinħoloq proċedura standard ta' kif id-dokumenti jiġu nnotifikati u jkun żgurat li l-partijiet ikkonċernati kollha jirċievu d-dokumenti ġuridiċi relatati magħhom jew mal-kawża tagħhom. Barra minn hekk, dawn ir-regoli joħolqu ċertezza, għall-benefiċċju tal-qorti u l-partijiet, li d-dokumenti jkunu waslu għand id-destinatarju tagħhom.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Id-dokumenti kollha ppreżentati l-qorti jridu jiġu nnotifikati formalment. Dawn jinkludu ittri ġudizzjarji, protesti ġudizzjarji, rikorsi, ċitazzjonijiet, rikorsi tal-appell, risposti, mandati kawtelatorji u eżekuttivi, u ordnijiet mogħtija mill-Qrati.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Mal-preżentata ta’ dokument il-qorti, huma l-qorti u l-marixxalli tal-qorti li huma responsabbli għan-notifika tad-dokumenti. Il-parti li tippreżenta dokument fil-qorti trid tindika l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokument u l-indirizz għan-notifika. F'każ ta' iktar minn destinatarju wieħed, il-parti li tippreżenta d-dokument trid tiżgura li jkun hemm biżżejjed kopji għad-destinatarji kollha.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Le.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Iva, jeżistu.

L-indirizz irreġistrat ta’ persuna ġuridika jista’ jinstab billi wieħed ifittex fir-reġistru online fuq is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Malti fuq:

https://registry.mbr.mt/ROC/companySearch.do?action=companyDetails&_=1576703936233

Is-sistema online tippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika li tixtieq tikseb informazzjoni dwar kumpaniji, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet biex taċċessa r-Reġistru. L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tinkludi informazzjoni li hija mingħajr ħlas u għall-użu ġenerali (informazzjoni pubblika). Din tinkludi l-ismijiet tal-kumpaniji u n-numri tar-reġistrazzjoni, l-indirizz irreġistrat tagħhom, id-data tal-inkorporazzjoni tagħhom, eċċ. Kwalunkwe persuna tista’ tfittex kumpanija jew bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħha jew b’isimha jew b’parti minn isimha.

Fir-rigward tal-istabbiliment ta’ indirizz ta’ persuna fiżika, ir-Reġistru Elettorali huwa bla ħlas u aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta’ kompjuters fil-Qrati ta’ Malta. L-aktar Reġistru Elettorali reċenti huwa aċċessibbli għal kulħadd permezz ta’ https://electoral.gov.mt/Register/Enquiry. Madankollu, issir tiftixa fir-reġistru, wieħed irid ikun jaf il-lokalità u t-triq.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-assistenza li l-awtoritajiet f’dan l-Istat Membru jipprovdu hija dik stipulata taħt l-Artikolu 7(1)(c).

L-indirizz irreġistrat ta’ persuna ġuridika jista’ jinstab billi wieħed ifittex fir-reġistru online fuq is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Malti fuq:

https://registry.mbr.mt/ROC/companySearch.do?action=companyDetails&_=1576703936233

Is-sistema online tippermetti lil kwalunkwe persuna fiżika li tixtieq tikseb informazzjoni dwar kumpaniji, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet biex taċċessa r-Reġistru. L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tinkludi informazzjoni li hija mingħajr ħlas u għall-użu ġenerali (informazzjoni pubblika). Din tinkludi l-ismijiet tal-kumpaniji u n-numri tar-reġistrazzjoni, l-indirizz irreġistrat tagħhom, id-data tal-inkorporazzjoni tagħhom, eċċ. Kwalunkwe persuna tista’ tfittex kumpanija jew bin-numru tar-reġistrazzjoni tagħha jew b’isimha jew b’parti minn isimha.

