Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Spanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

“In-notifika tad-dokumenti” tfisser it-trażmissjoni tad-dokumenti.

L-iskop tar-regoli speċifiċi li jirregolaw din il-materja huwa li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet neċessarji sabiex is-sottomissjoni ta’ dokumenti ġudizzjarji jew ekstraġudizzjarji tkun affidabbli b’tali mod li jipprovdu ċertezza rigward il-ħin, il-post, il-mod u d-destinatarju ta’ dik is-sottomissjoni, kemm fil-kuntest tal-proċedimenti (dokumenti ġudizzjarji) jew barra l-qafas tal-proċedimenti (dokumenti ekstraġudizzjarji).

Ta’ min jinnota li l-ġurisprudenza tal-Qorti Kostituzzjonali Spanjola tistabbilixxi li n-notifika ta’ dokumenti tikkostitwixxi garanzija preliminari meħtieġa li mingħajrha l-garanziji kostituzzjonali l-oħra ma jistgħux jidħlu fis-seħħ (sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali STC 1/1993 tat-13 ta’ Jannar 1993).

Min-naħa tagħhom, il-qrati għandhom jiżguraw li d-dokumenti jiġu effettivament innotifikati; jekk deċiżjoni ġudizzjarja tiġi adottata mingħajr ma tkun instemgħet waħda mill-partijiet, dan ikun jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-kontradittorju u jirriżulta f’li dik il-parti titħalla mingħajr difiża xierqa jekk jinstab li d-deċiżjoni kienet tabilħaqq adottata mingħajr ma tkun instemgħet waħda mill-partijiet (sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali STC 54/2010 tal-4 ta’ Ottubru 2010).

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

Skont l-Artikolu 149 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (Ley de Enjuiciamiento Civil), deċiżjonijiet proċedurali adottati fil-proċedimenti ġudizzjarji jridu jiġu nnotifikati formalment mill-Uffiċċji Ġudizzjarji (oficinas judiciales) jiġifieri mill-qrati u ċ-Ċentri Komuni għan-Notifika tal-Proċess (Servicios Comunes Procesales de Actos de Comunicación).

Id-dokumenti ġudizzjarji jikkonsistu fi:

  1. Notifiki, meta dawn ikunu maħsuba biex javżaw b’deċiżjoni jew proċedura.
  2. Ordnijiet ta’ azzjoni, li jirrikjedu lid-destinatarju jidher il-qorti u jieħu azzjoni f’ċertu limitu ta’ żmien.
  3. Ċitazzjonijiet, li jispeċifikaw post, data u ħin biex id-destinatarju jidher u jaġixxi.
  4. Inġunzjonijiet, biex id-destinatarju jkun ordnat jagħmel jew ma jagħmilx azzjoni partikolari.
  5. Mandati, biex jinkisbu ċertifikati jew xhieda jew kwalunkwe att ieħor li jista’ jitwettaq minn reġistraturi, nutara jew uffiċjali ġudizzjarji.
  6. Memoranda, għall-finijiet ta’ komunikazzjoni ma’ awtoritajiet ekstraġudizzjarji u uffiċjali.

Kull dokument ammess mill-qorti tul il-proċedimenti, sew jekk ipprovdut mill-partijiet jew minn partijiet terzi fuq talba tal-qorti jew prodott minn esperti maħtura mill-qorti, iridu jiġu nnotifikati formalment.

Dokumenti ekstraġudizzjarji (pereżempju atti notarili) kif definiti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-223/14 (Tecom Mican) jiġu nnotifikati wkoll formalment, anke fin-nuqqas ta’ proċedimenti ġudizzjarji, kif qalet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-14/08 (Roda Golf).

Fil-qosor, id-dokumenti li l-korpi ġudizzjarji jużaw biex jikkomunikaw mal-partijiet f’kawża u ma’ terzi jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej:

  • Komunikazzjoni mal-partijiet f’kawża: notifiki, ordnijiet ta’ azzjoni, ċitazzjonijiet u inġunzjonijiet.
  • Komunikazzjoni ma’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi mhux involuti fil-proċedimenti: ċitazzjonijiet u inġunzjonijiet.
  • Komunikazzjoni ma’ nutara, reġistraturi jew uffiċjali li jaħdmu għas-Servizz tal-Qrati: mandati.
  • Komunikazzjoni ma’ awtoritajiet mhux ġudizzjarji u uffiċjali oħrajn: memoranda.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Skont l-Artikolu 152 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, id-dokumenti jiġu nnotifikati taħt id-direzzjoni tar-Reġistratur tal-Qorti (Letrado de la Administración de Justicia) (sal-2015 kien magħruf bħala “Secretario Judicial”), li jkun responsabbli mill-organizzazzjoni adegwata tan-notifika.

