L-Ordni Ewropea tal-Ħlas

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ ordni għal proċeduri għall-ħlas

1.1 L-ambitu tal-proċedura

1.1.1 Liema talbiet huma eliġibbli (pereżempju talbiet fi flus biss, talbiet kuntrattwali biss eċċ.)?

Ordni ta’ ħlas taqa’ taħt l-hekk imsejħa proċeduri sommarji tal-qorti. Il-proċedura hi rregolata fl-Artikolu 265 u ff. tal-Att Nru 160/2015, Kodiċi tal-Proċedura Ċivili (zákon č. 160/2015 Z.z. Civilný sporový poriadok) (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ is-“CCP”).

Ordni ta’ ħlas tista’ tinħareġ biss jekk pretendent ifittex li jeżerċita dritt għall-ħlas ta’ ammont finanzjarju fuq il-bażi tal-fatti asseriti mill-pretendent li dwarhom il-qorti ma jkollha ebda dubju, b’mod partikolari jekk dawk il-fatti jkunu ddokumentati minn evidenza dokumentarja. Deċiżjoni dwar talba tista’ tinħareġ fil-forma ta’ ordni ta’ ħlas maħruġa bla ma tintalab id-dikjarazzjoni tal-konvenut u mingħajr ma jiġi ordnat smigħ. Fid-deċiżjoni, il-konvenut jiġi obbligat iħallas l-ammont finanzjarju jew parti minnu u jkopri l-ispejjeż tal-proċedura fi żmien 15-il jum min-notifika, jew jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fi ħdan l-istess terminu perentorju. Għall-fini tal-proċeduri tal-ordni ta’ ħlas, dikjarazzjoni li tikkonċerna l-ispejjeż tal-proċedura titqies li tikkostitwixxi deċiżjoni.

1.1.2 Hemm limitu massimu fir-rigward tal-valur tat-talba?

Le, m’hemmx.

1.1.3 L-użu ta’ dik il-proċedura huwa fakultattiv jew obbligatorju?

L-użu tal-proċedura hu fakultattiv, bl-iskop tagħha jkun li tindirizza l-materja b’mod effiċjenti u kosteffiċjenti. Il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas ma jiddependix mit-talba espliċita tal-pretendent; qorti tista’ toħroġ ordni ta’ ħlas anki jekk il-pretendent ikun talab lill-qorti tiddeċiedi permezz ta’ sentenza.

1.1.4 Din il-proċedura hija disponibbli jekk l-intimat jgħix fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz?

Jekk ordni ta’ ħlas tiġi nnotifikata barra l-pajjiż, din tissejjaħ l-ordni ta’ ħlas Ewropea. L-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi ppreżentata fuq il-Formola A skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

1.2 Il-qorti kompetenti

Il-qorti kompetenti fil-proċeduri tal-Prim’Istanza hi l-qorti distrettwali. Il-proċedimenti jsiru fil-qorti li jkollha ġurisdizzjoni sostantiva u lokali.

1.3 Ir-rekwiżiti formali

1.3.1 L-użu ta’ formola standard huwa obbligatorju? (jekk iva, minn fejn tista’ tinkiseb din il-formola?)

L-użu ta’ formola f’dawn il-proċedimenti mhuwiex mandatorju, iżda jekk il-pretendent jippreżenta, flimkien mal-applikazzjoni tiegħu għall-bidu ta’ proċeduri, ordni ta’ ħlas fuq formola ppubblikata fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka (Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky) https://www.justice.gov.sk, f'dak il-każ, dment li jkunu ġew issodisfati l-kundizzjonijiet statutorji għall-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas u tkun tħallset it-tariffa tal-qorti, il-qorti toħroġ ordni ta’ ħlas fi żmien għaxart ijiem ta’ negozju minn dakinhar li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

1.3.2 Jeħtieġ li nkun rappreżentat minn avukat?

Ir-rappreżentazzjoni minn avukat f’dawn il-proċedimenti mhix meħtieġa.