Għall-indirizzi tal-persuni fiżiċi, l-aġenzija mittenti barranija tista’ tibgħat talba lill-aġenzija riċeventi Maltija biex tiddetermina l-indirizz għall-finijiet ta’ notifika, permezz tal-indirizz tal-posta elettronika li ġej: info@stateadvocate.mt

Dawn it-talbiet għandhom jinkludu n-numru tal-ID personali, l-isem u l-kunjom tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

Id-dokumenti ġudizzjarji li ma jiffurmawx parti minn kawża tal-qorti jiġu nnotifikati bil-posta rreġistrata fejn “karta roża” turi jew il-firma tar-riċevitur jew li d-dokument ma aċċettah ħadd jew altrimenti ma ġiex innotifikat. Din il-karta tiġi ppreżentata lill-Qorti mill-marixxalli tal-qorti. Il-“karta roża” tiġi mehmuża mad-dokument oriġinali (pereżempju, mal-ittra uffiċjali). Dokumenti oħra ppreżentati fil-kuntest ta’ proċedimenti legali jiġu nnotifikati permezz tal-marixxall tal-Qorti.

L-Aġenzija riċeventi għandha tordna n-notifika tad-dokument billi tehmeż id-dokument ma’ ittra uffiċjali ppreżentata fir-Reġistru tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-każ ta’ dokumenti li jridu jiġu nnotifikati fil-Gżira ta’ Malta, u fir-Reġistru tal-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) fil-ġuriżdizzjoni superjuri tagħha, fil-każ ta’ dokumenti li jridu jiġu nnotifikati fil-Gżejjer ta’ Għawdex u ta’ Kemmuna. Dawn id-dokumenti, flimkien mal-ittra uffiċjali jiġu nnotifikati mill-marixxall tal-Qorti lill-persuna destinatarja. Skont l-Artikolu 187 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati kif ġej:

(a) In-notifika ssir bil-kunsinna ta’ kopja tal-iskrittura lill-persuna
li lilha l-iskrittura għandha tkun innotifikata, billi dik il-kopja titħalla fil-lok fejn toqgħod jew taħdem jew fil-post tax-xogħol jew fl-indirizz postali ta’ dik il-persuna f’idejn membru tal-familja jew tad-dar jew f’idejn wieħed fis-servizz ta’ dik il-persuna jew f’idejn il-prokuratur tagħha jew persuna awtorizzata minnha biex tirċievi l-posta tagħha: iżda, il-kopja ma tistax titħalla f’idejn persuni ta’ età anqas minn erbatax-il sena, jew f ’idejn persuna li għandha diżordni mentali jew kundizzjoni oħra, li tagħmilha inkapaċi li tagħti xhieda ta’ dik in-notifika. Persuna titqies li hija kapaċi li tagħti dik ix-xhieda, sakemm ma jiġix ippruvat il-kuntrarju; u n-notifika ma tistax tiġi attakkata bħala irregolari, għal waħda minn dawk ir-raġunijiet, jekk jinsab illi fil-fatt il-kopja tkun waslet f’idejn il-persuna li lilha kellha tkun innotifikata;

(b) Fil-każ ta’ persuni li jgħixu abbord ta’ bastimenti merkantili, jew li jagħmlu parti mill-ekwipaġġ u ma jkollhomx darhom f’Malta, in-notifika tista’ ssir billi titħalla kopja f’idejn il-kaptan jew f’idejn min jagħmel floku;

(c) Fil-każ ta’ korp li jkollu personalità ġuridika distinta, innotifika
lil dak il-korp għandha ssir billi titħalla kopja tali skrittura: (i) fl-uffiċċju reġistrat, fl-uffiċċju prinċipali, jew fil-post tan-negozju jew fl-indirizz postali tagħha ma’ persuna/i vestita bir-rappreżentanza legali jew ġudizzjarja tagħha jew mas-segretarju tal-kumpanija jew ma’ impjegat ta’ tali korp jew (ii) ma’ kwalunkwe waħda mill-persuni msemmija hawn fuq bil-mod previst fil-paragrafu (a).

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Id-dokumenti ma jistgħux jiġu nnotifikati elettronikament fi proċedimenti ċivili.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

L-ebda notifika elettronika mhi permessa skont il-liġi nazzjonali Maltija.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Le.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Le. Il-metodu ta’ notifika huwa spjegat b’mod eżawrjenti fil-mistoqsija 5 iktar ’il fuq.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Mhux applikabbli.

