Deskrizzjoni ġenerali
It-taħriġ inizjali huwa obbligatorju għall-apprendisti ġudizzjarji kollha u għall-maġistrati maħturin ġodda. Huwa organizzat mill-Istitut Belġjan għat-Taħriġ Ġudizzjarju fiż-żewġ lingwi nazzjonali ewlenin (il-Franċiż jew l-Olandiż).
Aċċess għat-taħriġ inizjali
It-taħriġ inizjali għandu żewġ gruppi fil-mira:
- Apprendisti ġudizzjarji
L-apprendisti ġudizzjarji jintgħażlu wara eżami tad-dħul kompetittiv organizzat kull sena mill-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja. In-numru ta’ postijiet disponibbli jiġi stabbilit kull sena mill-Ministeru għall-Ġustizzja għal kull rwol lingwistiku. Il-kandidati kwalifikati kif xieraq biss jistgħu jibdew il-prattika ġudizzjarja, li tibda fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena u ddum sentejn. It-taħriġ inizjali obbligatorju jseħħ matul il-prattika tagħhom.
- Maġistrati maħturin ġodda
Il-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja jorganizza l-eżamijiet tal-aptitudni annwali għall-maġistrati kandidati b’tal-anqas 5 snin (fl-uffiċċji tal-prosekuturi) jew 10 snin (fil-qrati) esperjenza professjonali, kif ukoll eżamijiet ta’ evalwazzjoni orali (l-hekk imsejjaħ “eżami tat-tielet mezz”) għall-avukati b’tal-anqas 20 sena esperjenza. Il-kandidati li jgħaddu jirċievu ċertifikat li jippermettilhom japplikaw għal pożizzjoni vakanti fil-maġistratura fi żmien 5 snin minn meta jirċievu ċ-ċertifikat. Il-proċedura tal-għażla hija organizzata wkoll mill-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja. Wara li jinħatru, iridu jsegwu progrmam ta’ taħriġ inizjali mfassal apposta (bil-Franċiż jew bl-Olandiż).
Format u kontenut tat-taħriġ inizjali
Għall-apprendisti ġudizzjarji, it-taħriġ inizjali jdum sentejn, b’bidu annwali fl-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Settembru sentejn wara. Jibda bi prattika ta’ 11-il xahar fl-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku, li matulu l-apprendist iwettaq id-dmirijiet ta’ prosekutur pubbliku taħt is-superviżjoni ta’ superviżur tal-apprendisti. Fi tmiem il-prattika fl-uffiċċju tal-prosekuturi pubbliċi, is-superviżur ifassal rapport dwar il-prattika. Minn Settembru sa Diċembru tas-sena ta’ wara, l-apprendist jagħmel prattika esterna ta’ 3 xhur fis-servizzi ġudizzjarji (il-qorti, il-ħabs, il-korp tal-pulizija, eċċ.). Minn Diċembru ’l quddiem, il-prattika tibda fil-qorti fejn l-apprendist iħejji sentenzi, anki taħt is-superviżjoni ta’ superviżur tal-apprendisti fil-qorti, li mbagħad ifassal ukoll rapport dwar il-prattika fi tmiem il-prattika (tmiem Settembru).
Matul din il-prattika ta’ sentejn, il-apprendisti jeħtiġilhom isegwu programm ta’ taħriġ obbligatorju (bil-Franċiż jew bl-Olandiż) ta’ 60 jum b’kollox, inklużi tliet seminars residenzjali ta’ ġimgħa kull wieħed u numru ta’ jiem ta’ taħriġ fuq suġġetti speċifiċi. Kors ta’ taħriġ speċjali huwa ddedikat għall-kooperazzjoni internazzjonali f’materji kriminali. Il-korsijiet ta’ taħriġ obbligatorji l-oħrajn jittrattaw ukoll il-leġiżlazzjoni Ewropea, meta applikabbli.
Il-parteċipazzjoni fil-programm AIAKOS tal-EJTN hija obbligatorja wkoll: L-apprendisti jagħmlu ġimgħa ta’ skambju barra l-pajjiż, li warajha jieħdu sehem ukoll fil-ġimgħa tal-AIAKOS fil-Belġju organizzata mill-Istitut tat-Taħriġ Ġudizzjarju tal-Belġju (IGO-IFJ) għall-parteċipanti barranin, li jiffoka primarjament fuq id-dritt Ewropew, il-ħiliet lingwistiċi u n-networking.
Jekk l-apprendist ilesti l-prattika b’suċċess u jkun segwa l-korsijiet ta’ taħriġ obbligatorji kollha, jirċievi ċertifikat tal-prattika li jippermettilu japplika għall-pożizzjonijiet vakanti sabiex isir maġistrat. Ma hemm l-ebda eżami addizzjonali.
Għall-maġistrati maħturin ġodda, li japplikaw fuq il-bażi taċ-ċertifikat tal-eżami tal-aptitudni tagħhom u mbagħad jibdew direttament bħala maġistrat malli jinħatru, huwa pprovdut programm ta’ taħriġ imqassar. Jinkludi l-korsijiet ta’ taħriġ obbligatorji rilevanti għall-kariga tagħhom.
Kemm il-apprendisti ġudizzjarji kif ukoll il-maġistrati maħturin ġodda jistgħu jieħdu korsijiet lingwistiċi, iżda dawn ma humiex obbligatorji.
Ħafna mill-korsijiet ta’ taħriġ jiġu mgħallmin minn maġistrati fis-servizz u minn esperti esterni. Il-korsijiet ta’ taħriġ kollha jixħtu attenzjoni partikolari fuq l-applikazzjoni prattika tal-ħiliet miksubin, billi jorganizzaw workshops, eżerċizzji jew simulazzjonijiet tar-rwoli.
Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u tal-proċess ta’ kwalifika
Il-pożizzjonijiet vakanti kollha għall-maġistrati jiġu ppubblikati fil-Gazzetta Uffiċjali tal-Belġju.
Il-kandidati li jgħaddu mill-eżami tal-aptitudni professjonali u mill-eżami ta’ evalwazzjoni orali, l-apprendisti fil-pussess ta’ ċertifikat tal-prattika u l-maġistrati maħturin diġà jistgħu japplikaw għal dawn il-pożizzjonijiet vakanti permezz tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja jitlob xi opinjonijiet dwar il-kandidat, pereżempju mingħand il-Kamra tal-Avukati (għall-avukati li japplikaw), il-maniġer tal-qorti futur u l-maniġer tal-qorti kurrenti (jekk appilkabbli).
Il-fajl tal-kandidatura (inklużi l-opinjonijiet riċevuti) jintbagħat lill-Kunsill Superjuri tal-Ġustizzja, li mbagħad jistieden lill-kandidati għal seduta li fiha jistgħu jimmotivaw u jipprovdu informazzjoni ulterjuri dwar il-kandidatura tagħhom.
Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi kollha, il-Kunsill Superjuri jipproponi l-kandidati bl-aħjar klassifikazzjoni lill-Ministru għall-Ġustizzja fid-dawl ta’ ħatra uffiċjali.
Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja hija responsabbli għall-għażla u għan-nomina tal-maġistrati.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.