

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Skont il-liġi Portugiża, l-imħallef tal-qorti rikjedenti jeħtieġlu jisma’ x-xhieda ta’ persuni mismugħa b’vidjokonferenza direttament, mingħajr l-intervent ta’ mħallef tal-qorti rikjesta. Din hija r-regola għal każijiet interni fejn ikun hemm eżami b’vidjokonferenza. L-istess proċedura tapplika f’kawżi transfruntieri fejn il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti titlob li l-eżami jsir b’vidjokonferenza skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001.
Alternattivament, f’kawżi transfruntieri, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tista’ titlob li l-eżami jsir b’vidjokonferenza skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001.
Ir-regoli proċedurali nazzjonali ewlenin li jirregolaw il-ġbir tal-provi b’vidjokonferenza mingħand periti legali, xhieda u partijiet huma kif ġej:
Il-Periti
L-Artikolu 486 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (Código de Processo Civil)
Komparsa ta’ periti legali waqt is-seduta finali
1 - Meta jintalbu minn waħda mill-partijiet jew ikunu ordnati mill-imħallef, il-periti legali għandhom jidhru fis-seduta finali biex jipprovdu, taħt ġurament, kwalunkwe kjarifika mitluba lilhom.
2 - Il-periti legali minn stabbilimenti, laboratorji jew servizzi uffiċjali għandhom jinstemgħu b’telekonferenza mill-post tax-xogħol tagħhom.
Ix-Xhieda
L-Artikolu 502 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Eżami b’mezzi teknoloġiċi
1 - Xhieda residenti barra mid-distrett fejn tinsab il-qorti jew it-tribunal għandhom jiġu ppreżentati mill-partijiet f’konformità mal-Artikolu 507(2), meta jkunu għamlu dikjarazzjoni f’dan is-sens biex joffru li jixhdu, jew għandhom jinstemgħu permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva, f’ħin reali, mill-qorti, mit-tribunal jew mill-faċilitajiet muniċipali jew tal-parroċċa rreġistrati, jew bini pubbliku ieħor fiż-żona fejn jirrisjedu.
2 - Il-faċilitajiet muniċipali jew parrokkjali fejn jista’ jsir eżami b’mezzi teknoloġiċi għandhom jiġu speċifikati fi protokoll iffirmat bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-awtorità lokali kkonċernata.
3 - Il-qorti li tisma’ l-kawża għandha tiffissa d-data tas-seduta wara li tikkonsulta l-qorti, it-tribunal jew l-entità responsabbli għall-bini pubbliku minn fejn ikun se jixhed ix-xhud u għandha tħarrek lix-xhud biex jidher.
4 - Fid-data tal-eżami, ix-xhieda għandhom jidentifikaw ruħhom lill-uffiċċjal tal-qorti jew lill-impjegat taċ-ċivil tal-faċilitajiet minn fejn tingħata x-xhieda, imma minn hemm ’il quddiem, l-eżami għandu jsir mill-imħallef li jkun qed jisma’ l-kawża u mir-rappreżentanti tal-partijiet, permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali, mingħajr il-bżonn għal intervent mill-imħallef tal-qorti tal-post minn fejn tkun qed tingħata x-xhieda.
5 - Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-istrumenti internazzjonali jew Ewropej, ix-xhieda residenti barra mill-pajjiż għandhom jiġu eżaminati permezz ta’ tagħmir teknoloġiku li jippermetti komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali, kull meta l-mezzi teknoloġiċi meħtieġa jkunu disponibbli fil-post fejn ikunu residenti.
6 - F’każijiet li jkunu qed jinstemgħu fil-qrati fiż-żoni metropolitani ta’ Lisbona u Porto, ma għandu jkun hemm l-ebda eżami b’tagħmir teknoloġiku li jippermetti l-komunikazzjoni awdjoviżiva f’ħin reali jekk ix-xhud ikun residenti taż-żona metropolitana rispettiva, bl-eċċezzjoni tal-każijiet previsti fl-Artikolu 520.
