

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Iva. Skont l-Artikoli 10 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni tal-provi f’materji ċivili jew kummerċjali, jekk il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti titlob, bl-użu tal-Formola A f’dak ir-Regolament, li l-provi jinġabru mill-qorti Franċiża kompetenti, din tista’ tkun preżenti fil-kumpilazzjoni tal-provi. Dan huwa permess skont l-Artikolu 12 tar-Regolament u l-Artikolu 741 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż. (Code du Procédure Civile). Għalhekk ma hemm xejn li jipprekludi lill-qorti rikjedenti milli titlob li tkun preżenti permezz ta’ vidjokonferenza, dment li t-tagħmir meħtieġ ikun disponibbli u l-limiti u l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imħallef Franċiż inkarigat bil-kumpilazzjoni tal-provi jiġu osservati.
Skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tista’ titlob, permezz tal-Formola I f’dak ir-Regolament, l-awtorizzazzjoni tal-korp ċentrali Franċiż biex jeżamina xhud direttament permezz ta’ vidjokonferenza.
Kwalunkwe persuna (kemm jekk xhud, espert jew parti) tista’ tiġi eżaminata permezz ta’ vidjokonferenza jekk, u biss jekk, il-liġi Franċiża tirrikonoxxi s-smigħ bħala miżura għall-kumpilazzjoni tal-provi. Dan ifisser li jrid ikun relatat ma’ avvenimenti jew kwistjonijiet stabbiliti b’mod preċiż, li jridu jissemmew fit-talba għal awtorizzazzjoni ppreżentata permezz tal-Formola I. Għaldaqstant mhuwiex permess li s-smigħ kollu quddiem il-qorti rikjedenti jsir permezz ta’ vidjokonferenza.
Il-vidjokonferenzi jistgħu jintużaw biss biex jiġu eżaminati l-persuni. Id-dokumenti ma jistgħux jiġu ppreżentati permezz ta’ vidjokonferenza, u lanqas iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti wara spezzjoni viżwali ma tista’ ssir permezz ta’ vidjokonferenza.
Għal talbiet imressqa skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1206/2001 bl-użu tal-Formola A f’dak ir-Regolament – jiġifieri, talbiet biex il-persuna inkwistjoni tiġi eżaminata mill-qorti Franċiża b’ġuriżdizzjoni territorjali, fejn il-qorti tal-oriġini tixtieq tattendi s-seduta – il-persuna li għandha tiġi eżaminata trid tkun fil-bini tal-qorti Franċiża rilevanti.
Għal talbiet għall-kumpilazzjoni tal-provi direttament skont l-Artikolu 17, ma hemmx restrizzjonijiet bħal dawn. Fil-prinċipju, meta jagħti l-awtorizzazzjoni tiegħu, il-korp ċentrali Franċiż jipprovdi d-dettalji ta’ kuntatt tal-qorti ordinarja (tribunal judiciaire) b’ġuriżdizzjoni territorjali li tassisti lill-qorti rikjedenti, b’tali mod li din l-assistenza tkun limitata għall-arranġamenti prattiċi għall-organizzazzjoni tal-vidjokonferenza. Madankollu, xejn ma jżomm lill-qorti rikjedenti milli tindika l-post fejn il-persuna għandha tiġi eżaminata, sakemm il-post ikun ġie identifikat minn qabel u l-partijiet u/jew il-persuna li għandha tiġi eżaminata jaqblu ma’ dan. Dan kollu jrid jiġi inkluż fit-talba għall-awtorizzazzjoni li tiġi ppreżentata permezz tal-Formola I.
Hija dejjem ir-responsabbiltà esklużiva tal-qorti rikjedenti li tikkuntattja l-qorti ordinarja jew l-istabbiliment fejn il-persuna trid tmur biex tiġi eżaminata. Ladarba l-korp ċentrali Franċiż ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu, dan bl-ebda mod ma jinterċedi ma’ din il-qorti jew l-istabbiliment.
Għal talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament, il-qorti rikjedenti li titlob li tkun preżenti permezz ta’ vidjokonferenza meta l-qorti Franċiża rikjesta teżamina x-xhud tista’ titlob ukoll, fil-Formola A, li s-smigħ jiġi traskritt jew irreġistrat kif permess mill-Artikolu 739 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż.
Għal talbiet skont l-Artikolu 17, xejn ma jwaqqaf lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti milli titlob, fil-Formola I, li smigħ jiġi rreġistrat jekk il-leġiżlazzjoni tagħha tipprevedi dan, sakemm il-persuna li għandha tiġi eżaminata tiġi nnotifikata b’dan minn qabel. Fi kwalunkwe każ, għal seduti mwettqa direttament permezz ta’ vidjokonferenza, il-qorti rikjedenti hija unikament responsabbli għall-arranġamenti prattiċi u tekniċi għar-reġistrazzjoni tas-smigħ. Dan ifisser li kwalunkwe qorti Franċiża li tassisti lill-qorti rikjedenti fl-organizzazzjoni tal-vidjokonferenza mhux se tirreġistra l-vidjokonferenza.
