

Iva, il-provi jistgħu jinġabru bil-vidjokonferenza. L-Artikolu 10(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali jipprovdi għad-dritt li jintalab l-użu tal-vidjokonferenza. Il-vidjokonferenza tista’ tintuża wkoll fil-kumpilazzjoni tal-provi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament; il-korp ċentrali jew l-awtorità kompetenti jridu jħeġġu l-użu tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni, bħal vidjokonferenzi u telekonferenzi. Il-qrati fl-Estonja għandhom il-faċilitajiet meħtieġa għall-vidjokonferenzi. Skont l-Artikolu 15(6) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (disponibbli onlajn hawnhekk), id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kodiċi japplikaw għall-għajnuna fil-kumpilazzjoni tal-provi fl-Estonja abbażi tat-talbiet mill-qrati tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea sa fejn mhux provdut mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali. Skont l-Artikolu 15(5) tal-Kodiċi, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi jew minn ftehim internazzjonali, qorti Estonjana tipprovdi għajnuna proċedurali fit-twettiq ta’ att proċedurali fuq talba minn qorti barranija jekk, skont il-liġi Estonjana, l-att proċedurali mitlub jaqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti Estonjana u mhux projbita mil-liġi. L-att proċedurali jista’ jitwettaq ukoll skont il-liġi ta’ stat barrani jekk huwa meħtieġ għat-tmexxija tal-proċedimenti fi stat barrani u mingħajr preġudizzju għall-interessi tal-parteċipanti fil-proċedimenti. Is-sessjonijiet tal-qorti li jsiru permezz ta’ konferenza proċedurali huma regolati mill-Artikolu 350 tal-Kodiċi. Ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet jew restrizzjonijiet speċifiċi dwar it-twettiq ta’ vidjokonferenza skont ir-Regolament Nru 1206/2001, inkluża konferenza proċedurali mwettqa direttament mill-qorti rikjedenti ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 17 tar-Regolament.
Skont l-Artikolu 350(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, parteċipant f’sessjoni l-qorti f’forma ta’ konferenza proċedurali għandu ċ-ċans iwettaq l-atti proċedurali f’ħin reali, jiġifieri jista’ jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata jew dikjarazzjoni mingħajr il-ġurament waqt proċediment b’rikors; skont l-Artikolu 350(2), xhud jew espert jistgħu jinstemgħu wkoll permezz ta’ konferenza proċedurali.
Għalhekk, parteċipant fi proċediment jista’ jagħmel dikjarazzjoni ġuramentata jew, fi proċediment b’rikors, dikjarazzjoni mingħajr ġurament b’konferenza proċedurali, u x-xhud jew l-espert jistgħu jinstemgħu permezz ta’ konferenza proċedurali.
Ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.
Skont l-Artikolu 350(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, qorti tista’ torganizza sessjoni fil-forma ta’ konferenza proċedurali sabiex il-parteċipant fil-proċediment jew ir-rappreżentant jew konsulent tiegħu jkollu ċ-ċans ikun f’post ieħor dakinhar tas-seduta l-qorti u jwettaq l-atti proċedurali f’ħin reali hemmhekk.
Għalhekk, il-qorti tista’ torganizza konferenza proċedurali b’mod illi dik il-persuna ma jkollhiex għalfejn tkun preżenti l-qorti għall-eżami.
Iva, s-seduti tal-qorti jistgħu jiġu rekordjati. Ir-rekordings għandhom isiru skont il-proċedura prevista mill-Artikolu 52 jew 42 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. It-teknoloġija għas-sessjonijet mill-bogħod użata fil-qrati tippermetti r-rekordjar tas-seduti skont l-Artikolu 52 tal-Kodiċi.