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Mhux applikabbli.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

F’termini tal-liġi Maltija, meta persuna li lilha jkun indirizzat att proċedurali tirrifjuta li tirċevih personalment mingħand uffiċjal eżekuttiv tal-qrati, il-qorti tista’, fuq rikors tal-parti interessata u wara li tisma’ lill-uffiċjal eżekuttiv tal-qrati u tikkonsidra ċ-ċirkostanzi kollha tal-inċident, tiddikjara b’digriet li n-notifika tkun saret lil dik il-persuna fil-jum u l-ħin tar-rifjut u tali digriet għandu jitqies bħala prova tan-notifika għall-finijiet u l-effetti kollha tal-liġi.

Barra minn hekk, jekk persuna xjentement tevita, tfixkel jew tirrifjuta n-notifika ta’ xi att jew ordni tal-qorti jew l-eżekuzzjoni ta’ xi mandat jew ordni li ssir minn marixxall tal-qorti, hija tkun ħatja ta’ disprezz tal-qorti u tista’ teħel, meta tinstab ħatja, (a) twissija, (b) tkeċċija mill-qorti, (c) arrest għal erbgħa u għoxrin siegħa f’post fil-bini fejn tkun tippresjedi l-qorti, jew (d) multa.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Is-servizz tal-posta ta' Malta jwassal il-posta lil kull individwu li jinsab fl-indirizz u li jkun lest jaċċetta l-posta, sakemm dan ikun f'sensih u ma jkunx għadu tifel. Hemm il-preżunzjoni li ladarba individwu jkun instab fil-post tal-indirizz u jaċċetta l-posta, dan ikun awtorizzat jagħmel hekk mid-destinatarju. Jekk dan ma jkunx awtorizzat, ma għandux jaċċetta l-posta, u jekk jaċċettaha, ikun qed jassumi r-responsabbiltà li jgħaddiha lid-destinatarju. Ir-riċevitur jiffirma malli ssir il-konsenja. Din il-proċedura hija konformi mar-Regolament 33 tar-Regolamenti dwar Servizzi Postali (Ġenerali) tal-2005.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Jekk ma jkun hemm ħadd biex jirċievi l-posta f’każ li tkun meħtieġa firma mal-konsenja, titħalla nota fl-indirizz ikkonċernat li tavża lid-destinatarju bit-tentattiv tal-konsenja. Il-posta tkun tista' tinġabar mill-eqreb Uffiċċju Postali. Jekk il-posta tibqa’ ma tinġabarx, il-fornitur tas-servizz postali, fid-diskrezzjoni tiegħu, jibgħat nota finali lid-destinatarju, fejn javżah li l-oġġett postali għadu qed jistenna li jinġabar. Ġeneralment, dan isir wara 5 ijiem għall-posta rreġistrata lokali u wara 10 ijiem għall-posta rreġistrata barranija. Jekk din il-posta tibqa' ma tinġabarx wara dawn il-perjodi, wara stennija ta' 5 ijiem oħra, il-posta tintbagħat lura lill-mittent u tkun immarkata bħala "mhux miġbura". Jekk il-posta tiġi rrifjutata mid-destinatarju jew ir-rappreżentant tiegħu, din tiġi rritornata lill-mittent minnufih immarkata bħala "irrifjutata".

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Jekk ma jkun hemm ħadd fl-indirizz biex jirċievi l-posta, titħalla nota fl-indirizz ikkonċernat li tavża lid-destinatarju bit-tentattiv, u tinfurmah ukoll li l-oġġett postali jista’ jinġabar mill-eqreb Uffiċċju Postali. Jekk il-posta tibqa' ma tinġabarx, il-fornitur tas-servizz postali, fid-diskrezzjoni tiegħu, jibgħat nota finali lid-destinatarju, fejn javżah li l-oġġett postali għadu qed jistenna li jinġabar. Ġeneralment, dan isir wara 5 ijiem għall-posta rreġistrata lokali u wara 10 ijiem għall-posta rreġistrata barranija. Jekk din il-posta tibqa' ma tinġabarx wara dawn il-perjodi, wara stennija ta' 5 ijiem oħra, il-posta tintbagħat lura lill-mittent u tkun immarkata bħala "mhux miġbura". Il-ġbir ta' oġġett(i) postali mill-Uffiċċju Postali jsir biss mid-destinatarju jew minn rappreżentant awtorizzat wara l-preżentazzjoni tan-nota flimkien ma' dokument ta' identifikazzjoni (passaport jew karta tal-identità) tad-destinatarju.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Ċertifikat li n-notifika saret jew li ma saritx jinħareġ mill-aġenzija riċeventi abbażi tal-informazzjoni indikata mill-Marixxall tal-Qorti kif iddikjarat hawn taħt.

