Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Isvediż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Servizz ta' dokumenti: trasmissjoni uffiċjali ta’ dokumenti legali

Svezja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 F’termini prattiċi xi jfisser it-terminu legali “notifika ta’ dokumenti”? Għaliex hemm regoli speċifiċi dwar in-“notifika ta’ dokumenti”?

Fil-prattika, “notifika” tfisser li dokument jintbagħat jew jiġi kkonsenjat lil persuna u li hemm prova li din tkun irċeviet id-dokument jew li r-regoli tal-Att dwar in-Notifiki Proċesswali ġew segwiti. Ir-raġunijiet għaliex hemm regoli dwar in-notifika jinkludu l-fatt li l-qrati għandhom ikunu jistgħu joqogħdu fuq li d-dokumenti jaslu għand id-destinatarju tagħhom.

2 Liema dokumenti jeħtieġ li jkunu notifikati b’mod formali?

In-notifika trid issir jekk tkun prevista speċifikament jew jekk ikun meħtieġ li dokumenti li jiġu nnotifikati għall-fini ta’ dispożizzjoni dwar in-notifika, inkella biss jekk iċ-ċirkostanzi jkunu jeħtieġu dan. Eżempju ta’ dispożizzjoni speċifika tal-liġi li tirrikjedi li d-dokumenti jiġu nnotifikati huwa meta tkun trid tiġi nnotifikata taħrika lill-konvenut f’kawża ċivili.

3 Min hu responsabbli biex jinnotifika dokument?

Normalment tkun l-awtorità jew il-qorti li tiżgura li d-dokumenti jiġu nnotifikati. Jista’ jiġri, madankollu, li parti titlob li tiżgura hi stess li d-dokumenti jiġu nnotifikati u l-awtorità jew il-qorti tippermettilha tagħmel hekk (notifika minn parti). Prerekwiżit għal notifika minn parti hija li din ma tkunx inadegwata.

4 Ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi

4.1 L-awtorità li ssirilha t-talba f’dan l-Istat Membru tipprova tistabbilixxi fuq inizjattiva tagħha stess l-inħawi tad-destinatarju tad-dokumenti li għandhom jiġu notifikati jekk l-indirizz indikat ma jkunx korrett? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(2)(c) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

L-aġenzija riċeventi tieħu l-inizjattiva li tfittex id-dettalji tal-indirizz il-ġdid għar-riċevitur jekk ir-riċevitur ikun ġarr mill-indirizz mogħti fiċ-ċitazzjoni.

4.2 L-awtoritajiet ġudizzjarji barranin u / jew il-partijiet fil-proċedimenti ġudizzjarji għandhom aċċess għar-reġistri jew servizzi f’dan l-Istat Membru li jippermettu li jinstab l-indirizz attwali tal-persuna? Jekk iva, x’reġistri jew servizzi jeżistu u x’inhi l-proċedura li trid tiġi segwita? Xi ħlas irid isir, jekk hemm?

Meta l-indirizz ta’ persuna li għandha tiġi nnotifikata b’dokument ġudizzjarju jew dokument ieħor ma jkunx magħruf, l-Aġenzija tat-Taxxa Żvediża tgħin biex jiġi ddeterminat l-indirizz tal-persuni fiżiċi u l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kumpaniji Żvediż jgħin biex jiġi ddeterminat l-indirizz tal-kumpaniji. Ma hemm l-ebda proċedura formali speċifika biex jinkiseb aċċess għal din l-informazzjoni.

Biex titlob informazzjoni mingħand l-Aġenzija tat-Taxxa, tista’ ċċempel lill-Aġenzija fuq +46 771567567 jew tikklikkja fuq il-link Staqsi mistoqsija jew agħti tweġiba| Aġenzija tat-Taxxa Żvediża, li twassal għal formola fejn tista’ timla l-mistoqsijiet tiegħek dwar l-indirizz. Tista’ wkoll tibgħat il-mistoqsija tiegħek bil-posta lil Swedish Tax Agency, SE-205 30 Malmö, SWEDEN. Tista’ tuża l-Formola B biex tibgħat il-mistoqsija tiegħek bil-posta. L-informazzjoni mir-reġistru tal-popolazzjoni tingħata mingħajr ħlas.