Skont l-Artikolu 32(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-lingwa tal-proċedimenti ġudizzjarji u l-proċedura tal-qorti hija l-Estonjan. Skont l-Artikolu 32(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-minuti tas-seduti tal-qorti u l-atti proċedurali l-oħra jiġu ppreparati bl-Estonjan. Qorti tista’ tirrekordja kull testimonjanza jew dikjarazzjoni mogħtija waqt seduta l-qorti b’lingwa barranija fil-minuti fil-lingwa li fiha tkun ingħatat flimkien mat-traduzzjoni tagħha bl-Estonjan jekk ikun meħtieġ għal preżentazzjoni akkurata tat-testimonjanza jew dikjarazzjoni. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Estonja ma għandux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-reġim tal-lingwa għat-testimonjanzi jew dikjarazzjonijiet fuq talba ta’ qorti minn Stat Membru ieħor skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, inkluż ir-reġim tal-lingwa għall-kumpilazzjoni tal-provi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament.
Skont l-Artikolu 34(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, jekk parteċipant fi proċediment ma jkunx jifhem bl-Estonjan u jekk ma jkollux rappreżentant waqt il-proċediment, il-qorti tqabbad, fejn ikun possibbli, interpretu jew traduttur fuq talba tal-parteċipant jew ex officio. Interpretu jew traduttur mhux meħtieġ jekk id-dikjarazzjonijiet tal-parteċipant fil-proċedimenti jinftiehmu mill-qorti u mill-parteċipanti l-oħra. Jekk il-qorti ma tkunx tista’ tqabbad interpretu jew traduttur mill-ewwel, il-qorti tagħti deċiżjoni fejn il-parteċipant fil-proċediment li jkollu bżonn l-għajnuna ta’ interpretu jew traduttur ikollu jsib interpretu, traduttur jew rappreżentant li jaf bl-Estonjan għalih innifsu f’perjodu ta’ żmien li tistabbilixxi l-qorti (l-Artikolu 34(2) tal-Kodiċi). Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tal-Estonja ma għandux dispożizzjonijiet speċifiċi dwar fejn ikun l-interpretu jew traduttur għall-finijiet tal-kumpilazzjoni tal-provi skont ir-Regolament.
Skont l-Artikolu 343(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, sabiex tinnotifika l-ħin u l-post fejn tkun se ssir is-seduta tal-qorti, il-qorti tinnotifika lill-parteċipanti fil-proċedimenti u lill-persuni l-oħra mistiedna għas-seduta tal-qorti. Skont l-Artikolu 343(2) tal-Kodiċi, l-intervall bejn id-data ta’ notifika u d-data tas-seduta tal-qorti għandu jkun mill-inqas ta’ għaxart ijiem. L-intervall jista’ jkun iqsar jekk il-parteċipanti jaqblu dwaru.
L-ispejjeż involuti għall-kumpilazzjoni tal-provi skont ir-Regolament Nru 1206/2001 huma speċifikati fl-Artikolu 18 tar-Regolament. Skont l-Artikolu 15(4) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, il-qorti rikjedenti ma tkoprix l-ispejjeż tal-att proċedurali. Il-qorti li twettaq l-att proċedurali tinforma lill-qorti rikjedenti bl-ispejjeż, u dawn jitqiesu bħala spejjeż marbuta mal-kwistjoni li qed tinstema’. Bħala spejjeż meqjusa essenzjali għall-proċediment, l-ispejjeż għall-kumpilazzjoni tal-provi jridu jitħallsu skont l-Artikolu 148(1) tal-Kodiċi, li jgħid illi sakemm il-qorti ma tiddeċidix mod ieħor, l-ispejjeż essenzjali għall-proċedimenti jitħallsu bil-quddiem, sa fejn jiġi ordnat mill-qorti, mill-parteċipant fil-proċedimenti li ppreżenta r-rikors li l-ispejjeż huma marbuta miegħu. Jekk iż-żewġ partijiet ikunu daħħlu rikors jew jekk xhud jew espert jiġu msejħa jew spezzjoni ssir ex officio mill-qorti, l-ispejjeż jinqasmu bejn il-partijiet b’mod indaqs. Peress illi l-qrati għandhom faċilitajiet għall-vidjokonferenzi, ma għandux ikun hemm spejjeż għall-użu tagħhom.