L-Artikolu 520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Komunikazzjoni diretta bejn il-qorti u l-persuna li tkun qed tixhed
1 – Meta jkun impossibbli jew estremament diffiċli għall-persuna li tkun trid tixhed biex tidher il-qorti fil-ħin, l-imħallef jista’ jiddetermina, bi ftehim mal-partijiet, li kull kjarifika meħtieġa biex tittieħed deċiżjoni tajba dwar il-każ tingħata bit-telefon jew b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni diretta bejn il-qorti u x-xhud, sakemm in-natura tal-fatti li jridu jiġu investigati jew iċċarati jkunu kompatibbli mal-proċedura.
2 - Il-qorti trid tiżgura, bil-mezzi li għandha, li x-xhieda tingħata b’mod veritier u liberu, b’mod partikolari billi jiġi ddeterminat li x-xhud ikun akkumpanjat minn uffiċjal tal-qorti waqt l-għoti tax-xhieda u li l-kontenut tax-xhieda u ċ-ċirkostanzi li tkun ingħatat fih ikunu rreġistrati.
3 - Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 513 [ġurament u interrogatorju preliminari mill-imħallef] u l-ewwel parti tal-paragrafu 4 tal-artikolu preċedenti [l-imħallef jista’ jordna li x-xhieda terġa’ tingħata quddiemu personalment] għandhom japplikaw għall-każijiet koperti minn dan l-artikolu.
Il-Partijiet
L-Artikolu 456 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Il-ħin u l-post għall-għoti tax-xhieda
1 - Ix-xhieda trid, bħala regola ġenerali, tingħata fl-aħħar seduta, sakemm ma tkunx urġenti jew ix-xhud ma jkunx jista’ jidher il-qorti.
2 - Ir-regoli għall-għoti tax-xhieda b’telekonferenza stabbiliti fl-Artikolu 502 għandhom japplikaw għal partijiet li jirrisjedu barra mid-distrett jew, fil-każ tar-Reġjuni Awtonomi, barra mill-gżira kkonċernata..
3 - Ix-xhieda tista’ tingħata wkoll fis-seduta preliminari, u f’dak il-każ id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Ma hemm stabbilita l-ebda restrizzjoni. Il-liġi Portugiża tippermetti li x-xhieda, il-partijiet u l-periti legali jinstemgħu b’vidjokonferenza, kif stabbilit mir-regoli ġuridiċi kkwotati iktar 'il fuq.
Ara t-tweġiba mogħtija fil-mistoqsija preċedenti.
Ir-regola ġenerali hija li l-persuna trid tinstema’ b’vidjokonferenza fil-qorti. Madankollu, il-periti legali minn dipartimenti uffiċjali jistgħu jinstemgħu b’vidjokonferenza fil-post tax-xogħol tagħhom. B’mod eċċezzjonali, fiċ-ċirkostanzi previsti fl-Artikolu 520 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (ikkwotat fit-tweġiba għall-mistoqsija 1), il-qorti tista’ tisma’ persuna b’vidjokonferenza li tkun xi mkien li mhux qorti.
Iva, is-seduti ta’ smigħ b’vidjokonferenza dejjem jiġu rrekordjati bl-użu tas-sistema eżistenti ta’ sound recording tal-qrati, kif previst fl-Artikolu 155 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.
Meta l-Portugall ikun l-Istat Membru rikjest, il-lingwa tas-seduta tvarja skont iċ-ċirkostanzi:
(a) Meta jsiru talbiet skont l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, tintuża l-lingwa Portugiża. Jekk ikun hemm bżonn li jinstemgħu ċittadini barranin, huma jkunu jistgħu jitkellmu lingwa differenti jekk ma jkunux jitkellmu bil-Portugiż. F’dan il-każ, il-qorti rikjedenti jeħtiġilha tinforma lill-qorti rikjesta b’dan il-fatt, sabiex din tkun tista’ ssejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjesta.
(b) Meta jsiru talbiet skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, il-lingwa użata tkun dik prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru fejn hemm il-qorti rikjedenti. Jekk ikun hemm bżonn li jinstemgħu persuni li ma jitkellmux dik il-lingwa, il-qorti rikjedenti tista’, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, issejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjedenti. Alternattivament, il-qorti rikjedenti tista’ titlob lill-qorti Portugiża (rikjesta) biex issejjaħ interpretu biex ikun preżenti fil-qorti rikjesta.
Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet previsti f’(a) u (b) fejn ikun hemm bżonn li jissejjaħ interpretu biex ikun preżenti l-qorti tal-Istat Membru rikjest, il-qorti rikjesta titlob lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti tħallas it-tariffi dovuti lill-interpretu, kif previst fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001.