Biex titlob informazzjoni mingħand l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kumpaniji Żvediż, tista’ ċċempel lill-Uffiċċju fuq +46 771670670 jew billi tibgħat il-mistoqsija tiegħek bil-posta elettronika lil bolagsverket@bolagsverket.se. Tista’ wkoll tibgħat il-mistoqsija tiegħek bil-posta lil Swedish Companies Registration Office, SE-851 81 Sundsvall, SWEDEN. Tista’ tuża l-Formola B biex tibgħat il-mistoqsija tiegħek bil-posta elettronika jew bil-posta. Jistgħu japplikaw xi ħlasijiet.

4.3 Liema tip ta’ assistenza mingħand Stati Membri oħra fir-rigward ta’ ksib ta’ informazzjoni dwar l-indirizzi jipprovdu l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Ara 4.2.

5 Fil-prattika, normalment kif jiġi notifikat id-dokument? Hemm metodi alternattivi li jistgħu jintużaw (apparti n-notifika alternattiva msemmija fil-punt 7 iktar ’l isfel)?

L-iktar mod komuni biex dokument jiġi nnotifikat huwa li jintbagħat bil-posta lid-destinatarju (notifika standard). L-ittra tkun akkumpanjata minn irċevuta tan-notifika li d-destinatarju jintalab jiffirma u jibgħat lura.

Metodi alternattivi ta’ notifika (minbarra n-notifika indiretta) huma notifika bit-telefown, notifika ssimplifikata u notifika minn uffiċjal ġudizzjarju.

In-notifika bit-telefown tfisser li l-kontenut tad-dokument li jrid jiġi nnotifikat jinqara fuq it-telefown lill-persuna li trid tiġi nnotifikata bih qabel ma jintbagħtilha bil-posta. Ma hemm bżonn tal-ebda konferma tal-irċevuta għad-dokumenti notifikati bit-telefown. Id-dokument jitqies bħala li ġie nnotifikat ladarba l-kontenut tiegħu jkun inqara.

In-notifika ssimplifikata tinvolvi l-impustar tad-dokument fl-aħħar indirizz magħruf tad-destinatarju u, fil-jum tax-xogħol segwenti, jintbagħat avviż fl-istess indirizz, fejn jiġi ddikjarat li d-dokument intbagħat. Ma hemm bżonn tal-ebda konferma tal-irċevuta għal notifika ssimplifikata. Id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati ġimagħtejn wara li jkunu ntbagħtu, sakemm l-avviż ikun intbagħat kif stipulat. Notifika ssimplifikata tista’ tintuża biss jekk id-destinatarju jkun ġie infurmat li tista’ tintuża notifika ssimplifikata fil-kawża jew fil-kwistjoni. Fil-prattika, dan ifisser, pereżempju, li parti f’kawża trid tiġi nnotifikata b’dokument darba biss bil-konferma tal-irċevuta.

Notifika speċjali lill-persuni ġuridiċi: Id-dokumenti jistgħu, f’ċerti ċirkostanzi, jiġu nnotifikati lil persuni ġuridiċi billi jintbagħtu fl-indirizz reġistrat tal-kumpanija, flimkien ma’ avviż li jintbagħat fl-istess indirizz fil-jum tax-xogħol segwenti. Id-dokumenti jitqiesu li ġew innotifikati ġimagħtejn wara li jkunu ntbagħtu, sakemm l-avviż ikun intbagħat kif stipulat.

In-notifika minn uffiċjal ġudizzjarju tfisser li dokument jiġi nnotifikat personalment minn persuna debitament awtorizzata biex tagħmel dan, bħal uffiċjal ġudizzjarju jew impjegat tal-Awtorità tal-Pulizija Żvediża, l-Awtorità tal-Prosekuzzjoni Żvediża, qorti, l-Awtorità Eżekutorja Żvediża jew kumpanija liċenzjata tan-notifiki.