L-Artikolu 17(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi illi l-persuni jiġu infurmati illi l-eżami direttament mill-qorti rikjedenti huwa volontarju.
Skont l-Artikolu 347(2)(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, fil-bidu ta’ seduta tal-qorti, il-qorti tivverifika liema mill-persuni msejħa huma preżenti għas-seduta u l-identitajiet tagħhom. Il-Kodiċi ma jipprovdix proċedura speċifika għall-verifika tal-identità waqt seduta tal-qorti. Il-qorti trid tivverifika l-identità tal-persuni msejħa. Għal dan il-għan, hija tivverifika, pereżempju, dokument ta’ identifikazzjoni b’ritratt ta’ dik il-persuna. L-identità tal-persuna li qiegħda tieħu sehem permezz tal-vidjokonferenza tista’, pereżempju, tiġi determinata minn fuq kopja ta’ dokument ippreżentat lill-qorti bil-quddiem
Skont l-Artikolu 269(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, parteċipant fil-proċedimenti jrid jieħu l-ġurament li ġej qabel jagħti x-xhieda tiegħu:
"Jien (isem) naħlef fuq l-unur u l-kuxjenza tiegħi illi ngħid il-verità kollha dwar il-fatt mingħajr ma naħbi, inżid jew inbiddel xi ħaġa". Il-parteċipant jieħu l-ġurament oralment u jiffirma t-test tal-ġurament.
Skont l-Artikolu 36(1) tal-Kodiċi, persuna li ma tifhimx bl-Estonjan trid tieħu l-ġurament b’lingwa li tifhem; skont l-Artikolu 36(2), il-firma ssir fuq it-test bl-Estonjan tal-ġurament, li jiġi tradott direttament lilha qabel ma tiffirmah.
It-tieni sentenza tal-Artikolu 262(1) tal-Kodiċi jistipula illi qabel ma jagħti x-xhieda tiegħu, il-qorti trid tispjega lix-xhud l-obbligu tiegħu li jgħid il-verità kif ukoll il-kontenut tal-Artikoli 256-259 tal-Kodiċi. Skont l-Artikolu 303(5) tal-Kodiċi, id-dispożizzjonijiet dwar is-smigħ tax-xhieda japplika wkoll għall-esperti. Espert li mhuwiex espert forensiku jew espert uffiċjalment ċertifikat jiġi mwissi, qabel ma jippreżenta l-opinjoni esperta tiegħu, illi ma jistax jipprovdi intenzjonalment opinjoni esperta inkorretta, u l-espert jiffirma dan billi jiffirma l-minuti tal-qorti jew it-test tat-twissija. It-twissija ffirmata tiġi ppreżentata lill-qorti flimkien mal-opinjoni tal-espert.
Skont l-Artikolu 350(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, matul seduta l-qorti organizzata fil-forma ta’ konferenza proċedurali, id-dritt ta’ kull parteċipant li jippreżenta rikorsi u talbiet u biex ifassal pożizzjoni dwar it-talbiet u r-rikorsi tal-parteċipanti l-oħra tal-proċedimenti jrid jiġi garantit u l-kundizzjonijiet l-oħra tas-seduta tal-qorti ssodisfati b’mod teknikament sigur matul it-trażmissjoni f’ħin reali lill-qorti tal-awdjo u l-vidjo mill-parteċipant fil-proċediment li ma jkunx preżenti fil-bini tal-qorti u viċe versa.
Kull qorti għandha ħaddiem miċ-Ċentru tar-Reġistri u s-Sistemi ta’ Informazzjoni li jaħdem bħala speċjalist in‑tern- tal-IT, li jassigura illi l-faċilitajiet tal-vidjokonferenza jkunu qed jaħdmu u jsolvi kull problema teknika.
L-informazzjoni rikjesta tkun fil-formola ta’ applikazzjoni. Kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa tiddependi miċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull kawża.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.