

Għalkemm il-liġi Slovakka ma fihiex regoli speċifiċi li jippermettu li l-provi jinġabru mill-qorti fl-Istat Membru parteċipanti, ma hemm l-ebda dispożizzjonijiet li dan jipprevjenuh. Skont ir-regoli proċedurali, il-qrati jiġbru l-provi waqt seduta, kif ukoll, meta jkun prattiku, barra minn seduta (l-Artikolu 122 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili (Občianský súdny poriadok)). Bil-kunsens tal-partijiet, il-qorti tista' tagħmel seduta orali b'vidjokonferenza jew teknoloġija ta' komunikazzjoni oħra (l-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili). Fil-prinċipju, il-partijiet għandhom id-dritt li jkunu preżenti waqt li jinġabru l-provi.
Ma hemm l-ebda proċedura speċifika għall-ġbir tal-provi b'vidjokonferenza (apparti dawk deskritti fuq). Għalhekk, japplikaw biss ir-Regolament dwar il-Ġbir tal-Provi (Nariadenie o výkone dôkazu), il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili u r-Regoli Amministrattivi u Segretarjali għall-Qrati (Spravovací a kancelársky poriadok pre súdy) (fl-2015, id-Digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk Nru 543 tal-11 ta' Novembru 2005 dwar ir-Regoli Amministrattivi u Segretarjali għall-Qrati Distrettwali (okresné súdy), il-Qrati Reġjonali (krajské súdy), il-Qorti Speċjali (Špeciálny súd) u l-Qrati Militari (vojenské súdy)).
Il-kwistjonijiet l-oħra kollha jridu jiġu solvuti bi ftehim bejn il-qrati kkonċernati u bl-għajnuna tal-EJN.
Ma hemm l-ebda restrizzjoni fil-liġi Slovakka fuq it-tip ta' persuna li tista' tiġi eżaminata permezz ta' vidjokonferenza. Skont l-Artikolu 125 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, il-mezzi kollha li jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti l-fatti ta' kawża jistgħu jintużaw bħala provi. B'mod partikolari jistgħu jkunu eżaminati partijiet, xhieda u periti.
Skont l-Artikolu 124 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, waqt il-ġbir tal-provi jrid jiġi osservat l-obbligu li informazzjoni klassifikata tibqa' kunfidenzjali.
Skont l-Artikolu 100(3), jekk qorti tiddeċiedi li tqis l-opinjoni ta' minuri, l-opinjoni tiġi aċċertata permezz tar-rappreżentat tal-minuri jew tal-awtorità rilevanti inkarigata mill-benessri u l-protezzjoni legali tat-tfal u l-kura soċjali, jew billi teżamina l-minuri anke mingħajr ma jkunu preżenti l-ġenituri tiegħu. Restrizzjonijiet speċifiċi jiddependu kjarament mill-età tal-minuri u mill-metodu magħżul mill-qorti għall-eżami.
L-ebda, ħlief dawk ir-restrizzjonijiet marbuta man-natura proprja tal-vidjokonferenzi (il-fatt li huwa impossibbli li ssir tiftixa fl-istabbiliment permezz ta' vidjokonferenza, eċċ.).
Il-provi normalment jinġabru waqt seduta (l-Artikolu 122 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u s-seduti normalment isiru fil-bini tal-qorti (l-Artikolu 25 flimkien mal-Artikolu 35 tar-Regoli Amministrattivi u Segretarjali għall-Qrati). Għal raġunijiet tekniċi ikun diffiċli li ssir intervista banda oħra.
It-tagħmir għall-vidjokonferenzi jista' wkoll jirreġistra l-vidjokonferenzi. Madankollu, skont it-termini tal-Artikolu 116(6) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, seduta orali permezz ta' vidjokonferenza tista' ssir biss bil-kunsens tal-partijiet. Mingħajr il-kunsens tal-partijiet, japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Artikolu 44a tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, li skonthom seduta tista' tiġi rreġistrata wkoll bl-użu ta' tagħmir ta' awdjoreġistrazzjoni. Dik l-awdjoreġistrazzjoni tinzamm fuq data carrier, li jkun parti mill-atti tal-kawża.
