

Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-evidenza tista’ tinġabar permezz ta’ vidjokonferenza fil-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà (Supreme Court of Gibraltar), jew bil-parteċipazzjoni ta’ qorti fi Stat Membru ieħor jew direttament minn qorti ta’ dak l-Istat Membru. Il-proċeduri dwar kif tinkiseb evidenza jinsabu fil-Parti 32 tar-Regoli dwar il-Proċedura Ċivili tal-Ingilterra u Wales (Part 32 of the Civil Procedure Rules of England and Wales) li japplikaw għal Ġibiltà. Ir-Regola 32.3 tiddikjara li qorti tista’ tippermetti lil xhud jagħti evidenza permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo jew b’mezzi oħrajn. Aktar informazzjoni tista’ tinstab fil-Gwida għall-Prattika 32 (Practice Direction 32), Anness 3.
Ma hemm l-ebda restrizzjoni ta’ dan it-tip issuġġerita għat-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata meta jsiru talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12 jew 17. Sakemm it-talba tkun koperta sew mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 1206/2001 u tkun kompatibbli mad-dritt ta’ Ġibiltà kwalunkwe persuna rilevanti tista’ tiġi eżaminata.
Sakemm it-talba għall-evidenza tkun konformi mad-dritt ta’ Ġibiltà u jkun prattiku li tinkiseb l-evidenza permezz ta’ vidjokonferenza, ma hemmx restrizzjonijiet fuq it-tip ta’ evidenza li jista’ jinkiseb.
Meta talba ssir skont l-Artikoli 10 sa 12 huwa normali, iżda mhux obbligatorju, li l-eżami jsir f’qorti. Vidjokonferenza għal talba magħmula skont l-Artikolu 17 tista’ ssir fi kwalunkwe post.
Attwalment ma teżistix faċilità fejn jiġu rreġistrati s-seduti bil-vidjokonferenza fil-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà (Supreme Court of Gibraltar). Jekk tkun meħtieġa reġistrazzjoni, il-partijiet għat-talba jridu jagħmlu l-arranġamenti biex issir reġistrazzjoni jew fil-post fejn tkun se tingħata l-evidenza jew fil-post fejn tkun se tintwera.
a) Meta t-talbiet isiru skont l-Artikoli 10 sa 12 is-seduta għandha ssir bl-Ingliż.
b) Ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ lingwa għas-seduti meta jkun hemm ġbir dirett ta’ evidenza għalkemm l-Istat Membru rikjedenti jrid jipprovdi interpretazzjoni għax-xhieda li ma jifhmux il-lingwa li is-seduta għandha ssir fiha.
Meta talba ssir skont l-Artikoli 10 sa 12 u x-xhud ikun jeħtieġ interpretu biex jifhem l-Ingliż l-interpretu għandu jkun ipprovdut mill-partijiet. Jekk ix-xhud ma jkunx jeħtieġ l-interpretazzjoni iżda l-qorti rikjedenti ma tifhimx l-Ingliż, hija r-responsabbiltà ta’ dik il-qorti li tipprovdi għall-interpretazzjoni għaliha stess. Il-post tal-interpretu f’dawn iċ-ċirkostanzi ma huwiex soġġett għal xi restrizzjonijiet għalkemm għal raġunijiet prattiċi aktarx ikun aktar faċli għall-interpretu li jkun fil-qorti rikjedenti.
Il-qorti rikjedenti hija responsabbli biex tipprovdi l-interpretazzjoni għat-talbiet magħmula skont l-Artikolu 17. Għal darb’oħra ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar fejn għandu jkun jinsab l-interpretu.
Meta talba ssir skont l-Artikoli 10 sa 12 l-arranġamenti kollha jsiru mill-qorti rikjesta. Skont l-Artikolu 17, meta l-Korp Ċentrali għal Ġibiltà jkun awtorizza l-ġbir dirett ta’ evidenza dan għandu jinnotifika lill-qorti rikjedenti bl-arranġamenti. Imbagħad hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tikkollabora biex tagħmel l-arranġamenti meħtieġa.
