Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliżil-Portugiż diġà ġew tradotti.
Swipe to change

L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Portugall
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Il-proċedura nazzjonali għall-ordni ta’ ħlas tapplika għall-pretensjonijiet li ġejjin:

  • Obbligi finanzjarji li jirriżultaw minn kuntratti li ma jaqbżux il-EUR 15 000 skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Amministrattiv 269 tal-1 ta’ Settembru 1998;
  • Irrispettivament mill-valur, il-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali kif previst fl-Artikolu 10(1) tad-Digriet Amministrattiv 62 tal-10 ta’ Mejju 2013.

Skont il-proċedura għall-ordni ta’ ħlas prevista mil-liġi nazzjonali, fil-każijiet imsemmija hawn fuq u meta l-pretensjoni ma tkunx ikkontestata, il-kreditur jista’ jikseb titolu eżekuttiv (título executivo) mingħajr ma jkollu jagħmel azzjoni dikjaratorja.

Il-proċedura għall-ordni ta’ ħlas hija stabbilita bid-Digriet Amministrattiv 269/98 u hija rregolata mill-Kapitolu II tal-anness ta’ dik il-liġi. L-Artikolu 10 jirreferi għall-mudell ta’ rikors għall-ordni ta’ ħlas approvat mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 21 tat-28 ta’ Jannar 2020.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Għall-pretensjonijiet li jirriżultaw minn kuntratti, l-ammont massimu huwa ta’ EUR 15 000.

Għall-pretensjonijiet li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet kummerċjali, ma hemm l-ebda limitu massimu.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura huwa fakultattiv.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Ir-regoli legali dwar il-proċedura għall-ordni ta’ ħlas ma jeskludux kawżi fejn id-debitur ikun jgħix barra l-Portugall.

1.2 Il-qorti kompetenti

Fil-Portugall, il-korp kompetenti huwa l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta’ Ħlas (Balcão Nacional de Injunções), reġistru uniku li jinsab f’Porto. Id-dettalji ta’ kuntatt jinsabu hawnhekk.

Il-kreditur jista’ jagħżel li jippreżenta r-rikors għall-ordni ta’ ħlas lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet tal-Ħlas, lir-reġistru tal-qorti tal-post tat-twettiq tal-obbligu, jew lir-reġistru tal-qorti tad-domiċilju tad-debitur, li sussegwentement jibagħtuh lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet tal-Ħlas (l-Artikolu 8(1) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98).

L-utenti jistgħu jikkonsultaw il-proċedura għall-ordni ta’ ħlas u jaċċessaw it-titolu eżekuttiv b’mod elettroniku fuq il-Portal Citius.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

Skont l-Artikolu 10 tal-Anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 269/98, għall-finijiet tal-proċedura għall-ordni ta’ ħlas ir-rikorrent irid:

  • Jidentifika r-reġistru tal-qorti li r-rikors huwa indirizzat lilu;
  • Jidentifika l-partijiet;
  • Jispeċifika l-post fejn trid issir in-notifika, u jiddikjara hux il-post tar-“residenza” maqbul fil-kuntratt miktub;
  • Jistabbilixxi fil-qosor il-fatti li huma l-bażi tal-pretensjoni;
  • Jifformula t-talba u jispeċifika l-valur tad-dejn prinċipali, l-imgħax dovut u ammonti pagabbli oħrajn;
  • Jikkonferma li t-tariffi tal-qorti tħallsu;
  • Jiddikjara, meta jkun xieraq, li l-pretensjoni tirrigwarda “tranżazzjoni kummerċjali”;
  • Jiddikjara l-post tar-residenza tiegħu;
  • Jiddikjara l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, jekk ikun jixtieq jirċievi komunikazzjonijiet jew li jkun innotifikat b’dan il-mezz;
  • Jiddikjara jixtieqx li l-kawża tipproċedi bħala azzjoni dikjaratorja, jekk in-notifika ma titħalliex issir;
  • Jispeċifika l-qorti b’ġuriżdizzjoni li tivvaluta d-dokumenti, jekk il-kawża tkun se tipproċedi bħala azzjoni dikjaratorja;
  • Jiddikjara jixtieqx li ssir notifika permezz ta’ aġent tal-eżekuzzjoni jew rappreżentant legali u, jekk ikun jixtieq hekk, jiddikjara isem il-persuna u l-indirizz tan-negozju;
  • Jekk il-kwistjoni tkun tikkonċerna kuntratt ta’ konsumatur, jiddikjara jekk il-kuntratt fihx termini u kundizzjonijiet ġenerali, taħt piena li jitqies bħala litigant vessatorju;
  • Jiffirma r-rikors.

