Talbiet żgħar

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Iva, din il-proċedura teżisti skont id-dritt Irlandiż bħala metodu alternattiv ta’ kif tibda talba ċivili żgħira. [Ara r-Regoli tal-Qorti Distrettwali dwar il-Proċedura għal Talbiet Żgħar) (District Court (Small Claims Procedure) Rules) tal-1997 u tal-1999]. Hija servizz ipprovdut mill-uffiċċji tal-Qorti Distrettwali u hija maħsuba sabiex tittratta t-talbiet tal-konsumaturi bl-irħis mingħajr l-involviment ta’ solicitor. Il-proċedimenti li jinvolvu Talbiet Żgħar (jiġifieri ċerti talbiet b’valur massimu ta’ EUR 2 000) jistgħu jinfetħu wkoll permezz tal-Internet.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

It-tipi ta’ talbiet koperti mill-proċedura għal talbiet żgħar huma:

(i) talba għal oġġetti jew għal servizzi mixtrijin għal użu privat minn xi ħadd li jbigħhom f’kuntest ta’ negozju (talbiet tal-konsumatur)

(ii) talba għal dannu minuri kkawżat fuq proprjetà (minbarra korriment personali)

(iii) talba għan-nuqqas ta’ ritorn ta’ depożitu fuq kera għal ċerti tipi ta’ propjetajiet mikrijin. Pereżempju, dar tal-villeġġatura jew kamra/appartament f’bini li fih jgħix ukoll is-sid dment li t-talba ma taqbiżx l-EUR 2 000.

Talbiet fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta ma’ talbiet ta’ sid il-propjetà/il-kerrej jew akkomodazzjoni mikrija li ma jaqgħux taħt il-proċedura għal talbiet żgħar jistgħu jitressqu quddiem ir-Residential Tenancies Board, 2nd Floor, O’Connell Bridge House, D’Olier Street, Dublin 2. Sit web: Home

Esklużi mill-proċedura għal talbiet żgħar huma talbiet li ġejjin minn:

(i) ftehim ta’ lokazzjoni b’opzjoni ta’ xiri

(ii) ksur ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni

(iii) djun

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Sabiex ikun eliġibbli għall-proċedura, il-konsumatur irid jkun xtara l-oġġetti jew is-servizzi għal użu privat minn xi ħadd li jbigħhom f’kuntest ta’ negozju. Minn Jannar 2010, il-proċedura tista’ tintuża wkoll minn negozjant kontra ieħor. L-Uffiċjal Klerikali tal-Qorti Distrettwali, imsejjaħ ir-Reġistratur tat-Talbiet iż-Żgħar, jipproċessa t-talbiet żgħar. Fejn ikun possibbli, ir-reġistratur jinnegozja soluzzjoni bejn il-partijiet mingħajr il-bżonn ta’ seduta ta’ smigħ fil-qorti. Jekk il-kwistjoni ma tistax tiġi solvuta, ir-reġistratur jippreżenta t-talba quddiem il-Qorti Distrettwali għal seduta ta’ smigħ.

L-attur irid jkun ċert mill-isem u mill-indirizz tal-persuna jew tal-kumpanija li kontriha jixtieq jippreżenta t-talba tiegħu. Jekk tkun kumpanija, irid juża t-titlu ġuridiku preċiż. Dawn id-dettalji jridu jkunu preċiżi sabiex ix-Sheriff ikun jista’ jeżegwixxi l-Ordni (Digriet) tal-Qorti.

Jekk ir-Reġistratur tat-Talbiet Żgħar jirċievi risposta mingħand il-konvenut li fiha jopponi t-talba jew jagħmel kontrotalba, ir-Reġistratur jikkuntattja lill-attur u jagħtih kopja tar-risposta jew tal-kontrotalba tal-konvenut. Ir-Reġistratur jista’ jagħmel mistoqsijiet liż-żewġ partijiet u jinnegozja magħhom sabiex jipprova jsib soluzzjoni.

