Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-Ġustizzja elettronika, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2022.

Ġbir ta’ provi permezz ta' vidjokonferenza

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Huwa possibbli li l-evidenza tinġabar bil-vidjokonferenza jew bil-parteċipazzjoni ta' qorti fl-Istat Membru li jagħmel it-talba jew direttament f'qorti ta' dak l-Istat Membru? Jekk iva, x'inhuma l-proċeduri nazzjonali relevanti jew il-liġijiet li japplikaw?

Iva. Dan huwa pprovdut fi 38 qorti fl-Iskozja.

L-Artikoli 10 sa 12 u 17 japplikaw għar-rikorsi kollha li jaslu skont ir-Regolament 1206/2001. L-ebda proċedura lokali oħra ma tiġi applikata f’dawn il-każijiet.

2 Hemm xi restrizzjonijiet dwar it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – per eżempju, huma biss ix-xhieda li jistgħu jiġu eżaminati jew anke esperti jew partijiet oħra?

Ma hemm l-ebda restrizzjoni dwar it-tip ta’ persuna li tista’ tiġi eżaminata.

3 Hemm xi restrizzjonijiet fuq it-tip ta' evidenza li tista' tinkiseb bil-vidjokonferenzi?

Ma hemmx restrizzjonijiet statutorji. Jista’ jkun hemm restrizzjonijiet prattiċi (pereżempju, referenza għal oġġetti fiżiċi miżmuma mill-qorti rikjedenti li x-xhud ma jkollux aċċess għalihom).

4 Hemm xi restrizzjonijiet fuq fejn persuna tista' tiġi eżaminata bil-vidjokonferenzi – i.e. trid tkun fil-qorti?

Għal darb’oħra ma hemmx restrizzjonijiet statutorji. Fil-passat intużaw l-awli tal-qorti u kmamar oħrajn. L-akkomodazzjoni xierqa tiġi ddeterminata mix-Xeriff (Sheriff) u mill-Iskrivan tax-Xeriff (Sheriff Clerk) fil-qorti fejn jiġi ppreżentat ir-rikors.

5 Huwa permess li s-seduti tal-vidjokonferenzi jiġu rekordjati u jekk iva, din il-faċilità hija disponibbli?

Is-seduti jistgħu jiġu rreġistrati.

Fi kwalunkwe każ, peress li l-proċedimenti jistgħu jiġu rreġistrati minn kwalunkwe naħa tal-konnessjoni tal-vidjokonferenza, jista’ jkun aktar xieraq li l-qorti rikjedenti tirreġistra l-proċedimenti direttament.

6 B'liema lingwa għandu jsir is-smigħ: (a) fejn it-talbiet isiru taħt l-Artikoli 10 sa 12; u (b) fejn ikun hemm ġbir ta' evidenza taħt l-Artikolu 17?

Fiż-żewġ każijiet, il-lingwa prestabbilita hija l-Ingliż.

Jekk il-qorti rikjedenti tkun tixtieq lingwa differenti, ikun meħtieġ interpretu biex jittraduċi l-proċedimenti bl-Ingliż għall-benefiċċju ta’ dawk il-partijiet preżenti li ma jkunux jitkellmu l-lingwa tal-qorti rikjedenti.

7 Jekk ikunu meħtieġa interpreti, min hu responsabbli biex jipprovdihom taħt iż-żewġ tipi ta' smigħ u fejn għandhom ikunu?

Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament 1206/2001 il-qorti rikjesta għandha tagħmel l-arranġamenti għall-attendenza ta’ interpretu lokali.

8 Liema proċedura tapplika għall-arranġamenti tas-smigħ u biex il-persuni jiġu notifikati dwar il-post u l-ħin? Kemm għandu jitħalla żmien meta tiġi ffissata d-data tas-smigħ biex il-persuna jkollha biżżejjed żmien minn mindu tirċievi n-notifika?

In-notifika lill-partijiet issir mill-qorti lokali skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament 1206/2001. Din normalment issir permezz ta’ ittra rreġistrata tal-ewwel klassi.