Id-dokumenti jiġu nnotifikati minn marixxall tal-qorti jew mir-rappreżentant legali tal-persuna li titlob in-notifika, li jħallas l-ispejjeż.

Id-dokumenti jitqiesu bħala notifikati legalment meta r-rekord tan-notifika jkun fih evidenza adegwata li d-dokumenti ikkonċernati jkunu ngħataw personalment jew ġew ikkonsenjati fl-indirizz tad-dar tad-destinatarju. Ir-rappreżentant legali huwa responsabbli biex jikkonferma l-identità u l-istatus tal-persuna li tirċievi d-dokument li jkun qed jiġi nnotifikat, u dan għandu jiġi rreġistrat billi jiffirma kopja tad-dokument u jindika d-data tan-notifika.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

F'konformità mar-Regolament, huwa f’idejn l-Istati Membri li jiddeċiedu jekk, fuq inizjattiva tagħhom stess, jagħmlux talbiet għal informazzjoni dwar l-indirizzi. Fil-każ ta’ Spanja, ġie ddikjarat li l-awtorità kompetenti għan-notifika, jiġifieri r-Reġistratur tal-Qorti, tkun responsabbli biex titlob informazzjoni dwar l-indirizzi. Fid-dikjarazzjoni relatata mal-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament, ġie ddikjarat li l-awtoritajiet Spanjoli kompetenti għan-notifika, fuq inizjattiva tagħhom stess, se jieħdu passi biex jiksbu informazzjoni dwar l-indirizzi mir-reġistri tad-domiċilju jew minn bażijiet tad-data oħra f’każijiet fejn l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika ma jkunx korrett.

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Iva, f’konformità mad-dikjarazzjoni Spanjola skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2020/1784, l-awtorità kompetenti għan-notifika (ir-Reġistratur tal-Qorti) – fuq inizjattiva tagħha stess – se tkun responsabbli biex twettaq inkjesti dwar l-indirizz. F’konformità mal-Artikolu 7(1)(a), l-aġenziji mittenti jistgħu jindirizzaw it-talbiet dwar l-istabbilixxar tal-indirizz tal-persuna li għandha tiġi nnotifikata bid-dokument lill-awtorità kompetenti maħtura minn Spanja għan-notifika.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Spanja ma għandha l-ebda reġistru miftuħ ta’ dan it-tip. Madankollu, il-qrati Spanjoli għandhom aċċess għal għadd ta’ bażijiet ta’ data b’aċċess ristrett (in-network Punto Neutro Judicial) li l-awtoritajiet legali Spanjoli jistgħu jużaw biex ifittxu informazzjoni dwar indirizzi u proprjetà, jekk ikun hemm raġuni motivata. B’dan il-mod, f’każ li l-awtorità ġudizzjarja ma tkunx taf l-indirizz ta’ persuna fiżika jew ġuridika destinatarja tan-notifika, hija jkollha titlob l-informazzjoni permezz ta’ tiftixa fil-bażi ta’ data disponibbli għall-qrati.

Biex issir it-tiftixa, l-awtorità jkollha bżonn il-karta tal-identità nazzjonali Spanjola jew id-dettalji ta’ identifikazzjoni fiskali ta’ persuna barranija residenti Spanja, jew in-numru tal-identità tagħha bħala ċittadin barrani residenti fi Spanja. F’każ li l-persuna investigata ma jkollhiex karta tal-identità Spanjola, l-awtorità jkollha tipprovdi informazzjoni addizzjonali flimkien mal-isem u l-kunjom, bħal pereżempju n-numru tal-passaport, id-data tat-twelid jew in-nazzjonalità tad-destinatarju, peress li mingħajr din l-informazzjoni, it-tiftixa tista’ ma tagħti l-ebda riżultat. Ma hemm l-ebda ħlas xi jsir għal dan.