Din l-informazzjoni diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija 6.
Skont il-liġi Portugiża, il-proċedura applikabbli għall-proċess tas-seduta u għat-taħrik ta’ persuna biex tidher il-qorti hija essenzjalment stabbilita fl-Artikoli 7(3), 172(5) u (6), 220, 247(2), 251(1), 417, 507, 508 u 603 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż.
B’mod ġenerali, hija r-responsabbiltà tar-reġistru tal-qorti li jinnotifika, ex officio, lix-xhieda, lill-periti legali, lill-partijiet u lir-rappreżentanti tagħhom meta jkunu meħtieġa jidhru fi proċedimenti ġudizzjarji skont ordni tal-qorti. Speċifikament, meta l-parti tkun teħtieġ l-eżami ta’ xhud b’vidjokonferenza, ir-reġistru tal-qorti jkun responsabbli għat-taħrik tax-xhud.
Notifiki għall-fini ta’ taħrik ta’ xhieda, periti legali u persuni inċidentali oħrajn fil-qorti (eż. interpretu jew konsulent tekniku) jintbagħtu bil-posta rreġistrata, bid-data, il-post u l-fini tad-dehra l-qorti. In-notifiki jitqiesu li ġew innotifikati anke jekk ir-riċevitur jirrifjuta li jaċċetta l-ittra; id-distributur tas-servizz postali jeħtieħġlu jżomm rekord ta’ dan.
Notifiki għall-fini ta’ taħrik ta’ parti biex tidher fi proċedimenti ġudizzjarji jew biex tixhed jintbagħtu bil-posta rreġistrata u jkunu indirizzati lill-parti kkonċernata, bid-data, il-post u l-fini tad-dehra l-qorti. F’dan il-każ, jekk il-parti tkun qabbdet avukat, jew jekk tkun rappreżentata simultanjament minn avukat u prokuratur legali, kemm l-avukat u kemm il-prokuratur legali jridu jiġu nnotifikati.
Ir-rappreżentanti tal-partijiet jiġu nnotifikati elettronikament, skont l-Artikolu 25 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali (Portaria) Nru 280/2013 tas-26 ta’ Awwissu 2013. Is-sistema tal-IT tiċċertifika d-data ta’ meta ħarġet in-notifika.
Il-liġi ma tindikax espressament kemm qabel is-seduta trid issir in-notifika. F’kull każ ta’ hawn fuq, in-notifika titqies li tkun saret fit-tielet jum wara r-reġistrazzjoni tagħha jew minn meta tinħareġ elettronikament. Jekk it-tielet jum ma jkunx jum tax-xogħol, in-notifika titqies li tkun saret fl-ewwel jum tax-xogħol sussegwenti. Għal raġunijiet prattiċi, huwa għalhekk neċessarju li wieħed josserva tal-anqas dan il-perjodu ta’ notifika f’relazzjoni mad-data tas-seduta, ħalli n-notifika tkun tista’ titqies li saret.
F’każijiet urġenti, ix-xhieda, il-periti legali, persuni inċidentali oħrajn, il-partijiet jew ir-rappreżentanti tagħhom jistgħu jitħarrku (jew it-taħrika tagħhom titħassar) b’telegramma, bit-telefon jew b’mezzi simili ta’ komunikazzjoni oħrajn. Kuntatt bit-telefon dejjem jiġi ddokumentat fl-atti tal-kawża u jiġi segwit minn konferma bil-miktub.
Jekk persuna li kellha tkun preżenti tonqos milli tidher, dik il-persuna jeħtieġilha tiġġustifika l-assenza tagħha fis-seduta stess jew fi żmien perjodu ta’ ħamest ijiem (jiem kalendarji, imma jekk l-aħħar jum ma jkunx jum tax-xogħol, id-data ta’ skadenza tiġi estiża sal-jum tax-xogħol suċċessiv).
