Rati tal-imgħax

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa permess “mgħax statutorju” fl-Istat Membru? Jekk iva, kif inhu definit “mgħax statutorju” f’dan l-Istat Membru?

L-imgħax ta’ inadempjenza huwa sanzjoni għall-inadempjenza fuq dejn. Jitħallas flimkien mad-dejn, u huwa stabbilit bħala persentaġġ tal-ammont pendenti. Bil-liġi, l-inadempjenza fuq dejn tibdel il-kontenut tad-drittijiet tal-kreditur u l-obbligi tad-debitur, billi tistabbilixxi drittijiet u obbligi ġodda flimkien mal-obbligu li jitħallas id-dejn, irrispettivament minn jekk id-debitur ikunx ikkawża l-inadempjenza jew le.

Għall-imgħax ta’ inadempjenza statutorju, id-dritt Slovakk jiddistingwi bejn mgħax ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 517(2) tal-Att Nru 40/1964, il-Kodiċi Ċivili (Občianský zákonník), u mgħax ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 369 tal-Kodiċi Kummerċjali (Obchodný zákonník). Skont id-dritt ċivili, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza ma tistax tiġi nnegozjata kuntrattwalment, jiġifieri l-partijiet kontraenti ma jistgħux jaqblu fuq rata ogħla minn dik stabbilita bil-liġi, b’kuntrast mad-dritt kummerċjali, li jiffavorixxi ftehim bejn in-negozji dwar ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza; jekk ma jintlaħaqx qbil dwar rata, il-kreditur huwa intitolat għal mgħax ta’ inadempjenza bir-rata statutorja.

Għaldaqstant, l-imgħax statutorju huwa mgħax ta’ inadempjenza sempliċi, u l-ammont tiegħu jkun definit bil-liġi skont jekk il-każ inkwistjoni jkunx kopert bid-dritt ċivili jew kummerċjali. Skont id-dritt ċivili, l-imgħax ta’ inadempjenza ma jistax ikun ogħla mir-rata speċifikata bil-liġi (jiġifieri rata aktar baxxa milli miftiehem) u fin-nuqqas ta’ ftehim kuntrattwali, l-imgħax ta’ inadempjenza, jekk il-kreditur jitlobha, jiġi stabbilit awtomatikament bir-rata statutorja. Skont id-dritt kummerċjali, l-imgħax ta’ inadempjenza jista’ jkun ogħla jew aktar baxx mill-imgħax statutorju, u l-imgħax ta’ inadempjenza statutorju huwa rilevanti biss fin-nuqqas ta’ ftehim kuntrattwali.

2 Jekk iva, x’inhu/x'inhi l-ammont / ir-rata u x’inhi l-bażi ġuridika għalih/a? Jekk huma permessi rati differenti ta’ mgħax statutorju, liema ċirkustanzi u kundizzjonijiet japplikaw?

Ir-rata statutorja għall-imgħax ta’ inadempjenza skont l-Artikolu 517(2) tal-Kodiċi Ċivili hija stabbilita bir-Regolament Nru 87/1995 (nariadenie č. 87/1995 Z.z.) b’tali mod li r-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza tkun ħames punti perċentwali ogħla mir-rata bażi tal-Bank Ċentrali Ewropew fl-ewwel jum tal-inadempjenza fuq dejn. Għaldaqstant, jiżdiedu ħames punti perċentwali mar-rata bażi tal-BĊE (jiġifieri r-rata għall-operazzjonijiet ewlenin ta’ rifinanzjament). Ir-rati tal-imgħax tal-BĊE għall-perjodi individwali jinsabu fis-sit web tal-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja. Ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza fl-ewwel jum tal-inadempjenza tapplika għall-perjodu tal-inadempjenza, u kull aġġustament sussegwenti għar-rata bażi tal-BĊE ma għandu l-ebda effett fuq ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza.