Barra minn hekk, il-partijiet jistgħu jużaw Reġistri Pubbliċi oħrajn biex jiksbu l-indirizz. L-aċċess għal dawn ir-Reġistri huwa bi ħlas li jiddependi fuq l-informazzjoni mitluba.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Ir-Reġistratur tal-Qorti se jkun responsabbli, fuq inizjattiva tiegħu stess (ex officio), biex jieħu passi biex jikseb informazzjoni dwar l-indirizzi mir-reġistri tad-domiċilju (in-netwerk Ġudizzjarju Punto Neutro) jew minn bażijiet tad-data oħra f’każijiet fejn l-indirizz indikat fit-talba għan-notifika ma jkunx korrett.

Jekk ma’ dik il-formola tasal ukoll talba għal dokumenti li jridu jiġu notifikati skont ir-Regolament (UE) Nru 2020/1784 u f’każ li jirriżulta li l-indirizz ma jkunx fil-kompetenza territorjali tal-awtorità Spanjola, hija trid tgħaddi t-talba lill-aġenzija riċeventi kompetenti u tinforma lill-aġenzija trażmettittriċi b’dan bl-użu tal-formola prevista fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

Iva, jekk mezzi alternattivi jkunu disponibbli. Skont l-Artikolu 152 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, taħt it-tmexxija tar-Reġistratur tal-Qorti, id-dokumenti jistgħu jiġu nnotifikati bi kwalunkwe wieħed minn dawn il-mezzi:

  1. Permezz ta’ rappreżentant legali (procurador), f’każ ta’ dokumenti indirizzati lil persuni rappreżentati minnu fi proċedimenti.
  2. Bil-posta, b’telegramma, bil-posta elettronika jew bi kwalunkwe mezz elettroniku ieħor li juri li jkunu waslu, meta u fi xħin waslu u l-kontenut tad-dokumenti notifikati.
  3. B’konsenja personali lid-destinatarju ta’ kopja verbatim tad-deċiżjoni li trid tiġi nnotifikata lilu, l-inġunzjoni maħruġa mill-qorti jew mir-Reġistratur tal-Qorti, jew iċ-ċitazzjoni jew l-ordni ta’ aġir.
  4. Fi kwalunkwe każ, mis-Servizz tal-Qrati Spanjoli (Administración de Justicia), permezz ta’ mezzi ta’ telekomunikazzjoni, f’materji li jinvolvu l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ministerio Fiscal), tas-Servizz Ġuridiku tal-Istat (Abogacía del Estado), il-Konsulenti Legali tal-Parlament Spanjol u l-Assemblej Leġiżlattivi (Letrados de las Cortes Generales y de las Asambleas Legislativas), jew is-Servizzi Ġuridiċi tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali (Servicio Jurídico de la Administración de la Seguridad Social), id-dipartimenti governattivi l-oħrajn tal-komunitajiet awtonomi jew tal-awtoritajiet lokali, jekk id-destinatarju ma jkunx ħatar prokuratur.

Id-dokumenti jitqiesu bħala li ġew innotifikati b’mod validu meta jkun hemm rekord tan-notifika li turi b’mod adegwat li d-dokumenti kkonċernati ġew innotifikati lill-persuna kkonċernata fl-indirizz ta’ daru, fl-indirizz elettroniku awtorizzat għal użu tali, permezz ta’ portal tan-notifiki jew permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod jew elettroniċi magħżula mid-destinatarju.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

Il-fajls ġudizzjarji elettroniċi qiegħdin jiġu introdotti fi Spanja fuq il-bażi tal-Liġi 18/2011 tal-5 ta’ Lulju 2011 li tirregola l-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fis-Servizzi tal-Qrati. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili ġiet emendata bil-Liġi Nru 42/2015 tal-5 ta’ Ottubru 2015, li għamlitha obbligatorja, mill-1 ta’ Jannar 2016 ’il quddiem, li l-professjonisti kollha li jaħdmu fis-settur tal-ġustizzja jużaw sistemi elettroniċi sikuri biex jinnotifikaw dokumenti relatati ma’ proċedimenti. Dawn is-sistemi żviluppaw fil-pjattaforma LexNET, li l-użu tagħha huwa rregolat mid-Digriet Irjali Nru 1065/2015 tas-27 ta’ Novembru 2015 fi ħdan il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Diversi komunitajiet awtonomi b’kompetenza fil-qasam tal-ġustizzja żviluppaw, min-naħa tagħhom, sistemi ta’ servizzi elettroniċi ekwivalenti.

