

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-Polonja, ix-xhieda tista' tinstema' b'vidjokonferenza, b'konformità mal-Artikolu 10-12 u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta' Mejju 2001 dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta' xhieda f'materji ċivili jew kummerċjali, kif ukoll b'konformità mal-Konvenzjoni tal-Aja tat-18 ta' Marzu 1970 dwar is-Smigħ ta' Xhieda minn Barra l-pajjiż f'Materji Ċivili jew Kummerċjali [Il-Ġurnal tal-Liġijiet (Dziennik Ustaw) tal-2000, Nru 50, partita 582] għall-pajjiżi l-oħrajn (li mhumiex suġġetti għar-Regolament).
Il-vidjokonferenzi huma regolati bl-Artikolu 235(2) u (3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u r-Regolament tal-Ministru tal-Ġustizzja tal-24 ta' Frar 2010 dwar it-tagħmir tekniku u r-riżorsi li jippermettu li fi proċedimenti ċivili x-xhieda tinstema' minn postijiet imbiegħda.
Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni ta' dan it-tip: periti, partijiet u xhieda jistgħu jiġu eżaminati b'vidjokonferenza.
Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni partikolari fuq it-tip ta' xhieda li tista' tinstema' b'vidjokonferenza.
Il-liġi Pollakka ma timponi ebda restrizzjoni partikolari fuq fejn il-persuna għandha tiġi eżaminata b'vidjokonferenza. Bħala regola, l-eżami jsir il-qorti, suġġett għall-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1206/2001 li skontu l-post tal-eżami jiġi ddeterminat mill-qorti rikjedenti.
Il-liġi Pollakka ma tistipulax dispożizzjonijiet dettaljati għall-irrekordjar tas-seduti b'vidjokonferenza; id-deċiżjoni jekk jiġux irrekordjati s-seduti b'vidjokonferenza hija f'idejn l-imħallef li jkun qed jisma' x-xhieda.
Bħala regola, is-smigħ isir bil-Pollakk. Jekk il-persuna li tkun qed tiġi eżaminata ma tifhimx bil-Pollakk, irid ikun preżenti interpretu.
Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali dwar seduti skont l-Artikolu 17, imma meta l-korp ċentrali jaqbel mas-smigħ dirett tax-xhieda, huwa jkun jista' jitlob lill-qorti rikjedenti tipprovdi interpretu.
Bħala prinċipju, għas-seduti skont l-Artikoli 10-12, il-qorti rikjesta trid tipprovdi l-interpretu hi (bħala regola mil-lista ta' interpreti approvati). F'ċirkostanzi eċċezzjonali, madanakollu, il-qorti tista' taċċetta interpretu propost minn parti.
F'seduti skont l-Artikolu 17, meta korp ċentrali jitlob lill-qorti rikjedenti tipprovdi interpretu, il-qorti rikjesta tiżgura li jkun preżenti interpretu.
Għal seduti skont l-Artikolu 10-12, il-qorti rikjesta tinnotifika lix-xhud/parti bil-ħin u l-post tas-seduta mill-anqas 7 ijiem qabel id-data tas-seduta. F'ċirkostanzi eċċezzjonali, il-qorti rikjesta tinnotifika lix-xhud/parti bil-ħin u l-post tas-seduta mill-anqas 3 ijiem qabel id-data tas-seduta.
Għal seduti skont l-Artikolu 17, il-korp ċentrali jinnotifika lix-xhud/parti li tkun qablet dwar is-seduta u li s-seduta tista' ssir biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-użu ta' miżuri koerċittivi. Hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tipprovdi notifika tal-ħin u l-post tas-seduta.
Meta s-smigħ tax-xhieda bl-użu ta' teknoloġiji moderni jiġġenera spejjeż għall-qorti rikjesta, il-qorti tapplika l-Artikolu 1135¹(3) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li jistipula li jekk l-eżekuzzjoni ta' talba minn qorti jew minn awtorità oħra ta' pajjiż barrani tista' toħloq spejjeż assoċjati mal-użu ta' metodu li mhux dak preskritt fil-liġi Pollakka, il-qorti ma teżegwix it-talba sakemm il-qorti jew awtorità oħra ta' pajjiż barrani ma tħallasx bil-quddiem kif xieraq qabel l-iskadenza speċifikata.
Il-korp ċentrali jinnotifika lix-xhud/parti li tkun qablet dwar is-seduta u li s-seduta tista' ssir biss fuq bażi volontarja, mingħajr l-użu ta' miżuri koerċittivi.
Il-qorti tivverifika l-identità tal-persuna billi tobbligaha tippreżenta dokument xieraq, bħal kartà tal-identità, passaport jew liċenzja tas-sewqan.
Għal seduti skont l-Artikolu 17, jekk il-qorti rikjedenti tinforma lill-korp ċentrali bl-intenzjoni tagħha li tisma' x-xhieda mingħand xhud taħt ġurament, il-korp ċentrali jista' jitlob it-test tal-ġurament. Jekk il-ġurament imur kontra l-prinċipji bażiċi tal-liġi tal-pajjiż rikjest, il-korp ċentrali jkun intitolat jirrifjuta li jaqbel mas-seduta jew jitlob li jintuża t-test tal-ġurament li jintuża fil-liġi Pollakka.
Bħala regola, kull qorti timpjega lil xi ħadd biex jopera t-tagħmir tekniku. Jekk ikun hemm xi problemi, jista' jiġi kkuntattjat il-punt ta' kuntatt tan-NĠE Pollakk.
B'mod ġenerali, mhi meħtieġa l-ebda informazzjoni addizzjonali ta' dan it-tip skont il-liġi Pollakka. Madankollu, f'ċerti każijiet jaf tkun meħtieġa.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.