6 Hija permessa n-notifika elettronika tad-dokumenti (notifika ta’ dokumenti ġudizzjarji jew extraġudizzjarji permezz ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi mill-bogħod, bħall-email, applikazzjoni sikura bbażata fuq l-internet, faks, sms, eċċ.) fi proċedimenti ċivili? Jekk iva, għal liema tipi ta’ proċedimenti huwa previst dan il-metodu? Hemm restrizzjonijiet fir-rigward tad-disponibilità / l-aċċess għal dan il-metodu ta’ notifika ta’ dokumenti skont min ikun id-destinatarju (professjonist tal-liġi, persuna ġuridika, kumpanija jew attur ieħor fin-negozju, eċċ.)?

6.1 Liema tipi ta’ notifika elettronika fis-sens tal-Artikolu 19(1) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti huma disponibbli f’dan l-Istat Membru fejn għandha ssir in-notifika direttament lil persuna, li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor?

Fil-każ ta’ notifika ordinarja, awtorità tista’ tibgħat dokumenti b’mezzi elettroniċi lil persuna li jkollha indirizz magħruf għan-notifika fi Stat Membru ieħor skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament dwar in-Notifika (Ara t-Taqsima 6a tal-Ordinanza (2008:808) li fiha dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ir-Regolament tal-UE dwar in-Notifika). Għalhekk, kundizzjoni biex id-dokumenti jiġu nnotifikati b’mod elettroniku hija li dan ikun skont il-liġi fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ. Jekk, għal kwalunkwe raġuni, l-użu tal-posta elettronika ma jkunx skont il-liġi, irid jintgħażel metodu differenti.

6.2 Dan l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti speċifika l-kundizzjonijiet addizzjonali li bihom jaċċetta n-notifika elettronika permezz tal-email imsemmija fl-Artikolu 19(1)(b) ta’ dan ir-Regolament? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 19(2) tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti

Ma ġiet stabbilita l-ebda kundizzjoni oħra.

7 Notifika “alternattiva”

7.1 Il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tippermetti metodi oħrajn ta’ notifika f’każijiet li fihom ma kienx possibbli li d-dokumenti jiġu notifikati lid-destinatarju (pereż. notifika fl-indirizz tad-dar, fl-uffiċċju tal-marixxall, bil-posta jew b’reklamar)?

Meta l-persuna li trid tiġi nnotifikata bid-dokument ma tkunx tista’ tinstab, id-dokumenti jistgħu jiġu kkomunikati fil-modi li ġejjin.

Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju bl-użu ta’ “notifika alternattiva”: id-dokument jiġi kkonsenjat lil persuna li ma tkunx il-persuna li trid tiġi nnotifikata, pereżempju, membru adult tal-unità domestika tar-riċevitur jew min iħaddem lir-riċevitur. Ir-riċevitur sostitut dejjem irid, madankollu, jagħti l-kunsens li jirċievi d-dokument. Avviż dwar il-fatt li d-dokument ġie nnotifikat u dwar min irċevieh irid jintbagħat fl-indirizz tar-riċevitur.

Notifika minn uffiċjal ġudizzjarju billi d-dokument jitħalla fuq il-post: id-dokument jitħalla d-dar tar-riċevitur, pereżempju f’kaxxa tal-ittri, jew f’post xieraq barra d-dar tiegħu, pereżempju jitwaħħal mal-bieb.

Notifika permezz tal-pubblikazzjoni: dan isir billi d-dokument ikun magħmul disponibbli għand l-awtorità jew il-qorti li ddeċidiet li tinnotifikah, filwaqt li fl-istess ħin toħroġ avviż dwar dak il-fatt u dwar il-kontenut prinċipali tad-dokument f’Il-Ġurnal Uffiċjali Żvediż (Post- och Inrikes Tidningar) u, jekk ikun hemm raġunijiet għal dan, f’gazzetta lokali. Id-dokument jiġi impustat fl-istess ħin fl-aħħar indirizz magħruf tad-destinatarju.

7.2 Jekk jiġu applikati metodi oħrajn, id-dokumenti meta jitqiesu li ġew notifikati?

Id-dokumenti nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju bl-użu ta’ “notifika alternattiva” jitqiesu li ġew innotifikati meta jkunu ġew ikkonsenjati u jkun intbagħat avviż lir-riċevitur.