Ir-regoli rigward il-preżentazzjoni u l-konsenja tar-rikors għall-ordni huma stabbiliti fl-Artikolu 5 tal-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali (Portaria) Nru 220-A/2008 flimkien mal-Artikolu 8 tal-Anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98. Dan ta’ hawn fuq jipprevedi li:

  • Ir-rikors jista’ jiġi ppreżentat minn kwalunkwe post fil-pajjiż.
  • L-avukati (advogados) u s-solicitors (solicitadores) iridu jippreżentaw ir-rikors għall-ordni b’mod elettroniku.
  • Il-kredituri li ma jkunux rappreżentati minn avukat jew solicitor jistgħu jippreżentaw ir-rikors għall-ordni fuq karta. F’dan l-aħħar każ, il-kreditur ma jkunx jista’ jippreżenta r-rikors fuq karta fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Ordnijiet ta’ Ħlas; irid jippreżentah fir-reġistru tal-qorti tal-post tat-twettiq tal-obbligu jew fir-reġistru tal-qorti tad-domiċilju tad-debitur. Jekk ikun hemm qrati b’ġuriżdizzjoni speċjalizzata jew b’ġuriżdizzjoni speċifika, ir-rikors irid jiġi ppreżentat fir-reġistru tal-qorti rilevanti skont ir-regoli rispettivi tal-ġuriżdizzjoni ratione materiae. Imbagħad huwa r-reġistru li jrid idaħħal l-informazzjoni dwar ir-rikors fis-sistema tal-IT għall-ipproċessar tal-ordnijiet ta’ ħlas. Id-data ta’ meta tkun ġiet ippreżentata fir-reġistru tiġi rreġistrata bħala d-data tar-rikors.

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

Il-formola obbligatorja għal rikors għall-ordni ta’ ħlas kif prevista mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali Nru 21 tat-18 ta’ Jannar 2020 tista’ titniżżel hawnhekk.

Ir-reġistri tal-qorti kompetenti biex jirċievu r-rikors għall-ordni ta’ ħlas fuq karta jistgħu jagħmlu l-formola standard disponibbli għaċ-ċittadini meta jitolbuhielhom.

L-avukati u s-solicitors jistgħu jiksbu l-formola elettronika permezz tal-indirizz tal-posta elettronika tal-Portal Citius.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Mhuwiex meħtieġ li tkun irrappreżentat minn avukat f’din il-proċedura, iżda r-rikorrenti jistgħu jqabbdu rappreżentant legali jekk jixtiequ (l-Artikolu 10(5) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98).

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

L-Artikolu 10(2)(d) tad-Digriet Amministrattiv 269/98 jeżiġi li r-rikorrenti jistabbilixxu fil-qosor il-fatti li wasslu għall-pretensjoni tagħhom.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Le.

