Taħriġ inizjali tal-imħallfin u tal-prosekuturi fl-Unjoni Ewropea

Greċja

Greċja

Deskrizzjoni ġenerali

Fil-Greċja, it-taħriġ inizjali obbligatorju għall-imħallfin u għall-prosekuturi huwa offrut mill-Iskola Nazzjonali tal-Imħallfin, li twaqqfet fl-1995 f’Tessalonika bħala entità pubblika, taħt is-superviżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja. Hemm erba’ kategoriji ta’ apprendisti:

  1. Imħallfin amministrattivi (Kunsill tal-Istat, Qorti tal-Awditjar, qrati amministrattivi)
  2. Imħallfin ċivili/kriminali
  3. Prosekuturi
  4. Imħallfin tal-paċi.

Il-bażi statutorja kurrenti tat-taħriġ hija l-Artikolu 88 tal-Kostituzzjoni u l-Liġi Nru 4871/2021, li ġiet adottata reċentement (10.12.2021), li temenda l-leġiżlazzjoni preċedenti. In-numru ta’ apprendisti f’kull kategorija (waħda fis-sena) ivarja skont in-numru ta’ mħallfin mistennijin jirtiraw matul is-sena ta’ wara. Normalment, għal kull klassi (sena) jitħarrġu 130-200 apprendist tal-kategoriji kollha.

Aċċess għat-taħriġ inizjali

Kull sena jiġu organizzati tliet eżamijiet tad-dħul, wieħed għall-imħallfin amministrattivi, wieħed għall-prosekuturi u wieħed għall-imħallfin ordinarji (eżami komuni għall-imħallfin ċivili/kriminali u għall-imħallfin tal-paċi). Dawk li huma eliġibbli sabiex japplikaw huma:

  1. avukati li pprattikaw il-liġi għal tal-anqas sentejn, sakemm ma jkollhomx PhD fil-liġi, f’liema każ sena ta’ prattika waħda biss tkun meħtieġa,
  2. persunal ġudizzjarju li jkollu lawrja fil-liġi u li jkun ħadem tal-anqas 3 snin fil-qrati,
  3. membri tas-Servizz Legali tal-Istat,
  4. imħallfin tal-paċi (għal kwalunkwe kategorija oħra).

Il-kandidati kollha jeħtieġ li jkollhom 28-40 sena (fis-sena tal-eżami) u ma jistax ikollhom fedina penali mhux nadifa.

Kull eżami jitmexxa b’panel ta’ ħames membri (sitta għall-imħallfin amministrattivi), li l-maġġoranza tagħhom ikunu mħallfin u prosekuturi anzjani, u jinkludi eżamijiet kemm bil-miktub kif ukoll orali. L-eżamijiet bil-miktub isiru f’żewġ fażijiet. Fl-ewwel fażi, il-kandidati jagħmlu eżami b’lingwa barranija (għażla bejn l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż u t-Taljan). Dawk li jgħaddu minn din il-fażi, jieħdu sehem fit-tieni fażi, li tinkludi erba’ testijiet f’oqsma differenti tad-dritt domestiku, rilevanti għal kull kategorija. L-eżamijiet bil-miktub kollha jsiru f’Tessalonika. Il-kandidati li jgħaddu mill-eżamijiet bil-miktub jieħdu sehem fl-eżamijiet orali mwettqin fuq l-istess suġġetti bħal dawk bil-miktub (flimkien mad-dritt tal-UE), fil-pubbliku quddiem il-panel rispettiv. L-eżamijiet orali jsiru fil-Kunsill tal-Istat (għall-imħallfin amministrattivi) u fil-Qorti Suprema u fil-Qorti Kriminali (għall-kategoriji l-oħrajn kollha).

Bħalissa ma hemm l-ebda rotta ta’ aċċess alternattiva għall-Ġudikatura.

Format u kontenut tat-taħriġ inizjali

Id-durata tat-taħriġ hija ta’ 16-il xahar u hija mqassma fuq żewġ fażijiet. Matul l-ewwel fażi (10 xhur), l-apprendisti jagħmlu primarjament taħriġ teoretiku fl-Iskola Nazzjonali tal-Imħallfin. Dan il-perjodu jerġa’ jinqasam f’żewġ partijiet. Matul l-ewwel 5 xhur, l-apprendisti jagħmlu taħriġ ġenerali, filwaqt li matul il-5 xhur li jifdal, l-apprendisti ta’ kull kategorija jispeċjalizzaw fl-iskop tal-qrati fejn ikunu se jservu (fuq il-bażi tal-marka fl-eżami tad-dħul u tal-marka medja fl-ewwel parti tal-ewwel fażi) u jagħmlu l-eżamijiet finali tagħhom. Matul it-tieni fażi (6 xhur), jagħmlu taħriġ prattiku fil-qrati assenjati, skont il-kategorija tagħhom.