Il-liġi Portugiża tistabbilixxi l-miżuri koerċettivi li ġejjin għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ komparsa. Meta xhud jonqos milli jidher, wara li jkun ġie nnotifikat kif xieraq u mingħajr ma jkun iġġustifika l-assenza tiegħu matul l-iskadenza legali, huwa jiġi kkundannat għal multa u l-imħallef jista’ jordna li jidher taħt skorta. Dawn il-pieni ma japplikawx jekk il-kawża tiġi differita għal raġunijiet li ma humiex l-assenza ta’ komparsa tax-xhud. Meta perit legali jew persuna inċidentali oħra tonqos milli tidher, wara li j/tkun ġiet innotifikata kif xieraq u mingħajr ma j/tkun iġġustifikat l-assenza tiegħu/tagħha matul l-iskadenza legali, huwa/hija j/tiġi kkundannat(a) għal multa. Meta waħda mill-partijiet tonqos milli tidher, wara li tkun ġiet innotifikata kif xieraq u mingħajr ma tkun iġġustifikat l-assenza tagħha matul l-iskadenza legali, hija tiġi kkundannata għal multa u r-rifjut tagħha jista’ jiġi interpretat liberament mill-qorti għall-finijiet ta’ evidenza. Barra minn hekk, jekk il-qorti tqis li r-rifjut tal-parti li tikkomparixxi jagħmilha impossibbli biex jiskatta l-oneru tal-prova, hija tista’ twettaq inverżjoni tal-oneru tal-provi.
Ma jiġux miġbura l-ispejjeż marbuta mal-użu tal-vidjokonferenzi.
Meta qorti Portugiża tkun il-parti rikjedenti ta’ talba skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, hija tħarrek lill-persuna li trid tinstema’ biex tidher fil-qorti nnominata fl-Istat Membru (rikjest) l-ieħor bil-posta, bl-użu ta’ wieħed mill-metodi msemmija bi tweġiba għall-mistoqsija 8, kif ikun xieraq. Din il-possibilità ta’ notifika bil-posta hija stabbilita fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tat-13 ta’ Novembru 2007. Il-persuna li trid tinstema’ tiġi infurmata fin-notifika li l-komparsa tagħha hija fuq bażi volontarja.
Meta l-qorti Portugiża tkun il-parti rikjesta, hija r-responsabbiltà tal-qorti rikjedenti li tinnotifika l-persuni li jridu jinstemgħu u tinformahom li d-dehra tkun fuq bażi volontarja.
Bi ftehim reċiproku bejn il-qrati rikjedenti u l-qrati rikjesti, in-notifika tal-persuna li trid tinstema’ u l-informazzjoni li din ix-xhieda se tingħata fuq bażi volontarja tista’ ssir mill-qorti tal-Istat Membru rikjest. Dan jista’ jsir fil-prattika irrispettivament minn jekk il-qorti Portugiża tkunx il-parti rikjedenti jew il-parti rikjesta.
Fil-ħin appuntat għall-eżami, l-uffiċjal tal-qorti jivverifika li l-persuna li trid tiġi eżaminata tkun preżenti u jinforma lill-imħallef li jkun se jmexxi l-eżami jew lill-qorti rikjedenti jekk tkun se tmexxi l-eżami direttament hi.
Meta l-eżami jsir minn imħallef Portugiż, ladarba jkunu bdew il-proċedimenti u qabel ma l-persuna tibda tixhed, jittieħdu l-passi li ġejjin: (i) il-persuna li tagħti l-evidenza, ix-xhud jew il-perit jieħu ġurament quddiem l-imħallef; (ii) l-imħallef jagħmel mistoqsijiet preliminari sabiex jidentifika l-persuna li tkun qed tinstema’.
Huwa l-imħallef li jrid imexxi l-interrogatorju preliminari, biex jidentifika lill-persuna li tkun se tinstema’, billi jistaqsiha isimha, il-professjoni, l-indirizz u l-istat ċivili tagħha u dettalji oħrajn li l-imħallef iqis li huma neċessarji għal finijiet ta’ identifikazzjoni.
L-imħallef jistaqsi wkoll lill-persuna li tkun qed tinstema’ jekk tkun qariba, ħabiba jew għadu ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet u jekk għandhiex interess dirett jew indirett fil-kawża, sabiex jivvaluta l-kredibilità tax-xhieda.