Id-dokumenti oriġinali nnotifikati bil-posta rreġistrata jkollhom "karta roża" mehmuża magħhom. Ladarba din tasal lura l-Qorti, id-dokumenti oriġinali jkunu ttimbrati jew b'linka sewda jew b'linka ħamra. Il-linka s-sewda tintuża biex tindika li n-notifika saret, u tindika wkoll ma' min tħalla d-dokument. Jekk id-dokument ma jkunx ġie nnotifikat, it-timbru jsir b'linka ħamra, u fih ikun hemm ukoll ir-raġuni għala ma ġiex innotifikat.

Id-dokumenti li jiġu nnotifikati mill-marixxall tal-qorti jiġu ttimbrati jew b'linka sewda jekk in-notifika tkun saret jew b'linka ħamra jekk ma tkunx, u jkollha l-firma tal-marixxall tal-Qorti li kien inkarigat li jwettaq in-notifika.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Jekk id-destinatarju ma jirċevix id-dokumenti imma d-dokumenti jkunu ġew innotifikati b'mod validu billi titħalla kopja fl-indirizz, fid-dar jew fil-post tax-xogħol tad-destinatarju, in-notifika titqies li tkun saret b'mod validu. Jekk parti terza tirċievi d-dokumenti, hija tista’ tirritorna tali dokumenti billi tippreżenta ittra uffiċjali b’risposta għall-ittra uffiċjali maħruġa u li permezz tagħha d-dokumenti jkunu ġew innotifikati. F’din l-aħħar ittra uffiċjali b’risposta, il-parti terza trid tispjega r-raġuni għaliex mhijiex id-destinatarju korrett u jekk ir-raġuni titqies valida, tali notifika titqies li ma rnexxietx. Notifika li tkun saret bi ksur tal-liġi tista' tiġi attakkata b'azzjoni ġudizzjarja. Jekk fin-nuqqas ta' notifika valida, il-parti li kellha tiġi nnotifikata tippreżenta risposta jew tidher il-qorti, in-notifika titqies li kienet valida.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Le.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Il-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxu tariffa fissa ta’ EUR 50 għal kull dokument li għandu jiġi nnotifikat f’Malta. Din it-tariffa trid titħallas qabel ma ssir in-notifika. Il-ħlas tat-tariffi għandu jsir permezz ta’ trasferiment bankarju pagabbli lill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, fid-dettalji tal-kont bankarju li ġejjin:

Isem tal-Bank: Il-Bank Ċentrali ta' Malta

Isem il-kont: L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat - Notifika ta’ dokumenti/Tariffi legali

Numru tal-kont: 40127EUR-CMG5-000-Y

IBAN: MT24MALT011000040127EURCMG5000Y

Kodiċi Swift: MALTMTMT

Hemm differenza fit-tariffa meta d-dokumenti jiġu nnotifikati skont il-liġi domestika u meta d-dokumenti joriġinaw minn Stat Membru ieħor u jkunu jridu jiġu nnotifikati f’Malta. Meta d-dokumenti jkunu jridu jiġu nnotifikati f’Malta, id-dokumenti jiġu ppreżentati fil-qorti u jkun hemm tariffa biex jiġu ppreżentati dawn id-dokumenti. It-tariffa tvarja skont id-dokument li jkun qed jiġi ppreżentat fil-qorti. Hemm ukoll tariffi u spejjeż legali għall-istampar tad-dokumenti. Min-naħa l-oħra, id-dokumenti li jkunu jridu jiġu nnotifikati f’Malta minn Stati Membri oħra għandhom tariffa fissa ta’ EUR 50.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.