Din il-mistoqsija mhix speċifika għall-ġbir ta' provi minn barra l-pajjiż jew b'vidjokonferenza. Skont ir-regoli ġenerali, is-seduti tal-qorti Slovakka isiru dejjem bil-lingwa uffiċjali u jekk ikun hemm bżonn ikunu pprovduti l-interpreti.
Jekk qorti tkun involuta fil-ġbir tal-provi, wieħed jistenna li l-qorti li tirċievi t-talba tmexxi s-seduta u li għalhekk il-provi jinġabru fil-lingwa ta' dik il-qorti. Jekk il-qorti tiġbor il-provi skont l-Artikolu 17, dan tagħmlu fil-lingwa tagħha stess.
Il-liġi Slovakka ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar din il-kwistjoni. L-interpreti jiġu pprovduti fuq bażi ad hoc bi qbil bejn il-qrati kkonċernati.
Il-liġi Slovakka ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola dawn il-kwistjonijiet. Japplikaw ir-regoli ġenerali dwar is-smigħ tas-seduti u t-taħrik tax-xhieda u l-partijiet. Il-qrati normalment jiġbru l-provi waqt is-seduti (l-Artikolu 122 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili) u taħrika mill-qorti trid tiġi nnotifikata bil-quddiem biżżejjed biex tkun konformi mad-dati ta' skadenza għat-tħejjija ta' seduta tal-qorti (l-Artikolu 46/3 tar-Regoli Amministrattivi u Segretarjali għall-Qrati), li "normalment ikunu ħamest ijiem qabel id-data meta tkun ħa ssir is-seduta" (l-Artikolu 115(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
Il-qrati Slovakki ma jżommux flus għall-vidjokonferenzi.
Il-liġi Slovakka ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola dawn il-kwistjonijiet. B'mod ġenerali, qorti suppost li tinforma persuna bid-drittijiet u l-obbligi proċedurali tagħha fil-bidu ta' seduta. Dan ma japplikax meta dawn il-persuni jkunu rappreżentati minn avukat (advokát). (l-Artikolu 5 tar-Regoli ta' Proċedura Ċivili).
Il-liġi Slovakka ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika li tirregola dawn il-kwistjonijiet. Il-proċedura speċifika se tkun deċiża bi ftehim ad hoc bejn il-qrati kkonċernati. Evidentement japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali li jivverifikaw l-identità tal-persuna. Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu li fil-bidu ta' seduta, l-identità ta' xhud tkun trid tiġi stabbilita flimkien ma' kull ċirkostanza li tista' taffettwa l-kredibilità tax-xhud (relazzjonijiet familjari eċċ., l-Artikolu 126(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili).
Il-liġi Slovakka fiha biss dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw dawn il-kwistjonijiet fi proċedimenti kriminali, mhux fi proċedimenti ċivili.
Madankollu, skont l-Artikolu 126(2) tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, il-qrati jinfurmaw lix-xhieda fil-bidu ta' kull seduta dwar is-sinifikat tad-dikjarazzjonijiet tax-xhieda u dwar id-drittijiet u l-obbligi tax-xhieda (li jgħidu s-sew u ma jaħbu xejn) u dwar il-konsegwenzi penali ta' sperġur. Ta' min jinnota li din id-dispożizzjoni ġuridika (sperġur) ma tapplikax għall-partijiet fil-proċedimenti.
Il-qrati Slovakki kollha għandhom amministratur li jista' jiġi avviċinat biex jippjana l-ittestjar tal-vidjokonnessjoni, id-data tas-seduta eċċ. L-amministratur huwa mħarreġ fl-operat tal-faċilitajiet għall-vidjokonferenzi. F'każ ta' kwalunkwe problema, l-amministratur jista' jikkuntattja lit-teknixin tal-qorti u jista' jara li t-teknixin ikun preżenti dakinhar tas-seduta.
Tkun meħtieġa l-informazzjoni teknika neċessarja biex tiġi stabbilita konnessjoni mat-tagħmir tal-qorti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.