L-evidenza għandha tiġi ppreżentata biss meta titressaq oġġezzjoni, f’liema każ l-ordni ta’ ħlas tiġi ttrattata bħala azzjoni dikjaratorja speċjali jew ordinarja f’konformità mal-każijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-Digriet Amministrattiv 269/98 u l-Artikolu 10(2) sa (4) tad-Digriet Amministrattiv 62/2013 rispettivament.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Ir-rikors għall-ordni ta’ ħlas jista’ jiġi miċħud għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 11 tad-Digriet Amministrattiv 269/98, jekk:

  • ma jkunx indirizzat lir-reġistru tal-qorti kompetenti jew ir-rikorrent naqas milli jispeċifika l-qorti b’ġuriżdizzjoni biex teżamina l-fajl, jekk il-kawża għandha tipproċedi bħala azzjoni dikjaratorja;
  • ma tissemmiex l-identità tal-partijiet, il-post tar-residenza tar-rikorrent jew il-post fejn irid jiġi nnotifikat id-debitur;
  • ma jkunx iffirmat (fil-każijiet meta ma jkunx ġie ppreżentat elettronikament biss);
  • ma jkunx miktub bil-Portugiż;
  • ma jkunx isegwi l-mudell approvat mill-Ordni ta’ Implimentazzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja;
  • ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li t-tariffi tal-qorti jkunu tħallsu;
  • l-ammont ikkonċernat ikun jaqbeż il-EUR 15 000,00, u ma jkun hemm l-ebda indikazzjoni li kienet involuta tranżazzjoni kummerċjali;
  • it-talba ma tkunx taqbel mal-ammont jew mal-fini tal-proċedura.

1.5 Appell

Jista’ jitressaq appell kontra deċiżjoni li tiċħad rikors mal-imħallef jew, meta l-qorti jkollha iktar minn imħallef wieħed, mal-imħallef tal-għassa (l-Artikolu 11(2) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 269/98).

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Il-limitu ta’ żmien biex topponi l-ordni ta’ ħlas huwa ta’ 15-il jum (l-Artikolu 12(1) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98).

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk l-intimat jikkontesta l-ordni, ma tingħatax titolu eżekuttiv.

Il-każ, imbagħad, jiġi rinvijat għall-mezzi ordinarji, bil-forma ta’ azzjoni dikjaratorja speċjali jew ordinarja f’konformità mal-każijiet previsti fl-Artikolu 3 tal-anness tad‑Digriet Amministrattiv Nru 269/98 u l-Artikolu 10(2) sa (4) tad-Digriet Amministrattiv Nru 62/2013 rispettivament.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Jekk wara li jkun debitament innotifikat f’konformità mal-Artikoli 12 u 13 tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98, l-intimat ma jressaqx nota tal-eċċezzjonijiet, ir-reġistratur iżid il-kliem li ġej fuq ir-rikors għall-ordni ta’ ħlas: “Dan id-dokument għandu titolu eżekuttiv” (Este documento tem força executiva) (l-Artikolu 14(1) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv Nru 269/98).

L-ordni mbagħad tikkostitwixxi titolu eżekuttiv.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ladarba tiżdied il-klawżola ta’ eżekuzzjoni, ir-reġistratur jagħti aċċess lir-rikorrent għall-ordni, preferibbilment b’mezzi elettroniċi (l-Artikolu 14(5) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98).

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Tista’ titressaq kontestazzjoni quddiem il-qorti kontra ċaħda ta’ eżegwibilità. L-inklużjoni tal-klawżola ta’ eżekuzzjoni tista’ tiġi miċħuda jekk ir-rikors ma jkunx jaqbel mal-ammont jew il-fini tal-proċedura (l-Artikolu 14(3) u (4) tal-anness tad-Digriet Amministrattiv 269/98).

Links Relatati:

Portal Citius

Id-Digriet Amministrattiv 269/98

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali 220-A/2008

L-Ordni ta’ Implimentazzjoni Ministerjali 21/2020

 

Avviż:

Il-Punt ta’ Kuntatt tan-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-materji ċivili u kummerċjali, il-qrati jew entitajiet u awtoritajiet oħrajn mhumiex marbutin bl-informazzjoni li tinsab f’din l-iskeda informattiva, li tista’ tkun soġġetta għal bidliet fl-interpretazzjoni mill-ġurisprudenza. Għalkemm l-iskedi informattivi jiġu aġġornati fuq bażi regolari, xorta hemm bżonn li tinqara l-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

L-aħħar aġġornament: 19/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.