Jekk waqt l-interrogatorju preliminari, l-imħallef jistabbilixxi li xhud ma jkunx adatt jew ma jkunx il-persuna t-tajba li trid tiġi eżaminata, huwa ma jippermettilhomx jixhdu. Xhud ma jkunx adatt jekk, minkejja li ma jkunx interdett minħabba anomalija psikoloġika, ma jkollux il-kapaċità naturali (il-kapaċità fiżika jew mentali) biex jixhed.
L-interrogatorju preliminari jippermetti wkoll lill-imħallef jivverifika jekk hux każ li, skont il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż, ix-xhieda jistgħu jirrifjutaw li jixhdu.
Il-persuni li ġejjin jistgħu jirrifjutaw li jixhdu (ħlief fi proċedimenti mmirati lejn il-verifika tat-twelid jew tal-mewt ta’ wild minuri), f’konformità mal-Artikolu 497 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili Portugiż:
a) axxendenti f’kawżi li jinvolvu d-dixxendenti tagħhom, lill-ġenituri adottivi f’kawżi li jinvolvu tfal adottati u vice versa;
b) kunjatu jew kunjata f’kawża li tinvolvi l-iben tar-rispett jew il-bint tar-rispett u vice versa;
c) miżżewġin jew eks miżżewġin f’kawżi li jinvolvu lill-konjuġi jew eks konjuġi l-ieħor;
d) kull min ikun qed jikkoabita, jew ikun ikkoabita b’mod simili għall-koppji miżżewġin, ma’ kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-kawża.
Huwa d-dmir tal-imħallef li javża lill-persuni msemmija fil-punti ta’ hawn fuq li huma intitolati jirrifjutaw li jixhdu.
Persuni li jkunu marbuta bis-segretezza professjonali, is-segretezza bħala uffiċjali pubbliċi jew is-sigrieti Statali jridu jiġu skużati milli jixhdu fir-rigward tal-fatti koperti minn dik is-segretezza. F’dawk il-każijiet, l-imħallef jivverifika l-leġittimità tal-iskuża u, jekk iħoss li jkun hemm bżonn, jeżenthom mid-dmir tas-segretezza.
Il-partijiet jistgħu jixhdu biss fir-rigward ta’ fatti personali. F’kawża ċivili ma hijiex ammissibbli xhieda ta’ parti li tiffoka fuq atti kriminali jew abbużivi li parti hija akkużata bihom f’kawża kriminali.
Skont il-liġi Portugiża:
Meta qorti ta’ Stat Membru ieħor tieħu xhieda direttament mill-Portugall permezz ta’ vidjokonferenza, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, il-qorti tal-Istat Membru rikjedenti jeħtiġilha tinforma lill-qorti Portugiża (rikjesta) bid-dettalji ta’ identifikazzjoni li ġejjin tal-persuna li se tixhed: l-isem, l-okkupazzjoni, l-indirizz, l-istatus taż-żwieġ u informazzjoni oħra li tqis meħtieġa għall-finijiet ta’ identifikazzjoni; il-kapaċità li biha l-persuna se tinstema’ (eż. parti, xhud, espert, konsulent tekniku); il-lingwa li titkellem il-persuna; u jekk huwiex meħtieġ li jiġi msejjaħ interpretu fil-qorti rikjesta.
Dawn id-dettalji huma neċessarji biex il-qorti Portugiża (rikjesta) tkun tista’, minn naħa, tieħu l-passi biex issejjaħ interpretu u, min-naħa l-oħra, tivverifika l-preżenza tal-persuna li trid tiġi eżaminata fil-ħin appuntat għall-vidjokonferenza.
Madankollu, peress li l-imħallef Portugiż ma jintervjenix fil-proċedimenti, il-ġurament irid jittieħed bil-vidjokonferenza quddiem l-imħallef tal-Istat Membru rikjedenti. L-istess japplika għall-interrogatorju preliminari, jekk dan iseħħ, u għal raġunijiet ta’ adegwatezza jew rifjut li tingħata xhieda jew l-eżenzjoni ta’ xhieda milli jixhdu, li huma ttrattati mill-awtorità tal-imħallef tal-qorti rikjedenti, b’konformità mal-liġi proċedurali ċivili tal-Istati Membru rikjedenti, kif stabbilit fl-Artikolu 17(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001.
Il-qrati rikjedenti u l-qrati rikjesti (ladarba dawn tal-aħħar ikunu ġew identifikati mill-awtorità ċentrali) għandhom jistabbilixxu kuntatt dirett ma’ xulxin biex jiskedaw vidjokonferenza u għandhom ukoll jiftiehmu data għal test minn qabel.