Biex jimplimentaw dan, il-partijiet interessati u l-membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jiffirmaw proċeduri ta’ notifika fis-Sede Ġudizzjarji Elettroniċi (Sedes Judiciales Electrónicas) tat-territorji differenti. (Is-Sede Ġudizzjarja Elettronika tal-Ministeru tal-Ġustizzja hija dik li tinkludi l-akbar territorju.)

F’konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 273(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-professjonisti kollha fis-settur tal-ġustizzja jridu jużaw is-sistemi elettroniċi jew mill-bogħod tas-Servizzi tal-Qrati biex jissottomettu dokumenti promoturi, dokumenti mhux promoturi u dokumenti oħra sabiex jiggarantixxu l-awtentiċità tas-sottomissjoni u jiżguraw li jkun hemm rekord affidabbli u komplut tas-sottomissjoni u tal-irċevuta ta’ dawk id-dokumenti, kif ukoll id-data tas-sottomissjoni u rċevuta. F’kull każ, mill-inqas waħda minn dawn l-entitajiet li ġejjin trid tuża l-mezzi elettroniċi meta tikkomunika mas-Servizzi tal-Qrati:

  1. persuni ġuridiċi;
  2. entitajiet mingħajr personalità ġuridika;
  3. professjonisti li jaħdmu f’oqsma li jirrikjedu reġistrazzjoni f’organizzazzjoni professjonali għal kwalunkwe formalità u azzjoni li jwettqu mas-Servizzi tal-Qrati meta jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom;
  4. nutara u reġistraturi;
  5. rappreżentanti ta’ parti kkonċernata li jeħtiġilhom jittrattaw b’mod elettroniku mas-Servizz tal-Qrati;
  6. uffiċjali fl-amministrazzjoni pubblika għal kwalunkwe azzjoni u pass li jwettqu minħabba l-pożizzjoni tagħhom.

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

In-notifika elettronika tista’ ssir direttament lil persuni b’indirizz magħruf dment li d-dokumenti jintbagħtu u jintlaqgħu bl-użu ta’ servizzi elettroniċi kwalifikati ta’ konsenja rreġistrata u d-destinatarju jkun ta kunsens espliċitu minn qabel għall-użu ta’ mezzi elettroniċi għan-notifika ta’ dokumenti matul il-proċedimenti legali. Kundizzjoni oħra hija li d-destinatarju jkun ta l-kunsens espliċitu minn qabel lill-qorti jew lill-awtorità għall-użu tal-posta elettronika mibgħuta f’indirizz tal-posta elettronika speċifiku għall-fini tan-notifika tad-dokumenti matul dawk il-proċedimenti u d-destinatarju jikkonferma li rċieva d-dokument b’konferma tar-riċevuta, inkluża d-data tar-riċevuta.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Mhux speċifikat. Madankollu, meta l-konvenuti jkunu persuni ġuridiċi, il-Qorti Kostituzzjonali Spanjola ddikjarat l-użu tal-indirizz tal-posta elettronika awtorizzat bħala mezz biex tiġi nnotifikata t-taħrika inizjali, peress li dan irid jiġi nnotifikat fl-indirizz tad-dar tad-destinatarju bil-posta rreġistrata b’konferma tar-riċevuta, f’konformità mal-Artikolu 155(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili (kif iddikjarat fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali STC 129/2019 tal-11 ta’ Novembru 2019, li tiddikjara mill-ġdid il-kriterju diġà stabbilit f’sentenzi oħra: Sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali TC 6/2019 u 47/2019).

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Meta kopja tad-deċiżjoni jew ċitazzjoni tkun trid tintbagħat b’posta rreġistrata jew telegramma b’konferma tar-riċevuta, jew bi kwalunkwe mezz ieħor simili li jagħmilha possibbli li tiddaħħal l-atti riferta affidabbli, id-data tal-wasla tagħha u l-kontenut tad-dokument innotifikat, ir-Reġistratur tal-Qorti jrid idaħħal fl-atti tal-kawża dikjarazzjoni li tagħti d-dettalji tal-konsenja u l-kontenut tad-dokument, u jehmeż mal-atti tal-kawża, meta jkun xieraq, il-konferma tar-riċevuta jew il-mezz ta’ kif ġiet irreġistrata l-wasla tan-notifika jew id-dokumentazzjoni pprovduta mir-rappreżentant legali biex juri li għamel in-notifika.

