Sib informazzjoni għal kull reġjun
Deskrizzjoni ġenerali
L-ewwel nett, għandu jiġi nnotat li huwa diffiċli li tingħata informazzjoni preċiża f’dan ir-rigward billi huma l-Länder (l-istati federali tagħna) li għandhom il-kompetenza għal kwistjonijiet dettaljati relatati mat-taħriġ legali inizjali. L-Att Ġudizzjarju Ġermaniż (Deutsches Richtergesetz, DRiG) fih biss regoli fundamentali li jikkonċernaw it-taħriġ inizjali tal-ġuristi. Id-dettalji huma rregolati bil-liġijiet tas-16-il Länder.
Skont id-DRiG, it-taħriġ legali inizjali fil-Ġermanja huwa mfassal bħala taħriġ komuni għall-professjonisti legali kollha; isir f’żewġ stadji: studji universitarji (Studium) u taħriġ prattiku fis-servizz preparatorju (Vorbereitungsdienst).
Tista’ ssib id-dettalji eżatti fl-Artikoli 5, 5a sa 5d u 6 tad-DRiG, ara mehmuż id-DRiG bit-traduzzjoni bl-Ingliż.
Aċċess għat-taħriġ inizjali
Sabiex tkun tista’ tistudja l-liġi, hija meħtieġa kwalifika ġenerali għad-dħul fl-università. L-istudenti jiksbu din malli jlestu l-Abitur jew kwalifika ekwivalenti. Madankollu, l-għażla ta’ ċerti suġġetti tal-iskola ma taffettwax ir-reġistrazzjoni.
Format u kontenut tat-taħriġ inizjali
1. Studji universitarji
L-istadju tal-istudji universitarji, li b’mod ġenerali għandu l-għan li jipprovdi lill-istudenti b’għarfien bażiku dwar id-dritt ċivili, kriminali u pubbliku (inklużi l-aspetti storiċi, filosofiċi, soċjali u ekonomiċi ta’ dawk is-suġġetti sabiex jiġi offrut tagħrif dwar is-sistema ġuridika u ġudizzjarja bħala ħaġa sħiħa). L-istudenti jitħarrġu wkoll fil-metodoloġija tal-analiżi tal-fatti, fl-applikazzjoni tal-liġi, u fis-sejbien ta’ soluzzjoni ġusta f’każ partikolari. L-istudji jintemmu bl-Ewwel Eżami fil-Liġi (Erste juristische Staatsprüfung), li jikkonsisti f’eżamijiet bil-miktub u orali. L-awtoritajiet kompetenti għall-Ewwel Eżami fil-Liġi huma l-awtorità tal-eżamijiet legali f’kull Land (Landesjustizprüfungsamt) u l-università fejn studja l-kandidat. L-awtoritajiet tal-eżamijiet huma responsabbli għat-twettiq tal-eżamijiet.
Għall-parti tal-Ewwel Eżami, il-kandidati jridu jagħmlu bejn ħames u seba’ eżamijiet (skont il-Land), b’kull wieħed idum ħames sigħat. L-eżamijiet jikkonsistu f’kawżi fittizji bbażati fuq kawżi legali reali, li l-kandidati huma meħtieġa jsolvu fil-forma ta’ opinjoni ġuridika. Imbagħad, ikunu meħtieġa jagħmlu eżami orali, li jirrappreżenta bejn 63 u 75% (skont il-Land) tar-riżultat kumplessiv.
