

Il-proċeduri għal talbiet żgħar jistgħu jitressqu permezz ta’ rikors quddiem il-qrati lokali (chambres de proximité des tribunaux judiciaires) jew quddiem l-imħallfin għal tilwim dwar il-protezzjoni (juges des contentieux de la protection), skont l-Artikoli 756 et seq tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Il-proċedura hija orali iżda l-partijiet jistgħu jippreżentaw konklużjonijiet bil-miktub jekk ikunu jixtiequ jagħmlu hekk.
Ir-rikors jista’ jsemmi l-qbil tar-rikorrent biex il-proċedura ssir mingħajr seduta ta’ smigħ (l-Artikolu 757 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). L-Artikolu 828 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jippermetti wkoll lill-partijiet jagħtu l-approvazzjoni tagħhom b’mod espliċitu fi kwalunkwe stadju biex il-proċedura ssir mingħajr seduta ta’ smigħ. Din il-proċedura mingħajr seduta ta’ smigħ ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2020 u kienet ispirata mill-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Ir-reġistru jħarrek lill-partijiet għas-seduta ta’ smigħ permezz ta’ ittra rreġistrata b’konferma tar-riċevuta. Jekk l-intimat ma jirċevix din l-ittra, l-imħallef jista’ jitlob lir-rikorrent biex din tintbagħat minn uffiċjal ġudizzjarju (huissier de justice).
Il-proċedimenti legali jridu jkunu preċeduti minn tentattiv ta’ konċiljazzjoni minn konċiljatur legali, tentattiv ta’ medjazzjoni jew tentattiv ta’ proċedura parteċipattiva, skont l-għażla tal-partijiet, u fin-nuqqas ta’ dan, l-Imħallef jista’ jiddeċiedi ex officio li r-rikors huwa inammissibbli.
Ir-rappreżentanza legali mhijiex obbligatorja. Il-partijiet jistgħu jkunu rappreżentati mill-konjuġi tagħhom, is-sieħeb/sieħba koabitanti, il-persuna li jkollha patt ċivili ta’ solidarjetà magħha, il-qraba tagħhom bid-demm jew bi żwieġ, f’linja diretta jew kollaterali, jew il-persuni li jimpjegaw.
It-talba ma tistax taqbeż il-EUR 5 000 u trid taqa’ taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti lokali jew tal-imħallef għal tilwim dwar il-protezzjoni.
Hemm formola għal tressiq quddiem il-qorti.
Il-formola CERFA Nru 11764*08 hija disponibbli fis-sit web tal-gvern Franċiż, fis-servizzi kollha ta’ akkoljenza tal-litiganti (Services d’Accueil Unique du Justiciable) u fuq www.justice.fr.
Peress illi hija proċedura sempliċi li tinvolvi ammonti li ma jaqbżux l-EUR 5 000 u l-partijiet jinstemgħu mill-imħallef sakemm ma jaqblux dwar proċedura mingħajr seduta ta’ smigħ, il-liġi ma tipprevedi l-ebda għajnuna. Madankollu, il-partijiet jistgħu jkunu assistiti jew rappreżentati minn avukat, inkluż wara li jkunu talbu l-għajnuna legali.
Ir-regoli tal-evidenza huma simili għal dawk tal-proċedura ordinarja.
Ħlief f’każijiet fejn il-partijiet jaqblu dwar proċedura mingħajr seduta ta’ smigħ, ma hemmx proċedura purament bil-miktub fil-kuntest ta’ tali proċedimenti permezz ta’ rikors.
Ir-regoli applikabbli għas-sentenza huma l-istess bħal dawk tal-proċedura ordinarja.
Ir-regoli applikabbli huma l-istess bħal dawk għall-proċeduri l-oħra. Madankollu, peress li din il-proċedura fil-prinċipju ma teħtieġx il-ħatra ta’ avukat jew ta’ rappreżentanza legali, l-ispejjeż relatati huma aktar baxxi.
Fid-dawl tal-ammonti kkonċernati minn tali talbiet, ma hemm l-ebda possibbiltà ta’ appell. Is-sentenza tista’ biss tiġi opposta (jekk l-intimat ma jkunx irċieva t-taħrika għas-seduta ta’ smigħ) jew titressaq għall-kassazzjoni (jekk l-intimat ikun irċieva t-taħrika għas-seduta ta’ smigħ).
Links relatati
Is-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja (Ministère de la Justice)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.