Jekk il-konvenut jammetti dak li tistipula t-talba, ikun meħtieġ jinnotifka lill-uffiċċju tar-Reġistratur billi jibgħat formola ta’ Avviż ta’ Aċċettazzjoni tar-Responsabbiltà. Jekk il-konvenut ma jweġibx, it-talba titqies awtomatikament bħala mhux ikkontestata. Imbagħad, il-Qorti Distrettwali toħroġ ordni favur l-attur (mingħajr in-neċessità li l-attur jidher il-qorti) għall-ammont mitlub, u tordna li jitħallas f’perjodu ta’ żmien qasir speċifiku.

1.3 Formoli

Ir-Reġistratur tat-Talbiet Żgħar jipprovdi l-formola ta’ applikazzjoni lill-attur jew inkella din tista’ titniżżel mis-sit web tas-Servizzi tal-Qorti fuq https://www.courts.ie/

1.4 Assistenza

Peress li l-iskop tal-proċedura għal talbiet żgħar hija li tittratta talbiet tal-konsumaturi bl-irħis mingħajr l-involviment ta’ solicitor, ġeneralment assistenza jew pariri legali ma jkunux neċessarji għal dawn it-tipi ta’ talbiet.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Jekk il-kwistjoni tmur quddiem il-qorti, il-partijiet iridu jattendu s-seduta ta’ smigħ quddiem il-Qorti Distrettwali. Il-kawża tinstema’ fil-pubbliku bħala parti minn seduta normali tal-Qorti Distrettwali. Meta tissejjaħ il-kawża, ir-Reġistratur tal-Qorti jsejjaħ lill-attur sabiex jitla’ fuq il-pedana u jixhed. Ix-xhieda trid tingħata taħt ġurament jew affermazzjoni u l-konvenut jista’ jagħmel il-kontroeżami tal-attur fuq kwistjonijiet relatati mat-talba. Il-konvenut jingħata wkoll l-opportunità li jixhed. Kull xhud jista’ jkun soġġett għal kontroeżami mill-kontroparti jew mir-rappreżentanti legali tagħha, jekk ikunu preżenti. Il-partijiet għandhom ukoll dritt isejħu x-xhieda jew jissottomettu rapporti minn xhieda iżda ma jkunux jistgħu jirkupraw l-ispejjeż għal dan l-għan peress li l-proċedura ma hijiex maħsuba sabiex jiġu koperti spejjeż bħal dawn iżda hija maħsuba sabiex tiffaċilita l-ftuħ ta’ talbiet żgħar f’forum relattivament irħis.

1.6 Proċedura bil-miktub

Jekk il-kwistjoni ma tiġix riżolta mir-Reġistratur tat-Talbiet Żgħar, imbagħad dakinhar tas-seduta ta’ smigħ, l-attur irid iġib miegħu dokumenti ta’ sostenn li jsostnu t-talba tiegħu, pereżempju kwalunkwe ittra, irċevuta jew fattura rilevanti. Barra minn jekk, iż-żewġ partijiet jingħataw l-opportunità li jixhdu verbalment u jistgħu jiġu kontroeżaminati.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Jekk l-attur jirbaħ il-kawża, il-Qorti Distrettwali tagħti ordni favur l-attur għall-ammont mitlub, u tordna li dan jitħallas f’perjodu ta’ żmien qasir speċifiku.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Filwaqt li l-partijiet jistgħu jqabbdu konsulent legali, ma humiex intitolati li jirkupraw l-ispejjeż għas-servizzi tiegħu mingħand il-parti l-oħra, lanqas jekk jirbħu l-kawża. L-għan aħħari tal-proċedura għal talbiet żgħar hija li tiffaċilita l-ftuħ ta’ kawża mingħajr il-bżonn ta’ solicitor jew barrister.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Kemm l-attur kif ukoll il-konvenut għandhom id-dritt li jappellaw ordni tal-Qorti Distrettwali quddiem is-Circuit Court. L-ispejjeż jiġu aġġudikati mis-Circuit Court, iżda dik hija kwistjoni li trid tiġi deċiża mill-imħallef individwali tas-Circuit Court.

Links relatati

https://www.courts.ie

https://www.courts.ie/small-claims

http://www.citizensinformation.ie/en/justice/courts_system/small_claims_court.html

https://www.courts.ie/small-claims

L-aħħar aġġornament: 07/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.