- 1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
- 2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
- 3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
- 4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?
Skont l-Artikolu 113 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi, meta t-twettiq ta' obbligu monetarju jiġi mdewwem, il-kreditur jista' jitlob lid-debitur sabiex iħallas l-imgħax fuq l-arretrati (penali għal ħlas tardiv) għall-perjodu miż-żmien li l-obbligu jkun dovut sakemm l-obbligu jiġi debitament issodisfat.
Meta r-rata tal-imgħax fuq l-arretrati ma tkunx ġiet miftiehma b'mod kuntrattwali, il-kreditur jista' jitlob l-imgħax fuq l-ammont speċifikat mil-liġi. Skont l-Artikolu 113(1) tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi, ir-rata tal-imgħax statutorju hija dik speċifikata fl-Artikolu 94 tal-Att miżjuda bi tmienja fil-mija għal kull sena. Skont l-Artikolu 94(1) tal-Att, ir-rata tal-imgħax tiġi applikata fuq bażi ta' nofs sena u hija ugwali għar-rata tal-imgħax l-iktar reċenti applikabbli għall-operazzjonijiet ta' rifinanzjament prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew qabel l-1 ta' Jannar jew l-1 ta' Lulju ta' kull sena.
2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?
Ir-rata tal-imgħax prevista fl-Artikolu 94 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi hija ppubblikata darbtejn fis-sena minn Eesti Pank (il-Bank tal-Estonja) fuq is-sit web tiegħu u fil-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded. Fl-ikkalkolar tal-ammont tal-imgħax statutorju, tmienja fil-mija jiġi miżjud ma' din ir-rata f'konformità mal-Artikolu 113(1) ta' dan l-Att.
Għat-tieni nofs tal-2019, ir-rata prevista fl-Artikolu 94 kienet ta' 0,00 % u r-rata tal-imgħax statutorju kienet għalhekk 0,00 %+8 %=8,00 %.
Rati varji ta' mgħax statutorju mhumiex previsti fl-Estonja. L-Artikolu 113 tal-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi huwa applikat uniformement għal kull dewmien fit-twettiq ta' obbligu monetarju.
3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?
Informazzjoni ulterjuri dwar kif jiġi kkalkolat l-imgħax statutorju huwa disponibbli bl-Estonjan, pereżempju, fuq is-sit web Tarbijaveeb tal-konsumatur u l-portal Jurist Aitab tal-għajnuna legali.
4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?
L-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi huwa ppubblikat fuq is-sit web tal-Gazzetta tal-Gvern u t-traduzzjoni għall-Ingliż hija disponibbli hawnhekk.
L-informazzjoni dwar ir-rata tal-imgħax l-aktar reċenti tal-Bank Ċentrali Ewropew dwar l-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament prinċipali hija disponibbli fuq is-sit web tal-Bank tal-Estonja.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.