Għal raġunijiet prattiċi, kull meta jkun possibbli, ikun preferibbli li jsir it-test qabel ma x-xhud ikun ġie nnotifikat; għal dak il-għan, id-data tat-test għandha tiġi skedata bil-quddiem biżżejjed biex ix-xhud ikun jista’ jiġi nnotifikat fil-ħin.
Dakinhar tat-test u fid-data tas-seduta tal-vidjokonferenza, għandu jkun preżenti f’kull waħda mill-qrati, speċjalist tal-informatika, speċjalist tat-telekomunikazzjonijiet jew uffiċjal tal-qorti b’għarfien xieraq.
Fil-Portugall, l-Istitut tal-Ġestjoni Finanzjarja u l-Infrastruttura tal-Ġustizzja (Instituto de Gestão Financeira e Estruturas da Justiça - IGFEJ) kellu tim iddedikat disponibbli għall-vidjokonferenzi fil-qrati.
Għal raġunijiet organizzattivi, kull fejn ikun possibbli, l-IGFEJ għandu jiġi nnotifikat bid-data tat-test u bis-seduta tlett ijiem bil-quddiem. Dan jippermetti lill-IGFEJ jara li jkunu f’posthom il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-vidjokonferenza, biex jintervjenu minnufih f’każ ta’ kwalunkwe diffikultà komunikattiva bejn il-qrati u jimmonitorjaw it-testijiet tal-vidjokonferenza.
L-iskedar ta’ vidjokonferenza fi Stat Membru ieħor wara talba minn qorti Portugiża
Il-qorti Portugiża (rikjedenti) trid l-ewwel nett titlob lill-IGFEJ joħloq il-kundizzjonijiet tekniċi neċessarji għall-vidjokonferenza, biex jintervjeni biex tingħeleb kull diffikultà komunikattiva bejn il-qrati u jimmonitorja t-testijiet tal-vidjokonferenza.
Biex jingħelbu d-diffikultajiet tekniċi, il-qorti Portugiża titlob lill-qorti tal-Istat Membru rikjest biex hija wkoll tqabbad lil xi ħadd responsabbli fid-dipartiment tal-vidjokonferenzi tagħhom biex jimmonitorja t-test u/jew jipprovdi l-assistenza teknika neċessarja b’kollaborazzjoni mal-ispeċjalisti tekniċi Portugiżi.
Meta l-qrati Portugiżi jkunu l-parti rikjedenti, spiss jitolbu l-għajnuna tal-punt ta’ kuntatt tan-NĠE-Ċivili (In-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali) fil-Portugall, li jikkuntattja lill-qrati rikjesti sabiex jiskedaw it-test u l-vidjokonferenza. Meta jiġu indikati lilu diffikultajiet tekniċi, il-punt ta’ kuntatt jikkuntattja direttament lit-timijiet responsabbli għall-vidjokonferenza f’kull Stat Membru involut, u jitlob il-konnessjonijiet neċessarji, l-informazzjoni jew l-aġġustamenti tekniċi u jinforma lill-qrati involuti b’dan. Dan jippermetti li jingħeleb kull ostaklu lingwistiku u l-vidjokonferenza tkun tista’ ssir b’suċċess.
L-iskedar ta’ vidjokonferenza f’qorti Portugiża fuq talba mingħand Stat Membru ieħor
Fil-Portugall, id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direcção-Geral da Administração da Justiça - DGAJ) huwa l-awtorità ċentrali responsabbli biex jirċievi u jaċċetta talbiet mingħand Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001. Ladarba t-talba tiġi aċċettata, id-DGAJ jindika lill-qorti tal-Istat Membru rikjedenti f’liema qorti Portugiża (rikjesta) tkun se ssir il-vidjokonferenza. Ladarba dan ikun sar, il-qorti rikjedenti u dik rikjesta jeħtiġilhom jaqblu ma’ xulxin direttament dwar id-dati biex l-ewwel jagħmlu t-test u mbagħad is-seduta bil-vidjokonferenza.