Id-dokumenti nnotifikati minn uffiċjal ġudizzjarju billi d-dokumenti jitħallew fuq il-post jitqiesu li ġew innotifikati meta jkunu tħallew kif deskritt hawn fuq taħt il-mistoqsija 7.1.

Id-dokumenti nnotifikati permezz tal-pubblikazzjoni jitqiesu li ġew innotifikati ġimagħtejn wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jiġu nnotifikati b’dak il-mod, sakemm ikunu ġew ippubblikati u ttieħdu miżuri preskritti oħrajn fi żmien xieraq (fi żmien 10 ijiem).

7.3 Jekk metodu ieħor ta’ notifika jkun id-depożitu tad-dokumenti f’post partikolari (pereż. fl-uffiċċju tal-posta), id-destinatarju kif jiġi infurmat b’dak id-depożitu?

Jekk dokument ikun kbir jew għal xi raġuni ma jkunx xieraq li jintbagħat lir-riċevitur jew jitħalla għandu, l-awtorità tista’ minflok tiddeċiedi li tħallih disponibbli għand l-awtorità jew f’post ieħor tal-għażla tal-awtorità għal ċertu żmien. Ir-riċevitur irid jiġi avżat bil-kontenut ta’ dik id-deċiżjoni.

7.4 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta n-notifika tad-dokumenti, xi jkunu l-konsegwenzi? Id-dokumenti jitqiesu bħala effetivament notifikati jekk ir-rifjut ma jkunx leġittimu?

Jekk ir-riċevitur jirrifjuta li jirċievi dokument innotifikat minn uffiċjal ġudizzjarju, id-dokument xorta jitqies li ġie nnotifikat jekk jitħalla fl-indirizz tal-konsenja.

8 Notifika postali minn barra l-pajjiż (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti)

8.1 Jekk is-servizz postali jwettaq il-konsenja ta’ dokument mibgħut minn barra lil destinatarju f’dan l-Istat Membru f’sitwazzjoni fejn ikun hemm bżonn konferma tar-riċevuta (l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti), is-servizz postali jwettaq il-konsenja lid-destinatarju stess biss jew jista’, skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta, iwettaq il-konsenja tad-dokument lil persuna oħra fl-istess indirizz ukoll?

Id-dokumenti nnotifikati bil-posta jistgħu jintbagħtu bil-posta rreġistrata. Id-dokument mibgħut ikun disponibbli fl-uffiċċju postali, fiċ-ċentru kummerċjali postali jew fl-uffiċċju tat-trasportatur postali rurali. Dan irid jiġi ffirmat mir-riċevitur indikat jew mir-rappreżentant tiegħu wara li jippreżenta prova tal-identità. Huwa possibbli wkoll għall-klijent tas-servizz postali li tispeċifika li jiġi aċċettat biss li n-notifika ssir personalment.

8.2 Skont ir-regoli tal-konsenja tal-posta f’dan l-Istat Membru, kif tista’ ssir in-notifika ta’ dokumenti minn barra, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, jekk la d-destinatarju u lanqas xi ħaddieħor li jkun awtorizzat jirċievi n-notifika (jekk possibbli skont ir-regoli nazzjonali tal-konsenja tal-posta – ara aktar ’il fuq) ma jkun instab fl-indirizz tal-konsenja?

Jekk dokument ma jkunx jista’ jiġi nnotifikat bil-posta reġistrata, ma hemm l-ebda mod ieħor kif jista’ jiġi nnotifikat bil-posta. Minflok jistgħu jiġu kkunsidrati miżuri oħrajn ta’ notifika, bħal notifika minn uffiċjal ġudizzjarju.

8.3 L-uffiċċju tal-posta jippermetti perjodu speċifiku għall-ġbir tad-dokumenti qabel ma d-dokumenti jintbagħtu lura għaliex ma jkunux ġew konsenjati? Jekk iva, kif jiġi infurmat id-destinatarju li għandu l-posta x’jiġbor mill-uffiċċju tal-posta?