In-notifika permezz ta’ avviż (pubbliku) tista’ tiġi awtorizzata fi Spanja biss mill-awtorità ġudizzjarja li tiddeċiedi l-proċedimenti prinċipali, bil-kundizzjoni li tentattivi biex dik il-persuna tiġi nnotifikata fl-indirizzi ġġenerati mit-tiftixiet dwar fejn tista’ tinstab ma jkunux irnexxew (l-Artikolu 164 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili). Għaldaqstant, l-Iskrivan tal-Qorti, bħala aġenzija riċeventi ta’ talba għal notifika skont ir-Regolament (UE) Nru 2020/1784, ma jistax jawtorizza notifika b’avviż (pubbliku) peress li r-rwol tiegħu mhux li jisma’ l-kawża fil-proċedimenti prinċipali imma sempliċement li jipprovdi assistenza ġudizzjarja.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Id-dokumenti jitqiesu li jkunu ġew innotifikati ladarba r-rekwiżiti stipulati mil-liġi għal kull tip ta’ notifika jkunu ġew issodisfati.

Fi kwalunkwe każ, il-metodi użati jkunu dawk li jagħmluha possibbli li fl-atti tal-kawża tiddaħħal riferta affidabbli għad-dokument innotifikat, id-data u l-ħin meta ġie riċevut u l-kontenut tiegħu.

Meta kopja tad-deċiżjoni jew ċitazzjoni tkun trid tintbagħat b’posta rreġistrata jew telegramma b’konferma tar-riċevuta, jew bi kwalunkwe mezz ieħor simili li jagħmilha possibbli li tiddaħħal riferta affidabbli fl-atti, id-data meta ġiet riċevuta u l-kontenut tad-dokument innotifikat, ir-Reġistratur tal-Qorti jrid idaħħal fl-atti tal-kawża dikjarazzjoni li tagħti d-dettalji tal-konsenja u l-kontenut tad-dokument, u jehmeż mal-atti tal-kawża, meta jkun xieraq, il-konferma tar-riċevuta jew il-mezz ta’ kif ġiet irreġistrata l-wasla tan-notifika jew id-dokumentazzjoni pprovduta mill-prokuratur biex juri li saret in-notifika (l-Artikolu 160(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Jekk in-notifika jew id-dokument ma jkunux jistgħu jitwasslu bil-posta, is-servizz postali jħalli nota li tavża lid-destinatarju li intbagħtulu ittra jew dokument u jista’ jiġborhom f’perjodu speċifikat mill-uffiċċju postali speċifikat.

Jista’ jkun ukoll li jkun sar tentattiv ta’ notifika mill-uffiċjali tal-Uffiċċju Ġudizzjarju, u f’dak il-każ titħalla nota li tispeċifika l-perjodu li matulu d-dokument jista’ jinġabar mill-qorti, fil-kaxxa postali tad-destinatarju.

Meta d-destinatarju jkun residenti fid-distrett ġudizzjarju fejn tinsab il-qorti, u d-dokumenti kkonċernati ma jkunux essenzjali għar-rappreżentazzjoni minn avukat jew għar-rappreżentazzjoni personali tiegħu fil-proċedimenti, jistgħu jintbagħtulu, bi kwalunkwe mezz imsemmi fl-ewwel paragrafu, avviż ta’ ordni biex jaġixxi li tirrikjedi d-dehra tiegħu l-qorti għall-finijiet tan-notifika ta’ deċiżjoni ġudizzjarja jew miżura proċedurali oħra, il-ħruġ ta’ inġunzjoni jew in-notifika tal-eċċezzjonijiet (l-Artikolu 160(3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

L-avviż jispjega fid-dettall dovut, l-għala d-destinatarju jkun meħtieġ jidher il-qorti, billi jispeċifika l-proċedimenti u l-kawża li l-ordni ta’ aġir hija relatata magħha u javża lid-destinatarju bil-fatt li, jekk jonqos milli jidher fil-perjodu indikat mingħajr raġuni valida, in-notifika titqies li tkun saret (l-Artikolu 160(3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika mingħajr raġuni valida, id-dokumenti jitqiesu li jkunu ġew innotifikati lid-destinatarju u jipproduċu l-istess effetti legali bħallikieku aċċettahom, bil-limiti taż-żmien jibdew jgħoddu mill-għada tar-rifjut (l-Artikolu 161(2) tal-Liġi tal-Proċedura Ċivili).