Ġeneralment, japplikaw ir-regoli eżistenti dwar in-notifiki, jiġifieri tkun meħtieġa notifika ta’ mill-inqas 48 siegħa qabel. Madankollu, fil-prattika n-notifika tingħata ħafna aktar qabel peress li s-seduti normalment jiġu ffissati xi ġimgħat qabel.

9 Liema spejjeż japplikaw għall-użu tal-vidjokonferenzi u kif għandhom jitħallsu?

Ġeneralment, kwalunkwe ħlas dovut lis-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service) għall-użu tal-faċilitajiet tal-vidjokonferenzjar ma jiġix mgħoddi lil partijiet oħrajn.

10 Hemm xi kundizzjonijiet, u jekk iva, liema huma, biex jiġi żgurat li l-persuna eżaminata direttament mill-qorti li tagħmel it-talba tkun ġiet infurmata li s-smigħ isir fuq bażi volontarja?

Il-qorti rikjedenti toħroġ notifika kif xieraq fil-Formola A. Il-prattika normali hija li dik l-informazzjoni tiġi kkupjata fil-Formola F li mbagħad tiġi nnotifikata lix-xhud. Ma jiġi impost l-ebda rekwiżit ieħor mill-qorti lokali.

11 Liema proċeduri jeżistu biex jivverifikaw l-identità tal-persuna li se tiġi eżaminata?

Ma hemmx proċedura fissa. Il-qorti rikjedenti tista’ tistipula ċerti affarijiet bħall-preżentazzjoni ta’ Passaport jew ta’ Liċenzja tas-Sewqan u dawn ir-rekwiżiti jiġu mgħoddija lix-xhud. Kwalunkwe evidenza dokumentarja tal-identità tiġi ċċekkjata f’dak il-jum b’mod li jissodisfa lill-qorti rikjedenti.

12 Liema kundizzjonijiet japplikaw biex jittieħdu l-ġuramenti u x'informazzjoni hija meħtieġa mill-qorti li tagħmel it-talba meta ġurament ikun meħtieġ waqt it-teħid dirett tal-evidenza taħt l-Artikolu 17?

Jekk il-qorti rikjedenti tirrikjedi ġurament, il-qorti lokali tkun trid taf liema proċeduri jridu jiġu applikati mill-qorti rikjedenti (il-provvediment ta’ ktieb reliġjuż, pereżempju, jew il-kliem li għandu jintuża).

Jista’ jkun li l-qorti lokali tkun tixtieq ukoll li tagħti l-ġurament Skoċċiż iżda din hija kwistjoni li tkun fid-diskrezzjoni tax-Xeriff (Sheriff) li jippresjedi.

13 Hemm xi arranġamenti biex jiżguraw li hemm persuna ta' kuntatt fil-post tal-vidjokonferenzi li l-qorti li tagħmel it-talba tista' tagħmel l-arranġamenti magħha u persuna li tkun disponibbli fil-jum tas-smigħ biex topera l-faċilitajiet tal-vidjokonferenzi u tindirizza xi problemi tekniċi?

Bħala parti mill-ħidma preparatorja, il-qorti lokali tikseb id-dettalji ta’ kuntatt fil-qorti rikjedenti u tgħaddi dawk id-dettalji lit-Taqsima tal-Kunsinna tas-Servizz Elettroniku (Electronic Service Delivery Unit – ESDU) tas-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali Skoċċiżi (Scottish Courts and Tribunals Service).

L-ESDU mbagħad tikkoordina mal-qorti rikjedenti sabiex jistabbilixxu ħin u post għall-ittestjar tat-tagħmir. L-ESDU tattendi wkoll fil-jum tas-seduta sabiex tħaddem it-tagħmir lokali u tittratta kwalunkwe problema teknika.

14 X'jiġri jekk ikun hemm bżonn ta' xi informazzjoni addizzjonali mill-qorti li tagħmel it-talba?

Kwalunkwe rekwiżit partikolari għall-aċċess jew informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet mediċi li jistgħu jaffettwaw l-għażla tal-post jew il-ħin tas-seduta.

L-aħħar aġġornament: 01/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.