1.3.3 Kemm trid tkun dettaljata r-raġuni għat-talba?

Dawn huma proċedimenti sommarji li fihom il-każ ikun ibbażat biss fuq il-fatti asseriti mill-pretendent. Għaldaqstant, hu neċessarju li l-fatti li jifformaw il-bażi tad-dritt asserit mill-pretendent ikunu ddokumentati b’mod suffiċjenti, u li l-eżekuzzjoni mitluba trid tkun awtorizzata minn liġi oġġettiva.

1.3.4 Huwa meħtieġ li tiġi ppreżentata prova bil-miktub fir-rigward tat-talba kkonċernata? Jekk iva, liema dokumenti huma ammissibbli bħala provi?

Talba trid tkun iddokumentata, pereżempju b’kuntratt. Fil-każijiet kollha, prova li ssostni t-talba trid tkun mehmuża mat-talba.

1.4 Iċ-ċaħda ta’ rikors

Jekk il-qorti ma toħroġx ordni ta’ ħlas, tiġi segwita l-proċedura deskritta fit-Taqsima 168(1) tas-CCP, il-proċedura tkun bħalma tkun fi kwalunkwe tilwima oħra.

Jekk tiġi ppreżentata talba għall-ħlas ta’ ammont finanzjarju fuq il-bażi ta’ kuntratt konkluż minn konsumatur u l-konvenut ikun konsumatur, il-qorti ma toħroġx ordni ta’ ħlas jekk il-kuntratt jew dokumenti kuntrattwali oħra jkun fihom termini eċċessivi b’mod mhux iġġustifikat (Taqsima 299(2) tas-CCP).

1.5 Appell

Fi proċeduri li jikkontestaw il-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas jitfittex rimedju permezz ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni. Appell biex jitfittex rimedju jista’ jsir biss kontra d-deċiżjoni li tikkonċerna l-ispejjeż tal-proċedura. Qorti tiddeċiedi dwaru bi proċedura sommarja, jiġifieri mingħajr smigħ.

1.6 Dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni użata biex jitfittex rimedju trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum min-notifika tagħha lill-qorti li tkun ħarġitha. Din trid tkun sostnuta b’raġunijiet. Titħallas tariffa tal-qorti għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni użata fit-tfittix ta’ rimedju.

1.7 L-effett tad-dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Malli saħansitra konvenut wieħed jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni saż-żmien meħtieġ b’ġustifikazzjoni rilevanti, l-ordni ta’ ħlas tiġi annullata u l-qorti tordna smigħ.

1.8 L-effett tan-nuqqas ta’ dikjarazzjoni ta’ kontradizzjoni

Malli jiskadi t-terminu perentorju għall-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li tibqa’ ma tiġix ippreżentata, l-ordni ta’ ħlas tidħol fis-seħħ bis-sħiħ.

1.8.1 X’jeħtieġ li jsir sabiex tinkiseb deċiżjoni eżekuttiva?

Ordni ta’ ħlas trid issir legalment effettiva – fuqha jrid ikun hemm timbru tal-validità u tal-eżegwibilità, li jiġi pprovdut fil-qorti li tkun ħarġet l-ordni ta’ ħlas. Imbagħad trid tiġi ppreżentata applikazzjoni għall-eżekuzzjoni.

1.8.2 Din id-deċiżjoni tkun finali jew ikun għad fadal il-possibilità li l-intimat jappella minnha?

Jekk dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni ma tiġix ippreżentata fit-terminu perentorju statutorji għat-tfittix ta’ rimedju kontra ordni ta’ ħlas, l-ordni jkollha l-istess effett bħal sentenza li tista’ tkun eżegwita. Jista’ jiġi ppreżentat appell straordinarju biex tiġi kkontestata deċiżjoni li tista’ tkun eżegwita skont it-tifsira tal-OSP, iżda biss jekk ikunu ssodisfati r-rekwiżiti statutorji kollha. Il-possibbiltà li jiġi ppreżentat appell straordinarju tiddependi miċ-ċirkustanzi u mill-fatti ta’ kull każ.

L-aħħar aġġornament: 22/04/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.