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

Ir-Regolament jippermetti li n-notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji ssir direttament permezz tas-servizzi tal-posta b’ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta jew ekwivalenti. Madankollu, fil-każ ta’ dokumenti mibgħuta bil-posta b’konferma tar-riċevuta, jeħtieġ ukoll li tinhemeż il-formola.

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Skont il-liġi, oġġetti postali, skont x’tip ikunu, iridu jew jiġu kkonsenjati lid-destinatarju jew lil persuna awtorizzata minnu, inkella jiġu ddepożitati fil-kaxxi tal-uffiċċju postali jew fil-kaxxi postali residenzjali. Persuna titqies li tkun awtorizzata mid-destinatarju biex taċċetta l-konsenja ta’ oġġetti postali fl-indirizz postali tiegħu sakemm tkun tista’ tidentifika ruħa u tassumi r-responsabbiltà għall-oġġetti kkonsenjati, sakemm ma joġġezzjonax espressament milli jagħmel hekk (l-Artikolu 24 tal-Liġi Nru 43/2010 tat-30 ta’ Diċembru 2010 dwar is-servizz postali universali, id-drittijiet tal-utenti u s-suq postali).

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Il-liġi trid tistabbilixxi regoli applikabbli għal sitwazzjonijiet fejn oġġetti postali għall-ebda raġuni ma jkunu jistgħu jiġu kkonsenjati lid-destinatarju jew irritornati lill-mittent. Dawn ir-regoli jinkludu dawk li jirregolaw il-proċedura għall-aċċertament tal-indirizz tad-destinatarju, tal-oriġini u tad-destinazzjoni tal-oġġetti, is-smigħ fil-qorti jew it-taħrik tal-mittent tal-oġġetti, u l-ħażna temporanja, l-irkupru u d-distruzzjoni tal-oġġetti.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Il-pustier iħalli nota li tinforma lid-destinatarju li hemm ittra x’jiġbor mill-uffiċċju postali indikat u fil-limitu taż-żmien indikat. Jekk l-oġġett ma jibqa’ ma jinġabarx fil-ħin, dan jiġi mmarkat u l-oġġett jiġi rritornat lill-mittent.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

L-operatur postali magħżul ikun preżunt li aġixxa b’mod onest u affidabbli fid-distribuzzjoni, il-konsenja u l-wasla tal-proċess mill-korpi amministrattivi u ġudizzjarji, jew f’każ ta’ rifjut ta’ aċċettazzjoni, jew impossibilità li tiġi effettwata, in-notifika ta’ dak il-proċess, b’mezzi fiżiċi jew telekomunikattivi.

Notifika personali mill-persunal tal-qorti tiġi ddokumentata f’reġistru bil-miktub fejn l-uffiċjal tal-qorti jindika l-eżitu tal-att tan-notifika. Jekk in-notifika tkun tista’ ssir lid-destinatarju stess, ir-rekord tan-notifika jkun jinkludi l-firma tad-destinatarju jew indikazzjoni tar-rifjut li jiffirma għaliha, flimkien ma’ nota li tgħid li jitqies li ġie nnotifikat (ara l-mistoqsija 7.4; l-Artikolu 161(3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

Skont l-Artikolu 161(3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jekk l-indirizz fejn isir it-tentattiv ta’ notifika jkun l-indirizz ta’ dar id-destinatarju skont ir-reġistru muniċipali tal-indirizzi, għal finijiet ta’ taxxa jew skont kwalunkwe reġistru uffiċjali ieħor jew pubblikazzjoni ta’ assoċjazzjoni kummerċjali, jew tkun akkomodazzjoni residenzjali jew kwalunkwe bini mikri lill-konvenut, u d-destinatarju ma jkunx jista’ jinstab hemmhekk, in-notifika tista’ ssir, f’envelop issiġillat, lil kwalunkwe impjegat jew membru tal-familja jew persuna li jikkoabita magħha, ta’ ’l fuq minn 14-il sena, li tkun f’dak l-indirizz, jew lil min jieħu ħsieb dak il-bini, jekk ikun hemm. Fi kwalunkwe każ, min ikun qed jeffettwa n-notifika jrid jinforma lir-riċevitur li huwa obbligat jgħaddi l-kopja tad-deċiżjoni jew taħrika lill-persuna li hi indirizzata lilha, jew li tinnotifika lill-persuna bl-eżistenza tagħha, jekk ikun jaf fejn tinsab, u fi kwalunkwe każ irid javża lir-riċevitur bir-responsabbiltà tiegħu biex iħares id-data d-destinatarju.