2. Prattika
Wara li jgħaddu mill-Ewwel Eżami (li minnu jeħlu kważi kwart tal-kandidati), kważi l-kandidati kollha jidħlu għas-servizz preparatorju, li jdum sentejn u jiġi organizzat individwalment mid-dipartimenti tal-ġustizzja tas-16-il Länder. Kull kandidat li jgħaddu mill-Ewwel Eżami jkollu d-dritt ta’ ammissjoni għas-servizz preparatorju. Madankollu, jista’ jkun li l-applikanti jkollhom bżonn jistennew għaliex ma jkunx hemm biżżejjed postijiet ta’ taħriġ, b’mod partikolari fil-qrati. Matul dan it-taħriġ prattiku, dawn jirċievu remunerazzjoni fix-xahar imħallsa mill-fondi tat-teżor. L-għan tas-servizz preparatorju huwa li jintroduċi lill-parteċipant (apprendist, “Referendar”) għar-realtà tal-professjonijiet legali differenti. Hawnhekk ta’ min jinnota li s-servizz huwa komuni għall-membri futuri kollha tal-professjonijiet legali, l-avukati, l-imħallfin, il-prosekuturi pubbliċi, in-nutara, l-avukati fil-gvern u l-bqija. Barra minn hekk, l-għan huwa li jkun hemm standard paragunabbli ta’ taħriġ b’eżami finali ekwivalenti, it-Tieni Eżami tal-Istat. L-apprendist jgħaddi minn diversi stadji – f’qorti ċivili, f’qorti kriminali (jew uffiċċju tal-prosekuzzjoni pubbliku), fl-uffiċċju ta’ avukat prattikanti, f’awtorità amministrattiva u f’aġenzija tal-għażla tiegħu. Minkejja li t-taħriġ primarjament ikun ta’ natura prattika, ma jistax jiġi miċħud li jiġu indirizzati biss ċerti aspetti tal-prattika li huma, madankollu, ta’ importanza kbira.
Matul id-diversi stadji tat-taħriġ, l-apprendisti tal-anqas isiru midħla tad-dritt proċedurali.
Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u tal-proċess ta’ kwalifika
Fit-Tieni Eżami Statali fil-Liġi (Zweites Juristisches Staatsexamen), l-għarfien u l-ħiliet jiġu ttestjati fir-rigward tad-dritt proċedurali b’enfasi akbar milli fl-Ewwel Eżami. Bħala regola, l-abbozzar ta’ sentenza jew ta’ att ta’ akkuża, fuq il-bażi ta’ proċess reali, jikkostitwixxi l-parti ewlenija tal-eżamijiet bil-miktub. Fl-eżamijiet orali, il-kawżi jerġgħu jiġu studjati b’ċerta enfasi fuq mistoqsijiet prattiċi. Lanqas it-Tieni Eżami ma hu faċli, minkejja li r-rata ta’ dawk li jeħlu hija ferm anqas (madwar tmienja fil-mija). Kull sena, kważi 10,000 apprendist jgħaddu mit-Tieni Eżami Statali.
Għat-Tieni Eżami Statali, il-kandidati jridu jagħmlu bejn tmien u 11-il eżami bil-miktub li kull wieħed minnhom idum ħames sigħat; l-eżami bil-miktub jirrappreżenta bejn 60 u 75% tal-marka finali. F’ħafna mil-Länder, il-kandidati jridu jagħmlu eżamijiet li fihom ikunu meħtieġa jsolvu kawża partikolari. Spiss ikunu jridu jaqtgħu sentenza. Fl-eżamijiet orali f’xi Länder, il-kandidati jkunu meħtieġa jwieġbu għal kwistjonijiet ta’ liġi. F’Länder oħrajn, ikunu meħtieġa jħejju proċess u jippreżentaw ir-riżultat tagħhom lill-eżaminaturi wkoll. Japplikaw sistemi differenti. F’kuntrast mal-Ewwel Eżami, ħafna mil-Länder issa jippermettu l-użu ta’ kummentarji predeterminati fit-Tieni Eżami Statali fil-Liġi.
It-Tieni Eżami Statali fil-Liġi jagħti l-“kwalifika għal kariga ġudizzjarja” (Befähigung zum Richteramt). Minkejja t-terminu, din il-kwalifika hija l-prerekwiżit għall-prattika tal-professjonijiet legali kważi kollha, kif previst mill-istatut. Wara li jikseb il-kwalifika għal kariga ġudizzjarja, il-kandidat ikun jista’ japplika għall-kariga ta’ mħallef jew ta’ prosekutur fil-Länder. Il-prekundizzjonijiet għall-ħatriet ta’ mħallfin fil-Ġermanja huma stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Att Ġudizzjarju Ġermaniż. Minbarra dan, kull Land jistabbilixxi dispożizzjonijiet aktar preċiżi (il-gradi fiż-żewġ eżamijiet, il-kwalifiki ulterjuri mitlubin, l-intervisti tax-xogħol jew iċ-ċentri ta’ valutazzjoni) sabiex jintgħażlu l-aqwa kandidati.”
Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 2, l-Artikoli 5 u 6 tal-Att Ġudizzjarju Ġermaniż.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.