

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Il-kumpilazzjoni tal-provi tista’ ssir billi jintuża tagħmir tal-vidjokonferenzi, kemm fil-preżenza tal-qorti tal-Istat Membru rikjedenti kif ukoll direttament mill-qorti tal-Istat Membru (f’dan il-każ, il-Litwanja).
L-Artikolu 1752(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Kodiċi tal-Proċedura Ċivili”) jiddikjara li għall-kumpilazzjoni tal-provi jistgħu jintużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni elettronika (vidjokonferenzi, telekonferenzi, eċċ.). L-Artikolu 802(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jiddikjara li talba għall-assistenza legali minn qorti barranija jew minn awtorità oħra għandha tiġi eżegwita mill-qrati tar-Repubblika tal-Litwanja f’konformità mad-dritt tar-Repubblika tal-Litwanja. Fil-qrati Litwani, il-vidjokonferenzi jsiru f’konformità mar-rekwiżiti msemmija hawn fuq u ma’ dispożizzjonijiet oħra tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u f’konformità mal-proċedura stabbilita mid-Deskrizzjoni tal-Proċedura għall-Użu tat-Tagħmir tal-Vidjokonferenzi fil-Proċedimenti tal-Qorti approvata bir-Riżoluzzjoni Nru 13P-156-(7.1.2) tal-Kunsill Ġudizzjarju tat-28 ta’ Novembru 2014 li tapprova d-Deskrizzjoni tal-Proċedura għall-Użu tal-Vidjokonferenza (minn hawn ’il quddiem imsejħa d-“Deskrizzjoni”).
F’konformità mal-Artikolu 1752(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-attendenza tal-parteċipanti fil-proċedimenti f’seduti tal-qrati u fil-prova permezz ta’ xhieda in situ tista’ tiġi żgurata billi jintużaw teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni elettronika (vidjokonferenzi, telekonferenzi, eċċ.). B’hekk, il-partijiet għal kawża u x-xhieda jkunu jistgħu jinstemgħu b’vidjokonferenza. Soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-punt 10.2 u tal-punt 13 tad-Deskrizzjoni u għall-Artikolu 217 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-eżami tal-esperti jista’ jsir ukoll b’vidjokonferenza.
Ma hemm l-ebda projbizzjoni espliċita stabbilita fil-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-kumpilazzjoni tal-provi speċifika b’vidjokonferenza. Madankollu, skont ir-regoli stabbiliti fid-dritt nazzjonali, il-vidjokonferenza ma tistax tintuża għall-kumpilazzjoni tal-provi kif imsemmi fl-Artikoli 204 u 210 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (provi materjali u eżami viżwali tal-provi materjali u bil-miktub in situ jew eżami viżwali ta’ sit) jew ta’ provi oħra li l-kumpilazzjoni tagħhom tinvolvi l-bżonn tal-ħruġ mill-bini tal-qrati, ta’ żjara f’post speċifiku jew ta’ teħid ta’ passi fiżiċi oħra għall-kumpilazzjoni tal-provi.
Skont l-Artikolu 803(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-qrati tar-Repubblika tal-Litwanja jistgħu jitolbu assistenza legali barra mill-pajjiż mingħand ir-rappreżentanzi diplomatiċi jew il-konsulati tal-Litwanja, il-qrati barranin jew awtoritajiet uffiċjali oħra. Il-punt 2.3 tad-Deskrizzjoni jipprovdi wkoll li l-korp rikjest li l-qorti rikjedenti titlob li jorganizza vidjokonferenza matul il-proċedimenti ġudizzjarji jista’ jkun, apparti qorti, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku jew korp li jaqa’ taħt id-Dipartiment tal-Ħabs taħt il-Ministeru għall-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja.
Il-punt 16 tad-Deskrizzjoni jipprovdi li, f’każijiet speċifikati mil-liġi jew skont id-diskrezzjoni tal-President tas-seduta, eżami mwettaq b’vidjokonferenza jista’ jiġi rreġistrat. It-tagħmir meħtieġ għar-reġistrazzjoni tal-eżami mwettqa b’vidjokonferenza huwa disponibbli fil-qrati tar-Repubblika tal-Litwanja.
F’konformità mal-Artikolu 11 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-proċedimenti tal-qrati fir-Repubblika tal-Litwanja għandhom isiru bil-lingwa uffiċjali tal-pajjiż, jiġifieri l-Litwan. Il-persuni li ma jitkellmux il-Litwan huma ggarantiti d-dritt li jużaw is-servizzi ta’ traduttur/interpretu. L-ispejjeż tas-servizzi ta’ interpretazzjoni matul sessjoni tal-qorti jitħallsu mill-baġit tal-Istat.
