Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Bulgarija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Iva, l-evidenza tista’ tinġabar biż-żewġ modi. Il-proċeduri jiġu żviluppati fuq bażi ad hoc. Il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar il-vidjokonferenza iżda lanqas ma tipprojbixxiha. It-talbiet għall-kumpilazzjoni ta' xhieda, inkluż permezz ta’ vidjokonferenza, isiru lill-qorti distrettwali li fil-ġurisdizzjoni ġeografika tagħha jkollha ssir il-kumpilazzjoni ta' xhieda (l-Artikolu 617(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Grazhdanski protsesualen kodeks, GPK) tal-2008). Fil-Bulgarija, il-qorti provinċjali li fil-ġurisdizzjoni ġeografika tagħha trid issir il-produzzjoni tal-provi għandha l-kompetenza biex tippermetti l-kumpilazzjoni ta' xhieda (l-Artikolu 617(2) tal-GPK tal-2008). Il-qorti kompetenti tinstab bl-użu tal-għodda tat-tfittxija disponibbli fil-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika/l-Atlas Ġudizzjarju Ewropew. Talba trid tinkludi dettalji bħall-isem u l-indirizz tal-partijiet fil-kawża, in-natura u s-suġġett tal-kawża, deskrizzjoni tal- kumpilazzjoni ta' xhieda li għandha ssir, eċċ. Jenħtieġ li jintużaw il-formoli li ġejjin: Formola A: Talba għall-kumpilazzjoni ta' xhieda (skont l-Artikoli 10 sa 12); Formola I: Talba għall-kumpilazzjoni diretta ta' xhieda (skont l-Artikolu 17). Il-Bulgarija ma żżommx u ma kkonkludietx ftehimiet jew arranġamenti ma’ Stati Membri oħrajn tal-UE biex jiġi ffaċilitat il-kumpilazzjoni ta' xhieda li huma kompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 1206/2001. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 tieħu preċedenza fuq il-ftehimiet konklużi mill-Bulgarija ma’ Stati Membri oħrajn fil-parti tagħhom dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda f’materji ċivili u kummerċjali.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Le, ma hemmx restrizzjonijiet bħal dawn. Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Bulgaru, b’differenza mill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Nakazatelen protsesualen kodeks, NPK), ma fihx dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-kumpilazzjoni ta' xhieda permezz ta’ vidjokonferenza, u l-qorti rilevanti li fil-ġurisdizzjoni ġeografika tagħha għandha titwettaq il-kumpilazzjoni ta' xhieda għandha d-diskrezzjoni dwar liema persuni jenħtieġ li jiġu eżaminati b’dan il-mod (l-Artikolu 617(1) u (2) tal-GPK). Skont il-GPK, jistgħu jiġu eżaminati kemm ix-xhieda u l-esperti, kif ukoll il-partijiet fil-kawża nfushom. Il-minuri jistgħu jiġu eżaminati biss fil-preżenza tar-rappreżentant legali tagħhom, u t-tfal ma jistgħux jiġu eżaminati jekk ikollhom anqas minn 10 snin (l-Artikolu 15 tal-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal (Zakon za zakrila na deteto)).

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Le, ma hemm l-ebda dispożizzjoni li timponi tali restrizzjonijiet. Jekk il-qorti rikjedenti jew il-qorti rikjesta ma jkollhiex aċċess għal tagħmir tal-vidjokonferenzi, dak it-tagħmir jista’ jiġi pprovdut lill-qrati bi ftehim.

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Il-persuni normalment jiġu eżaminati fil-bini tal-qorti rilevanti, skont l-Artikolu 163(1) tal-GPK. Għal raġunijiet importanti, l-eżami jista’ minflok isir barra mill-qorti, sakemm ikun disponibbli tagħmir tekniku għall-kumpilazzjoni ta' xhieda permezz ta’ vidjokonferenza, filwaqt li jkunu ngħata avviż lill-partijiet fil-kawża biex jattendu wkoll.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Is-seduti b’vidjokonferenza jistgħu jsiru biss bil-kunsens tal-partijiet (l-Artikolu 148 tal-GPK). Huwa biss it-tim li jorganizza l-vidjokonferenza li għandu d-dritt li jirreġistra s-seduta. Il-qorti rilevanti li taħt il-ġurisdizzjoni ġeografika tagħha ssir is-seduta għandha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk seduta b’vidjokonferenza għandhiex tiġi rreġistrata. Tista’ ssir reġistrazzjoni ta’ smigħ tas-seduta. Din ir-reġistrazzjoni ta’ smigħ tinħażen fuq mezz tad-data, li huwa parti mill-materjali tal-kawża.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Il-qrati Bulgari kollha jmexxu s-seduti bil-lingwa uffiċjali tagħhom (li hija l-Bulgaru), u jekk ikun meħtieġ jiġi pprovdut interpretu. Meta jsiru talbiet għal kumpilazzjoni indiretta ta’ xhieda skont l-Artikoli 10 sa 12, tintuża l-lingwa tal-qorti rikjesta. Meta jsiru talbiet għall-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikolu 17, tintuża l-lingwa tal-qorti rikjedenti skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-qorti provinċjali kompetenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Il-leġiżlazzjoni Bulgara ma tirregolax din il-materja. L-interpreti jiġu pprovduti fuq bażi ad hoc u, għal dan il-għan: Jekk ikun meħtieġ, il-qorti rikjedenti tiżgura l-preżenza ta’ interpretu għall-persuna li għandha tiġi eżaminata. Fit-talba, il-qorti rikjedenti tispeċifika l-lingwa li għandha tintuża u tinforma lill-qorti rikjesta. Il-qorti rikjedenti u l-qorti rikjesta jistgħu, kif xieraq, jitolbu li l-proċedimenti isiru totalment jew parzjalment b’lingwa barranija. Fuq talba tal-Istat Membru rikjedenti jew tal-persuna li għandha tiġi eżaminata, l-Istat Membru rikjest jiżgura l-preżenza ta’ interpretu jekk ikun meħtieġ.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