Skont id-dritt kummerċjali, l-imgħax statutorju huwa rregolat mill-Artikolu 369 tal-Kodiċi Kummerċjali, li skontu, fil-każ ta’ inadempjenza, il-kreditur ikun intitolat, jekk ikun ħeles mill-obbligi statutorji u kuntrattwali tiegħu, li jitlob mgħax ta’ inadempjenza bir-rata maqbula fil-kuntratt, bl-ebda rekwiżit għal xi notifika speċjali. Kif iddikjarat hawn fuq, ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza f’relazzjonijiet kummerċjali tista’ tiġi modifikata kuntrattwalment. Madankollu, anke meta jkun intlaħaq ftehim dwar l-imgħax ta’ inadempjenza, ir-rata trid tkun konformi mal-prinċipji tal-kummerċ ġust. Jekk le, ma jistax jiġi protett id-dritt skont dan il-ftehim, u dan ifisser li anke jekk ikun intlaħaq ftehim dwar ir-rata tal-imgħax, il-qorti ma tistax tagħti mgħax b’rata li tikser dawn il-prinċipji. Eċċezzjoni oħra tikkonċerna d-djun skont kuntratt konkluż mill-konsumatur meta l-konsumatur ikun id-debitur, meta l-imgħax ta’ inadempjenza maqbul ma jistax ikun ogħla mill-ammont speċifikat skont id-dritt ċivili.

Barra minn hekk, skont l-istess Artikolu, jekk ma jkun intlaħaq l-ebda ftehim dwar ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza, id-debitur ikun obbligat li jħallas l-imgħax ta’ inadempjenza bir-rata stabbilita mill-gvern Slovakk fir-Regolament Nru 21/2013(nariadenie č. 21/2013 Z.z.). Il-liġi tippermetti mgħax ta’ inadempjenza fiss u varjabbli. Ir-rata fissa tkun ugwali għar-rata bażi tal-BĊE fl-ewwel jum tal-inadempjenza b’żieda ta’ disa’ punti perċentwali; din ir-rata tapplika għall-perjodu tal-inadempjenza fuq id-dejn. B’hekk, kull aġġustament sussegwenti għar-rata bażi tal-BĊE ma jkollha l-ebda effett fuq ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza (għalhekk ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza tissejjaħ ir-rata fissa). Madankollu, minflok l-imgħax fiss il-kreditur jista’ jitlob mgħax ta’ inadempjenza varjabbli mingħand id-debitur u, għaldaqstant, jista’ jitlob li d-debitur iħallas mgħax ta’ inadempjenza bir-rata bażi tal-BĊE li tkun valida fl-ewwel jum ta’ nofs is-sena kalendarja rilevanti b’żieda ta’ tmien punti perċentwali. Jekk il-kreditur jagħżel mgħax ta’ inadempjenza varjabbli, dan il-metodu biex jiġi kkalkulat l-imgħax (mhux ir-rata stabbilita meta sseħħ l-inadempjenza, iżda l-metodu biex tiġi kkalkulata r-rata) japplika għall-perjodu ta’ inadempjenza fuq id-dejn. Għaldaqstant, l-imgħax ta’ inadempjenza varjabbli jfisser li r-rata ta’ mgħax ta’ inadempjenza tista’ tinbidel f’konformità mal-bidliet fir-rata bażi tal-BĊE li tkun valida fl-ewwel jum ta’ nofs is-sena kalendarja rilevanti, jiġifieri fl-1 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Lulju. Ir-rati tal-imgħax tal-BĊE għall-perjodi individwali jinsabu fis-sit web tal-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja.

3 Jekk meħtieġ, hemm aktar informazzjoni disponibbli dwar kif jiġi kkalkulat l-imgħax statutorju?

Il-metodu biex jiġi kkalkulat l-imgħax ta’ inadempjenza huwa stabbilit b’mod ċar u komprensiv fil-liġi. Ir-rata tal-imgħax ta’ inadempjenza attwali hija ppubblikata mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky) fis-sit web tiegħu. Tinsab ukoll informalment fuq http://www.najpravo.sk/, li ta’ spiss jintuża mill-kredituri u d-debituri Slovakki u l-avukati tagħhom. Dan is-sit jippermetti kalkoli faċli tal-imgħax ta’ inadempjenza bl-użu ta’ kalkolatur imfassal apposta għal din ir-raġuni.

4 Hemm aċċess onlajn disponibbli bla ħlas għall-bażi ġuridika msemmija hawn fuq?

Apparti l-ħoloq ta’ hawn fuq, wieħed jista’ jsib il-formulazzjoni attwali tal-leġiżlazzjoni (il-Kodiċijiet Ċivili u Kummerċjali) u r-regolamenti rilevanti (ir-Regolamenti Nri 87/1995 u 21/2013) fis-sit web https://www.slov-lex.sk/domov.

L-aħħar aġġornament: 20/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.