Il-qorti rikjedenti għandha tikkuntattja lill-persuna li għandha tiġi eżaminata sabiex jiftiehmu dwar ħin meta t-tnejn ikunu disponibbli. Huwa raġonevoli li jingħata mill-inqas xahar żmien sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa.
L-ispejjeż ivarjaw skont għadd ta’ ċirkostanzi, fosthom, il-post tal-vidjokonferenza (jiġifieri jekk issirx fil-qorti jew f’postijiet oħrajn); il-ħin tas-seduta (jiġifieri jekk tkun barra l-ħinijiet normali tal-qorti l-persunal ikun meħtieġ joqgħod għal ħin itwal); jekk humiex meħtieġa xi proċeduri speċjali; u jekk jinqalgħux xi spejjeż minħabba l-użu tat-tagħmir. Is-Servizz tal-Qrati ta’ Ġibiltà (Gibraltar Courts Service) jinforma lill-qorti rikjedenti bl-ispejjeż. Il-ħlas għandu jsir f’liri sterlini fi flus kontanti jew bil-kard jekk isir personalment fir-Reġistru tal-Qorti Suprema (Supreme Court Registry) jew b’mod elettroniku.
Meta talba għall-ġbir dirett ta’ evidenza skont l-Artikolu 17 tiġi aċċettata mill-Korp Ċentrali l-ordni li tingħata tistipula li l-qorti rikjedenti trid tinforma lill-persuna li tkun se tiġi eżaminata li l-attendenza tagħha f’seduta hija volontarja u li jkollha d-dritt titlaq mis-seduta fi kwalunkwe ħin fil-proċedimenti. Il-qorti rikjedenti tkun mitluba tibgħat kopja ta’ din l-ordni lill-persuna li tkun se tiġi eżaminata meta jkunu qegħdin isiru l-arranġamenti għall-vidjokonferenza.
Meta persuna tiġi eżaminata mill-Qorti Suprema ta’ Ġibiltà (Supreme Court of Gibraltar) bil-parteċipazzjoni ta’ qorti rikjedenti skont l-Artikoli 10 sa 12 dik il-persuna tkun meħtieġa tieħu ġurament jew tagħmel dikjarazzjoni li bħala parti minnhom, tkun trid tikkonferma l-identità tagħha. Meta qorti rikjedenti tiġbor l-evidenza direttament skont l-Artikolu 17 hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi liema mezz tuża sabiex tivverifika l-identità tal-persuna li tkun se tiġi eżaminata.
Meta talba ssir skont l-Artikoli 10 sa 12 il-ġurament jittieħed jew id-dikjarazzjoni ssir skont il-proċeduri normali tal-qrati f’Ġibiltà. Meta talba ssir skont l-Artikolu 17, il-qorti rikjedenti għandha tinnotifika lill-qorti rikjesta bir-rekwiżiti ta’ kwalunkwe ġurament biex jiġu pprovduti l-kotba xierqa.
Meta talba ssir skont l-Artikoli 10 sa 12 il-qorti rikjesta tagħmel l-arranġamenti meħtieġa. Meta l-Korp Ċentrali jawtorizza talba skont l-Artikolu 17 dan jinforma lill-Qorti Suprema (Supreme Court) li għandha tistenna li tikkuntattjaha l-qorti rikjedenti u li għandha tikkoopera mal-qorti rikjedenti sabiex tiżgura li jkun hemm xi ħadd disponibbli biex iħaddem il-faċilitajiet tal-vidjokonferenzjar u jittratta kwalunkwe problema teknika waqt is-seduta.
Meta t-talbiet isiru skont l-Artikolu 17, il-qorti rikjedenti għandha tinnotifika lill-qorti rikjesta jekk il-persuna li tkun se tiġi eżaminata jkollhiex xi rekwiżit speċjali, pereżempju, aċċess għal siġġu tar-roti jew sistema loop fejn jintuża apparat ta’ għajnuna għas-smigħ.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.