Id-DGAJ, bħala awtorità ċentrali, jiffaċilita l-kuntatt dirett bejn il-qorti rikjedenti u dik rikjesta, kif ukoll jikkuntattja lit-tim ta’ appoġġ għall-vidjokonferenza tal-IGFEJ, biex tingħeleb kull diffikultà teknika. Barra minn hekk, il-Punt ta’ Kuntatt tan-NĠE-Ċivili fil-Portugall jista’ jiffaċilita wkoll il-kuntatt neċessarji, jekk jintalab jagħmel hekk.
Permezz ta’ kuntatti diretti, il-qorti tipprenota l-kamra tal-vidjokonferenza u tappunta l-persunal biex iħejji l-konnessjonijiet tekniċi u jimmonitorja l-vidjokonferenza fil-qrati rikjedenti u dik rikjesta, rispettivament. Fil-Portugall, bħala regola, jintgħażel uffiċjal tal-qorti b’għarfien xieraq, preferibbilment akkumpanjat minn speċjalist tal-informatika tal-Qorti Portugiża.
Meta l-vidjokonferenza ssir b’IP, ikollha ssir bilfors mill-Portugall. Għal dak il-għan, il-qorti Portugiża titlob lill-IGFEJ bil-quddiem għall-ftuħ ta’ konnessjoni esterna.
Meta l-vidjokonferenza ssir b’linja telefonika (ISDN), il-konnessjoni mal-qrati Portugiżi tista’ ssir minn qrati ta’ Stati Membri oħrajn.
Kull meta jkun hemm diffikultajiet tekniċi, l-ispeċjalist tal-informatika tal-qorti Portugiża jew l-ispeċjalist tal-IGFEJ ikun jista’ jipprovdi l-assistenza meħtieġa.
Meta ssir talba għal vidjokonferenza, id-dettalji li ġejjin iridu jiddaħħlu fil-kaxxa 12 tal-formola I fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1206/2001 tat-28 ta’ Mejju 2001, jew bħala anness ma’ dik il-formola.
1. Id-dettalji tekniċi tat-tagħmir tal-vidjokonferenza użati mill-qorti rikjedenti, jiġifieri:
2. Id-dettalji ta’ konnessjoni tal-ISDN u/jew tal-IP tal-qorti.
Id-dettalji ta’ kuntatt għall-vidjokonferenza huma kif ġej:
Protokoll tal-komunikazzjoni użat: H.323
Is-sigurtà: H.235 AES
Il-wisa’ tal-banda massima appoġġata: 256kbps
3. Talba għall-iskedar ta’ test ta’ vidjokonferenza qabel is-smigħ tax-xhieda.
4. L-isem u d-dettalji ta’ kuntatt dirett (telefon, fax u email) tal-persuna li tkun se tipprovdi l-appoġġ għall-vidjokonferenza (preferibbilment uffiċjal tal-qorti flimkien ma’ speċjalist tal-informatika jew tat-telekomunikazzjonijiet li jipprovdi appoġġ għall-qorti).
5. Bħala alternattiva għall-konnessjonijiet ISDN jew IP u biex jingħelbu r-restrizzjonijiet tal-komunikazzjoni li jirriżultaw minn settings tan-network u firewall, it-tagħmir installat fil-qrati jippermetti l-użu ta’ pjattaformi bħal Webex, Zoom, Teams jew Skype biex jiġu stabbiliti konnessjonijiet tal-vidjokonferenzi.
F’dan il-każ, il-qrati li jieħdu sehem fil-vidjokonferenza għandhom jaqblu minn qabel dwar il-pjattaforma li jkunu se jużaw peress li l-uffiċjal tal-qorti fil-Portugall ikollu jitlob lill-ispeċjalist lokali tal-informatika biex jinstalla s-software meħtieġ fuq it-tagħmir tal-vidjokonferenzi.
Fi kwalunkwe każ, għandu jintalab test tal-konnessjoni minn qabel biex wieħed jara jkunx hemm bżonn ta’ intervent tekniku.
Links relatati
Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili
Nota
Il-Punt ta’ Kuntatt NĠE-Ċivili, il-qrati jew l-entitajiet u l-awtoritajiet l-oħrajn ma humiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva. Għadu meħtieġ ukoll li jinqraw it-testi legali fis-seħħ. Dawn huma suġġetti għal aġġornamenti regolari u għall-interpretazzjoni evoluzzjonarja tal-ġurisprudenza.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.