Talbiet żgħar

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Attwalment, il-leġiżlazzjoni Finlandiża ma tinkludix regolamenti proċedurali skont l-ammont monetarju mitlub mir-rikorrent. Madankollu, tista' tiġi ordnata proċedura ad hoc, skont in-natura tal-kawża. Kawża tgħaddi biss mill-istadji kollha tal-proċedimenti ġudizzjarji normali jekk ikun hemm raġunijiet għal dan u jekk il-partijiet interessati jkunu jixtiequ li jiġri hekk. Pereżempju, kawża tista' tiġi deċiża minn imħallef wieħed, mingħajr l-ebda sessjoni preparatorja orali, jew permezz ta' proċedura kompletament miktuba. Il-kawżi ċivili mhux kontenzjużi għandhom proċedura speċifika għalihom. Għall-ipproċessar ta’ pretensjonijiet mhux ikkontestati, ara “Proċedura dwar l-ordni ta' pagament – il-Finlandja” u “Proċessar awtomatiku – il-Finlandja”.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Kif intqal hawn fuq, il-valur monetarju tal-pretensjoni mhuwiex rilevanti. It-tip ta' proċedura li tintuża tiddependi mill-kontenut kwalitattiv tal-kawża.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċedimenti tal-kawżi ċivili jinbdew billi jiġi ppreżentat rikors bil-miktub għal ċitazzjoni lill-Qorti Distrettwali (käräjäoikeus). Il-pretensjonijiet mhux ikkontestati jistgħu jiġu introdotti wkoll permezz ta' rikors elettroniku (ara “Proċedura dwar l-ordni ta' pagament – il-Finlandja”).

1.3 Formoli

Ma hemm l-ebda formola, apparti dik maħsuba biex wieħed jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li jappella kontra deċiżjoni meħuda mill-Qorti Distrettwali. Ċerti Qrati Distrettwali ħolqu xi formoli għal tipi speċifiċi ta' korrispondenza; normalment ikun hemm il-formoli għal rikors jew il-formoli għal risposta. Ma hemm l-ebda obbligu biex jintużaw dawn il-formoli.

Il-pretensjonijiet mhux ikkontestati jistgħu jiġu introdotti permezz ta' formola għal rikors elettroniku (ara “Proċedura dwar l-ordni ta' pagament – il-Finlandja”)

1.4 Assistenza

Skont kif ikun meħtieġ, ir-reġistri tal-qrati jistgħu jipprovdu xi pariri fil-qasam proċedurali.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Jekk il-pretensjoni ma tkunx ikkontestata, ma hemmx għalfejn tiġi ppreżentata evidenza. Jekk tintuża proċedura kompletament miktuba, tiġi eżaminata biss l-evidenza miktuba. Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċjali li tindika li, f'kawżi ta' talbiet żgħar, ikunu japplikaw regoli speċifiċi għall-ġbir ta' evidenza.

1.6 Proċedura bil-miktub

Kawża tista' tinqata' mingħajr ma jsir smigħ orali, purament abbażi ta' evidenza miktuba. Il-kawżi mhux kontenzjużi dejjem jiġu deċiżi b'dan il-mod. Il-kawżi kkontestati jistgħu jinqatgħu permezz ta' evidenza miktuba biss jekk in-natura tagħhom tkun tali li ma jkunx hemm bżonn ta' smigħ u jekk l-ebda waħda mill-partijiet interessati ma toġġezzjona għall-użu ta' proċedura bil-miktub.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Ma hemm l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar il-kontenut tas-sentenzi f'kawżi ta' talbiet żgħar.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Bħala regola ġenerali, il-parti telliefa tkun obbligata tħallas l-ispejjeż legali kollha raġonevoli li kellha ġġarrab il-kontroparti tagħha biex ħadet il-passi neċessarji fil-kwistjoni. Madankollu, l-ammont tal-ispejjeż li għandu jiġi rimborżat f'kawżi relatati ma' pretensjonijiet mhux ikkontestati u mal-kera ta' postijiet residenzjali, huwa soġġett għal-limitu massimu stabbilit. F'dawn il-każijiet, l-ammont massimu tal-ispejjeż li l-intimat li jkun tilef il-kawża jista' jiġi obbligat iħallas lir-rikorrent ikun skont tabella tat-tariffi.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

In-natura tal-kawża ma tiddeterminax id-dritt għall-appell. Il-proċedura tal-appell hija l-istess għall-kawżi kollha. L-intenzjoni li tiġi appellata d-deċiżjoni tal-Qorti Distrettwali trid tiġi nnotifikata fiż-żmien stipulat, u l-appell jinstema’ minn Qorti tal-Appell (hovioikeus).

L-aħħar aġġornament: 10/05/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.