Kemm jenħtieġ li jingħata żmien meta tiġi ffissata d-data tas-seduta sabiex il-persuna tkun tista’ tirċievi notifika suffiċjenti? Il-liġi Bulgara ma tirregolax din il-kwistjoni b’mod speċifiku, iżda jenħtieġ li jiġu applikati r-regoli ġenerali dwar it-tmexxija ta’ seduti fil-qorti u dwar l-għoti ta’ notifika lix-xhieda, lill-partijiet u lill-esperti biex jattendu skont il-GPK. Il-persuni jridu jingħataw notifika bil-quddiem twila biżżejjed, li tkun mill-anqas sebat ijiem qabel id-data skedata tas-seduta fil-qorti (l-Artikolu 56(3) tal-GPK). Il-proċedura għat-twettiq ta’ eżami b’vidjokonferenza tiġi organizzata skont il-liġi tal-Istat rikjest.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Il-qorti Bulgara ma tagħtix deċiżjoni ta' rimborż tat-tariffi għall-vidjokonferenzi. Il-qorti rikjedenti tiżgura r-rimborż tat-tariffi mħallsa lill-esperti u lill-interpreti u l-ispejjeż imġarrba biex jiġi organizzat il-kollegament bil-vidjokonferenza. Fuq talba tal-qorti rikjesta, il-qorti rikjedenti jenħtieġ li tiżgura rimborż tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-użu tat-tagħmir tal-vidjokonferenzi.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-liġi proċedurali Bulgara tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar din il-kwistjoni. Fil-prinċipju, it-talbiet għall-kumpilazzjoni diretta ta’ xhieda skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 jistgħu jitwettqu biss fuq bażi volontarja, mingħajr ma jiġu applikati miżuri ta’ koerċizzjoni. Fil-bidu tas-smigħ ta’ xhud, il-qorti Bulgara tiċċaralu d-drittijiet u l-obbligi proċedurali tiegħu jekk ix-xhud ma jkunx irrappreżentat minn avukat. Xhud li jkun se jiġi eżaminat għandu d-dritt li jirrifjuta li jixhed skont ir-regoli tal-Artikolu 166 tal-GPK.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Tapplika l-liġi tal-Istat rikjest. Skont l-Artikolu 170 tal-GPK, jekk persuna tiġi eżaminata f’kapaċità ta’ xhud jew ta’ espert, l-identità tagħha tiġi stabbilita billi jiġi ppreżentat dokument ta’ identifikazzjoni personali, tiġi ċċarata informazzjoni dwar jekk tkunx interessata, u tiġi mfakkra dwar ir-responsabbiltà skont il-liġi fil-każ ta’ ksur tal-ġurament (l-Artikolu 290 tal-NPK)

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Meta x-xhieda tittieħed direttament minn qorti Bulgara rikjedenti skont l-Artikolu 17, japplika l-Artikolu 170(2) tal-GPK u x-xhud jew l-espert eżaminat iwiegħed li jgħid il-verità, filwaqt li jiġi mwissi dwar ir-responsabbiltà kriminali li jġarrab għal ksur tal-ġurament jew għat-tħejjija ta’ perizja mhux veritiera (l-Artikoli 290 u 291 tal-NPK).

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Il-qrati Bulgari għandhom amministraturi tas-sistema bil-ħiliet tal-kompjuter meħtieġa, li jistgħu jipparteċipaw fl-arranġamenti għall-vidjokonferenza, filwaqt li jwettqu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom. Jekk ikun hemm xi problemi tekniċi, l-amministratur tas-sistema jikkoordina mal-qorti kkonċernata u jiżgura s-smigħ tal-persuni permezz ta’ vidjokonferenza bla xkiel.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Tista’ tkun meħtieġa informazzjoni teknika addizzjonali b’rabta mal-istabbiliment tal-kollegament bil-vidjokonferenza bejn il-qorti rikjedenti u l-qorti rikjesta.

L-aħħar aġġornament: 30/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.