Jekk id-dokument ikun indirizzat lill-post tax-xogħol mhux każwali tad-destinatarju, jekk id-destinatarju jkun assenti, tiġi nnotifikata lil persuna li tiddikjara li tkun tafu jew, jekk ikun hemm unità responsabbli biex tirċievi dokumenti jew oġġetti, lill-persuna inkarigata b’dik l-unità. F’dak il-każ min ikun qed jeffettwa n-notifika jrid javża lir-riċevitur bil-punti msemmija fil-paragrafu preċedenti.

Isem id-destinatarju tad-dokument u meta u l-ħin tat-tentattiv tan-notifika imma d-destinatarju ma kienx hemm, jiddaħħal fir-reġistru tan-notifika, flimkien ma’ isem il-persuna li tkun irċeviet il-kopja tad-deċiżjoni jew it-taħrika u r-relazzjoni tagħha mad-destinatarju. Kull dokument innotifikat b’dan il-mod ikun kompletament effettiv.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Notifika li ma ssirx f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu tkun invalida, peress li jista’ jkun li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tiddefendi ruħha sew (Il-punt  (1) tal-Artikolu 266 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili). Madankollu, meta l-persuna nnotifikata, imsejħa, imħarrka jew mitluba tidher tkun – minkejja l-ksur – saret taf bil-każ u ma tiddikjarax ir-rekord tan-notifika bħala null u bla effett meta tidher għall-ewwel darba quddiem il-qorti, ir-rekord għandu minn hemm’il quddiem jitqies li huwa kompletament effettiv u li jkun tħejja f’konformità mal-liġi (Il-punt (2) tal-Artikolu 266 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

Fir-rigward tal-lingwa tad-dokument li qed jiġi nnotifikat, skont il-ġurisprudenza tal-QĠUE C-354/15 Henderson, in-notifiki kollha jridu jkunu akkumpanjati minn traduzzjoni b’lingwa li dak il-konvenut jifhem biha jew bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru rikjedenti jew, fejn ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika. F’każijiet bħal dawn, jekk il-mudell standard stabbilit fil-Formola L tar-Regolament (UE) 2020/1784 ma jiġix trażmess lill-konvenut, dawn in-notifiki jridu jiġu rimedjati f’konformità ma’ dak ir-Regolament billi l-parti interessata tiġi pprovduta bil-formola standard (il-Formola L) stabbilita fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Bħal fir-Regolament (UE) Nru 2020/1784, in-notifika ta’ informazzjoni lid-destinatarji hija msaħħa aktar fis-sens li jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw dokument jekk dan ma jkunx miktub b’lingwa li d-destinatarju jifhem, jew akkumpanjat minn traduzzjoni f’lingwa li jifhem, fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, fi kwalunkwe waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn trid issir in-notifika.

Meta d-destinatarju jirrifjuta d-dokument, id-difett jista’ jiġi rrimedjat permezz ta’ notifika ġdida tad-dokument flimkien mat-traduzzjoni tiegħu (l-Artikolu 12(5)). Jekk ir-rifjut ma jkunx iġġustifikat għar-raġuni li d-destinatarju jkun jaf il-lingwa li biha jkun ġie abbozzat id-dokument, ladarba d-dritt li jirrifjuta li jaċċetta d-dokument ikun ġie eżerċitat b’mod effettiv, il-qorti adita bil-kawża tista’ tivverifika jekk dak ir-rifjut kienx fondat u, fejn xieraq, tapplika l-konsegwenzi skont il-liġi nazzjonali tagħha (id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 2016, Kawża C-384/14, Alta Realitat).

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Meta n-notifika ssir minn qorti, l-Uffiċċju Ġudizzjarju jew iċ-Ċentru tal-Proċess Komuni, l-ispejjeż tan-notifika jitħallsu mill-korp ġudizzjarju rilevanti. Min jitlob in-notifika ma jkollu jħallas xejn.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.