- 1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
- 2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
- 3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
- 4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
Iva. L-imgħax ta’ inadempjenza statutorju huwa l-imgħax li għandu jħallas debitur ta’ obbligu pekunjarju fuq pretensjonijiet pendenti. Għalhekk, debitur li jonqos li jħallas obbligu pekunjarju fil-ħin ikollu jħallas ukoll imgħax ta’ inadempjenza, minbarra l-ammont tal-kapital.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
Il-liġi ġenerali dwar l-imgħax ta’ inadempjenza hija l-Att dwar l-Obbligi Ċivili (Zakon o obveznim odnosima) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nri 35/05, 41/08, 125/11, 78/15 u 29/18) - l-Artikoli 29-31. Dan l-Att japplika sakemm ma jkunx hemm leġiżlazzjoni partikolari li tipprovdi mod ieħor għal persuni u obbligi speċifiċi. Skont dan l-Att, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju fuq obbligi li jirriżultaw minn kuntratti kummerċjali u kuntratti bejn operatur tas-suq u persuna rregolata mid-dritt pubbliku għandha tiġi ddeterminata fuq bażi semiannwali billi r-rata tal-imgħax medja fuq is-self awtorizzat għal perjodu ta’ aktar minn sena għal kumpaniji mhux finanzjarji tiżdied b’ħames punti perċentwali, ikkalkolata għall-perjodu referenzjarju preċedenti għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali, bi tliet punti perċentwali f’każ ta’ obbligi oħrajn.
Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne Novine.
Ir-rata tal-imgħax medja użata għall-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali (mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020) hija ta’ 3.11 %. Għalhekk, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju hija ta’ 8.11% fuq obbligi li jirriżultaw minn kuntratti kummerċjali u kuntratti bejn operatur tas-suq u persuna rregolata mid-dritt pubbliku u 6.11% fuq obbligi oħrajn (eż. obbligi li jirriżultaw minn ftehimiet ta’ kreditu u kuntratti oħrajn tad-dritt ċivili, obbligi ekstrakuntrattwali - kumpens, arrikkiment indebitu).
Il-liġi speċifika li tippreskrivi r-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju għal ċerti obbligi hija l-Att dwar in-Negozju Finanzjarju u s-Soluzzjoni ta’ Prefalliment (Zakon o financijskom poslovanju i predstečajnoj nagodbi) (NN; Nri. 108/12, 144/12, 81/13, 112/13, 71/15 u 78/15). Dan l-att ittraspona fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali. L-Att japplika għal dewmien fil-ħlas fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn intrapriżi u bejn intrapriżi u persuni rregolati mid-dritt pubbliku għal provvista ta’ prodotti jew servizzi bi ħlas fejn il-persuna rregolata mid-dritt pubbliku tkun id-debitur. Skont dan l-Att, l-imgħax statutorju għal ħlasijiet tardivi huwa r-rata tal-imgħax normattiva miżjuda bi tmien punti perċentwali. Ir-rata tal-imgħax normattiva hija r-rata tal-imgħax medja fuq is-self awtorizzat għal perjodu ta’ aktar minn sena lill-kumpaniji mhux finanzjarji, ikkalkolata għall-perjodu referenzjarju preċedenti għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali, bi tnaqqis ta’ tliet punti perċentwali.
Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne Novine.
Ir-rata tal-imgħax normattiva użata għall-kalkolu tal-imgħax ta’ inadempjenza statutorju għall-perjodu ta’ sitt xhur attwali (mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020) hija ta’ 0.11 %. Għalhekk, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020, ir-rata tal-imgħax statutorja għal dewmien fil-ħlasijiet fi tranżazzjonijiet kummerċjali bejn intrapriżi u bejn intrapriżi u persuni rregolati mid-dritt pubbliku, fejn il-persuna rregolata mid-dritt pubbliku tkun id-debitur, hija ta’ 8.11 %.
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Ir-rata tal-imgħax medja għall-perjodu referenzjarju tiġi ddeterminata mill-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka), li jrid jippubblikaha fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju f’Narodne Novine.
Jista’ jinkiseb aċċess għan-Narodne Novine mill-ħolqa segwenti: https://narodne-novine.nn.hr/
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Jista’ jinkiseb aċċess għan-Narodne Novine bla ħlas mill-ħolqa segwenti: https://narodne-novine.nn.hr/
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.