Ir-riċevituri ta’ dokument mibgħut bil-posta reġistrata jiġu avżati b’avviż mibgħut fl-indirizz tad-dar tagħhom jew b’SMS jew b’ittra elettronika. Id-dokument normalment jibqa’ fil-post tal-konsenja għal 14-il jum mid-data tal-wasla.

9 Ikun hemm prova bil-miktub li d-dokument ikun ġie notifikat?

Normalment ikun hemm irċevuta mill-persuna li tkun trid tiġi nnotifikata bid-dokument jew dokument imfassal mill-awtorità jew mill-qorti bħala prova li d-dokument ġie nnotifikat bit-telefown, b’notifika alternattiva jew b’affissjoni.

10 X’jiġri jekk xi ħaġa tmur ħażin u d-destinatarju tan-notifika ma jirċevix id-dokument jew jekk in-notifika ssir bi ksur tal-liġi (pereż. id-dokument jiġi notifikat lil terza persuna)? Minkejja dan, in-notifika tad-dokument tista’ titqies valida (pereż. hemm rimedju għall-ksur tal-liġi) jew trid issir notifika ġdida tad-dokument?

Kwalunkwe prova tista’ tiġi ppreżentata lill-qrati Żvediżi u vvalutata minnhom. Jekk ikun jista’ jiġi stabbilit li persuna tkun ħadet konjizzjoni ta’ dokument, huwa immaterjali jekk dak id-dokument ikunx ġie nnotifikat skont il-liġi. Għalhekk, fihom infushom, l-iżbalji ta’ formalità ma jfissrux li d-dokument irid jerġa’ jiġi nnotifikat; minflok, il-fattur essenzjali huwa jekk id-dokument ġiex riċevut mid-destinatarju tiegħu.

Jekk, mill-banda l-oħra, jista’ jiġi stabbilit li l-persuna li kellha tkun innotifikata bid-dokument ma tkunx irċevietu jew jekk ir-regoli dwar in-notifika ma jkunux ġew segwiti, sentenza tista’ titħassar permezz ta’ dawk li jissejħu rimedji legali straordinarji.

11 Jekk id-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument abbażi tal-lingwa użata (l-Artikolu 12 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti) u l-qorti jew l-awtorità invokata tal-proċedimenti ġudizzjarji tiddeċiedi, wara li twettaq verifika, li r-rifjut ma kienx ġustifikat, jeżisti xi rimedju legali speċifiku biex dik id-deċiżjoni tiġi kkontestata?

Kull min iqis li dokument ġie nnotifikat lilu b’mod mhux xieraq jista’, fil-kuntest tas-sentenza finali, jappella kontra d-deċiżjoni dwar in-notifika. Jekk il-qorti superjuri ssib li d-dokument ikun effettivament ġie nnotifikat b’mod mhux xieraq, il-proċedimenti jistgħu jerġgħu jinfetħu fil-qorti inferjuri.

12 Hemm xi ħlas għan-notifika ta’ dokument, u jekk hemm, kemm hu l-ħlas? Hemm differenza bejn meta d-dokument għandu jiġi notifikat skont il-liġi domestika u meta t-talba ta’ notifika toriġina minn Stat Membru ieħor? Ara wkoll in-notifika taħt l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar in-Notifika ta’ Dokumenti, rigward in-notifika ta’ dokument minn Stat Membru ieħor

Meta awtorità tkun responsabbli għan-notifika ta' dokumenti, l-ispejjeż ta' dik in-notifika jġarrabhom l-Istat. Dan ifisser, pereżempju, li l-attur fi proċedimenti ċivili ma għandux għalfejn jirrimborża lill-qorti tal-ispejjeż imġarrba minnha għan-notifika ta' ċitazzjoni lill-konvenut.

Persuni individwali jew partijiet li jkunu jixtiequ jinnotifikaw dokument lil xi ħadd, iridu jħallsu l-ispejjeż ta’ dik in-notifika huma stess. Pereżempju, il-ħlas biex wieħed iqabbad impjegat tal-Awtorità tal-Pulizija Żvediża bħala uffiċjal ġudizzjarju huwa ta’ SEK 1 000.

L-aħħar aġġornament: 19/06/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.