L-objettivi tat-taħriġ jinkludu l-ħakma tal-ġestjoni tal-kawżi u tal-ħin, iż-żamma ta’ għarfien aġġornat fid-dritt u fil-ġurisprudenza (kemm domestiċi kif ukoll tal-UE) u fi kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija tal-informazzjoni (inkluża l-IA), il-kapaċità ta’ ħidma f’ambjent internazzjonali, u wkoll l-iżvilupp ta’ ħiliet personali importanti, bħall-indipendenza u r-rispett tad-drittijiet fundamentali tar-Repubblika u l-etika ġudizzjarja, l-imġiba xierqa fir-rigward tal-kollegi, tal-persunal tal-qorti, tal-avukati u tal-partijiet, il-ħiliet ta’ komunikazzjoni u ta’ kooperazzjoni, eċċ. Dawn l-objettivi jinkisbu, pereżempju, billi jirċievu taħriġ lingwistiku, jipparteċipaw - taħt il-gwida ta’ ħarrieġa ta’ esperjenza - fi proċessi u f’deliberazzjonijiet fittizji, workshops, gruppi ta’ ħidma, żjarat edukattivi, attivitajiet tal-EJTN/ERA, programmi ta’ skambju, eċċ. Il-ħarrieġa jinkludu primarjament imħallfin, filwaqt li jistgħu jiġu involuti akkademiċi u esperti wkoll, skont is-suġġett. Matul it-tieni fażi tat-taħriġ (taħriġ prattiku), il-ħarrieġa jkunu l-imħallfin li jservu fil-qrati rispettivi, taħt is-superviżjoni ta’ mħallef anzjan.

Terminazzjoni tat-taħriġ inizjali u tal-proċess ta’ kwalifika

Matul l-ewwel fażi tat-taħriġ inizjali, l-apprendisti jiġu evalwati minn seba’ ħarrieġa. Fi tmiem l-ewwel fażi, l-apprendisti li jgħaddu (dawk li jiksbu medja ta’ 8/15) jagħmlu eżami finali bil-miktub, immexxi minn panel ta’ tliet imħallfin. Dan l-eżami jinkludi tliet testijiet fuq tliet kawżi ipotetiċi (marka biex tgħaddi: medja ta’ 8/15).

Fi tmiem l-ewwel fażi, il-klassifikazzjoni f’kull kategorija tkun ibbażata fuq

  1. il-marka fl-eżami tad-dħul, li tgħodd għal 30 % tal-marka finali,
  2. il-marka fl-evalwazzjoni tal-ewwel fażi, li tgħodd għal 30 % tal-marka finali, u
  3. il-marka fl-eżami finali, li tgħodd għal 40 % tal-marka finali.

Il-klassifikazzjoni f’dan l-istadju hija partikolarment importanti għall-imħallfin amministrattivi, għaliex skont fejn jikklassifikaw, il-pożizzjonijiet vakanti f’kull qorti (il-Kunsill tal-Istat u l-qrati amministrattivi) u l-preferenza tagħhom, l-apprendisti jiġu allokati għal qrati differenti għat-tieni fażi tat-taħriġ inizjali (taħriġ prattiku).

L-evalwazzjoni matul it-tieni fażi tat-taħriġ issir billi kull apprendist jiġi allokat f'wieħed mill-erba’ saffi, skont il-prestazzjoni tiegħu. Dawk li jiġu fl-ewwel saff jirċievu spinta ta’ 1.2 għall-marka tal-ewwel fażi tagħhom, dawk li jiġu fit-tieni saff jirċievu spinta ta’ 1.5, dawk li jiġu fit-tielet saff jirċievu spinta ta’ 1/1 u dawk li jiġu fir-raba’ saff ma jirċievu l-ebda spinta.

B’hekk, tiġi kkalkolata l-marka finali u tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni finali.

Il-klassifikazzjoni finali hija importanti għall-ħatra sussegwenti tal-imħallfin tal-qrati amministrattivi, tal-imħallfin ordinarji u tal-prosekuturi fil-Qrati tal-Prim’Istanza u fil-qrati tal-paċi madwar il-pajjiż għal perjodu ta’ prova ta’ 10 xhur (qabel ma jinħatru għal għomorhom). Il-ħatriet kollha jsiru formalment permezz ta’ digriet presidenzjali segwit minn deċiżjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (l-Artikolu 90 tal-Kostituzzjoni, l-Artikoli 67 u 78 tal-Liġi Nru 1756/1988). Meta jaħtar l-imħallfin u l-prosekuturi, il-Kunsill ikun marbut bil-klassifikazzjoni msemmija aktar ’il fuq.

L-aħħar aġġornament: 19/08/2024

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.