(a) Fil-prinċipju, is-smigħ isir bil-Franċiż. Madankollu, xejn ma jwaqqaf lill-imħallef Franċiż li jippresjedi s-smigħ milli jżommha f’lingwa oħra mifhuma kemm mill-imħallef kif ukoll mill-persuna li għandha tiġi eżaminata.
(b) Is-smigħ isir bil-lingwa magħżula mill-qorti fl-Istat Membru rikjedenti. Jekk ikun meħtieġ, jintuża interpretu.
Għal talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament, l-interpreti jinħatru mill-qorti Franċiża rikjesta u jkunu jinsabu f’dik il-qorti. Dawn jistgħu jiġu pprovduti wkoll mill-qorti rikjedenti, fejn din tal-aħħar tkun tixtieq tattendi s-seduta permezz ta’ vidjokonferenza, dment li dan ikun issemma fil-Formola A u l-imħallef Franċiż inkarigat li jmexxi s-smigħ ikun jaqbel ma’ dan. L-ispejjeż kollha tal-interpretazzjoni, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar, jitħallsu esklussivament mill-qorti rikjedenti, kif stabbilit fl-Artikolu 748 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż.
Għal talbiet biex jiġu kkumpilati l-provi direttament skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, l-interpreti jiġu pprovduti mill-qorti rikjedenti. Xejn ma jżommhom milli jmorru fl-istess post fejn il-persuna għandha tiġi eżaminata. Għal darb’oħra, kwalunkwe spejjeż tal-ivvjaġġar imġarrba mill-interpreti jitħallsu esklużivament mill-qorti rikjedenti.
Għal talbiet magħmula skont l-Artikoli 10 sa 12, il-qorti Franċiża rikjesta tħarrek lill-persuna li għandha tiġi eżaminata. Hija tagħmel dan f’konformità mal-liġi Franċiża. Jekk il-qorti rikjedenti tkun talbet li tattendi s-seduta, il-qorti Franċiża tinnotifikaha bid-data tas-seduta skont l-Artikolu 741 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż.
Għal talbiet magħmula skont l-Artikolu 17, il-qorti rikjedenti hija unikament responsabbli biex tħarrek il-persuna li għandha tiġi eżaminata. Hija tagħmel dan wara li taqbel dwar id-data u l-ħin tal-vidjokonferenza mad-dipartiment rilevanti tal-qorti ordinarja li jassistiha fl-organizzazzjoni tal-vidjokonferenza, li d-dettalji ta’ kuntatt tagħha jiġu inklużi fl-awtorizzazzjoni maħruġa mill-korp ċentrali Franċiż. Taħt l-ebda ċirkostanza l-qorti Franċiża jew il-korp ċentrali Franċiż ma jħarrku lill-persuna.
Skont l-Artikolu 748 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż, l-ispejjeż jitħallsu esklużivament mill-qorti rikjedenti li tkun talbet li tattendi s-smigħ tal-qorti Franċiża permezz ta’ vidjokonferenza jew li tmexxi s-smigħ direttament permezz ta’ vidjokonferenza. Għalhekk hija l-qorti rikjedenti li għandha tikkuntattja lill-qorti Franċiża rikjesta abbażi tal-informazzjoni prattika pprovduta minn din il-qorti, fl-ewwel każ, jew mill-qorti Franċiża li tassisti lill-qorti rikjedenti, fit-tieni waħda.
Meta qorti rikjedenti titlob li teżamina persuna direttament permezz ta’ vidjokonferenza, hija responsabbli biex tħarrek lil dik il-persuna. Għalhekk huwa f’idejn il-qorti rikjedenti li tinforma lill-persuna li s-smigħ qed isir fuq bażi volontarja.
Il-persuna trid turi dokument tal-identità.
Għal talbiet magħmula skont l-Artikoli 10 sa 12, ir-rekwiżiti huma dawk stabbiliti fil-liġi Franċiża sakemm il-qorti rikjedenti ma tkunx talbet, fil-Formola A, biex tapplika r-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi nazzjonali tagħha stess. Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jiġu applikati biss jekk ikunu kompatibbli mal-ordni pubbliku Franċiż fl-ambitu tal-Artikoli 739 u 743 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili Franċiż.
Għal talbiet għal kumpilazzjoni tal-provi direttament permezz ta’ vidjokonferenza skont l-Artikolu 17, ir-rekwiżiti għat-teħid ta’ ġuramenti huma dawk stabbiliti mil-liġi tal-qorti rikjedenti.
Għal talbiet għal kumpilazzjoni tal-provi direttament permezz ta’ vidjokonferenza skont l-Artikolu 17, il-korp ċentrali Franċiż jipprovdi, fl-awtorizzazzjoni li joħroġ lill-qorti rikjedenti, id-dettalji ta’ kuntatt tad-dipartiment rilevanti u l-persuni ta’ kuntatt responsabbli għal kwistjonijiet tekniċi fil-qorti ordinarja li tkun qed tassisti fl-organizzazzjoni tal-vidjokonferenza. Il-Qorti rikjedenti trid tagħmel l-arranġamenti prattiċi kollha magħhom.
It-talbiet u l-komunikazzjonijiet magħmula skont ir-Regolament (KE) Nru 1206/2001 u kwalunkwe spjegazzjoni u informazzjoni inklużi bħala annessi għal dawn iridu jiġu tradotti għall-Franċiż.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.