F’każijiet li fihom jiġu ppreżentati talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati ta' l-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ir-“Regolament”) u t-talba tiġi eżegwita minn qorti tar-Repubblika tal-Litwanja, il-qorti Litwana tiżgura l-preżenza ta’ traduttur/interpretu għal kwalunkwe parteċipant fil-proċedimenti li ma jitkellimx il-Litwan. Meta l-kumpilazzjoni tal-provi ssir direttament mill-qorti rikjedenti skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, it-talba tiġi eżegwita f’konformità mal-liġi tal-qorti rikjedenti (l-Artikolu 17(6) tar-Regolament) u bil-lingwa ddeterminata mir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti rikjedenti. Jekk qorti tar-Repubblika tal-Litwanja, bħala l-qorti rikjedenti, tindirizza lil Stat Membru ieħor b’talba skont l-Artikolu 17, il-proċedimenti jsiru bil-Litwan, u l-qorti Litwana tiżgura l-preżenza ta’ traduttur/interpretu.
Jekk jogħġbok ara t-tweġiba għall-mistoqsija preċedenti.
Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament, il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi r-rikors mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien mhux aktar minn 90 jum mir-riċevuta tar-rikors. Skont l-Artikolu 133 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, il-persuni li jipparteċipaw fil-proċedimenti, kif ukoll ix-xhieda u l-esperti, għandhom ikunu informati dwar il-ħin u l-post tas-seduta jew il-miżuri proċedurali individwali permezz ta’ ċitazzjonijiet jew notifiki. Il-persuni li jipparteċipaw fil-proċedimenti għandhom ikunu notifikati biċ-ċitazzjoni jew bin-notifika fi żmien tali termini li jagħtuhom biżżejjed żmien jidhru quddiem qorti fi żmien debitu u jħejju lilhom infushom għall-kawża. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni legali li tiddetermina terminu speċifiku għat-trażmissjoni ta’ ċitazzjoni jew ta’ notifika.
Valutazzjoni tar-regolament legali u tal-prassi eżistenti wriet li ma tiġġarrab l-ebda spiża fl-organizzazzjoni tal-vidjokonferenzi.
Il-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja ma teħtieġx b’mod speċifiku li persuna li tkun se tinstema’ direttament quddiem il-qorti rikjedenti tiġi nnotifikata li l-eżami jkun se jseħħ volontarjament.
Il-punt 13 tad-Deskrizzjoni jipprovdi li, għall-finijiet ta’ identifikazzjoni ta’ individwi li jidhru f’seduta tal-qorti, persuna li tkun se tinstema’ b’vidjokonferenza għandha tidentifika lilha nnifisha u tippreżenta dokument li jikkonferma l-identità tagħha sabiex il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tkun tista’ taċċerta l-identità tal-persuna. Permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti rikjedenti, persuna li tkun se tinstema’ b’vidjokonferenza tista’ tiġi identifikata b’mezzi oħra wkoll.
Skont il-punt 10 tad-Deskrizzjoni, il-persuni maħtura mill-awtorità rikjesta jew minn rappreżentanti oħra tal-awtorità rikjesta huma meħtieġa, fost l-oħrajn, jippermettu li persuna li tkun se tinstema’ tieħu ġurament (wegħda) quddiem il-qorti u tiffirma t-test tal-ġurament (wegħda). It-test tal-ġurament meħud quddiem qorti tar-Repubblika tal-Litwanja huwa stabbilit fl-Artikolu 186(6) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Fi tmiem eżami b’vidjokonferenza, rappreżentant tal-awtorità rikjesta li jkun ipparteċipa fl-eżami għandu jfassal dokument li jikkonferma l-eżami, li għandu jiġi ppreżentat quddiem il-qorti rikjedenti flimkien mat-test tal-ġurament (wegħda) iffirmat mill-persuna li nstemgħet (jekk il-persuna li tkun se tinstema’ tkun meħtieġa tieħu ġurament jew tiffirma wegħda) u l-provi trażmessi (il-punt 14 tad-Deskrizzjoni). Fil-każ tal-kumpilazzjoni diretta tal-provi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament, il-qorti rikjedenti għandha tipprovdi t-test tal-ġurament li għandu jiġi ffirmat mill-persuna li tkun se tinstema’.
Fil-qrati tar-Repubblika tal-Litwanja u f’istituzzjonijiet oħra li jkunu mgħammra b’faċilitajiet ta’ vidjokonferenza, hemm persuni responsabbli għall-użu, għall-manutenzjoni u għat-tħaddim tat-tagħmir. Skont il-punt 6 tad-Deskrizzjoni, il-lista ta’ persuni maħtura mill-awtoritajiet rikjesti sabiex ikunu responsabbli għall-użu u għall-manutenzjoni tat-tagħmir ta’ vidjokonferenza u għall-organizzazzjoni tal-vidjokonferenzi hija ppubblikata, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom (istituzzjoni, numru tat-telefon, indirizz tal-posta elettronika), mill-Amministrazzjoni Nazzjonali tal-Qrati fuq l-intranet tas-sistema ġudizzjarja.
Il-qorti rikjedenti għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament. Jekk din l-informazzjoni ma tiġix ipprovduta jew tiġi pprovduta b’mod żbaljat b’tali mod li t-talba ma tkunx tista’ tiġi eżegwita, għandha tkun tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament. Il-leġiżlazzjoni ma tispeċifikax informazzjoni oħra li għandha tiġi pprovduta mill-qorti rikjedenti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.