Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar
M’hemmx proċediment speċifiku għat-talbiet iż-żgħar. Il-proċediment quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja (giudice di pace).
Bħala regola ġenerali, il-proċedimenti quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja jinżammu sempliċi kemm jista’ jkun (l-Artikoli 316-318 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja jisma' t-talbiet dwar beni mobbli b'valur li ma jaqbiżx il-EUR 5 000 (ħamest elef ewro) sakemm ma jkunx provdut mod ieħor mil-liġi.
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja għandu ġuriżdizzjoni wkoll għall-kawżi għal kumpens minħabba ħsara kkawżata minħabba inċidenti b’vetturi u bastimenti, sakemm il-valur tat-tilwima ma' jaqbiżx l-EUR 20 000 (għoxrin elf ewro).
Il-Kummissarju tal-Ġustizzja għandu ġuriżdizzjoni, ikun xi jkun il-valur, fl-oqsma li ġejjin:
- il-kawżi dwar it-twaqqif u l-osservazzjoni tad-distanzi stabbiliti bil-liġi, mir-regolamenti jew l-użu dwar it-tħawwil tas-siġar u ħitan tal-ħaxix;
- il-kawżi dwar liema u kif għandhom jintużaw is-servizzi tal-kondominju fid-djar;
- il-kawżi dwar ir-relazzjonijiet bejn is-sidien jew id-detenturi tal-proprjetà immobbli maħsuba għall-abitazzjoni rigward ħruġ ta' duħħan jew sħana, irwejjaħ, storbju, ċaqliq u disturb simili li jaqbeż il-livell ta' tolleranza normali;
- il-kawżi dwar l-interessi jew aċċessorji ta' pagament ta' benefiċċji ta’ sigurtà soċjali jew ta’ assistenza li sar tard.
Bil-Liġi Nru 57 tat-28 ta’ April 2016, il-Parlament Taljan ta s-setgħa lill-Gvern biex iwettaq riforma fis-sistema ta’ ġudikanti onorarji. L-għoti tas-setgħa jipprovdi wkoll li l-ġuriżdizzjoni tal-ġudikanti onorarji tiġi estiża b’żieda fil-livell limitu tal-valur tal-każijiet li jisimgħu minn EUR 5000 għal EUR 30 000 u għal EUR 50 000 f'każijiet ta’ kumpens għal danni jew korriment minħabba inċidenti tat-traffiku. L-għoti tas-setgħa għadu ma ġiex implimentat, allura r-regoli l-ġodda għadhom ma japplikawx.
1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura
Il-kawża quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja tibda b’ċitazzjoni (citazione) biex wieħed jidher quddiem il-qorti għas-seduta stabbilita. It-talba tista’ ssir ukoll oralment, fejn il-Kummissarju tal-Ġustizzja jniżżel f’dokument li r-rikorrent innotifika lill-konvenut biċ-ċitazzjoni biex jidher il-qorti fis-seduta ta’ smigħ stabbilita (l-Artikoli 316 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). It-talba jrid ikun fiha, minbarra l-indikazzjoni tal-ġudikant u tal-partijiet, deskrizzjoni tal-fatti u indikazzjoni tas-suġġett. Bejn il-ġurnata tan-notifika u dik tad-dehra l-qorti jridu jgħaddu termini iqsar bin-nofs meta mqabbla mal-proċediment quddiem il-qorti ġenerali (tribunale), jiġifieri 45 jum (l-Artikoli 318 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili). Fl-ewwel seduta l-Kummissarju tal-Ġustizzja jistaqsi domandi b'mod liberu lill-partijiet u jipprova jwassalhom għar-rikonċiljazzjoni. Jekk din isseħħ ifassal proċess verbali li jiġi rreġistrat. Jekk ir-rikonċiljazzjoni ma tirnexxix, il-Kummissarju tal-Ġustizzja jistieden lill-partijiet biex jiddikjaraw b'mod preċiż il-fatti li kull wieħed minnhom ibbaża fuqhom it-talba tiegħu, l-argumenti ta' difiża u l-eċċezzjonijiet, u jipproduċu d-dokumenti u provi oħra. Meta jkun meħtieġ minħabba l-miżuri meħuda mill-partijiet fl-ewwel seduta, il-Kummissarju tal-Ġustizzja jista' jiffissa għal darba biss seduta oħra għall-produzzjoni ulterjuri u u talbiet għall-provi. Id-dokumenti prodotti mill-partijiet jistgħu jidħlu fil-fajl tal-qorti u jibqgħu ppreservati hemmhekk sakemm tingħata s-sentenza finali.
1.3 Formoli
Ma hemmx formoli.
1.4 Assistenza
Quddiem il-Kummissarju tal-Ġustizzja l-partijiet jistgħu jidhru personalment mingħajr avukat f'kawżi b'valur li ma jaqbiżx l-EUR 1 100. (L-Artikolu 82 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u skeda għat-tressiq quddiem il-qrati) Ara l-iskeda informattiva dwar “Kif tressaq kawża quddiem il-qorti”).
Fil-każijiet l-oħra, il-partijiet jridu jiġu assistiti minn avukat. Madankollu il-Kummissarju tal-Ġustizzja jista’, minħabba n-natura u l-iskop tal-kawża, jħalli lill-partijiet jidhru mingħajr avukat fuq talba orali tal-parti stess jew mod ieħor.
L-imħallef jivverifika jekk il-partijiet ħadux il-passi kollha meħtieġa biex jidhru l-qorti u, meta jkun meħtieġ, jistedinhom jimlew jew jirregolaw l-atti u d-dokumenti li fil-fehma tiegħu huma difettużi.
Jekk il-Kummissarju jsib nuqqas fil-prokura mogħtija lill-avukat, huwa jagħti lill-partijiet żmien perentorju biex jirregolarizzaw ir-rappreżentazzjoni tagħhom. Jekk in-nuqqas jiġi regolat fil-ħin, ir-rikors jitqies regolarizzat u l-effetti sostanzjali u proċedurali jidħlu fis-seħħ mid-data tal-ewwel notifika (l-Artikolu 182 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).
1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi
Ir-regoli applikabbli fil-qasam tal-provi huma l-istess bħal dawk previsti għall-proċedimenti ordinarji l-qorti (ara l-iskeda informattiva dwar “Smigħ ta' xhieda”).
1.6 Proċedura bil-miktub
Mhix prevista proċedura strettament bil-miktub, minħabba li hemm l-obbligu tal-Kummissarju tal-Ġustizzja li jisma' b'mod liberu l-partijiet u jipprova jwassalhom għal rikonċiljazzjoni.
1.7 Il-kontenut tas-sentenza
Normalment japplikaw ir-regoli tal-proċedimenti ordinarji.
Bis-saħħa tal-għoti tas-setgħa għar-riforma tas-sistema l-imħallfin onorarji jistgħu jiddeċiedu ‘ex aequo et bono’ (għal raġunijiet ta’ ġustizzja u ekwità) mingħajr referenza speċifika għar-regoli legali, f’każijiet b’valur massimu ta’ EUR 2500.
Din l-għażla hija miftuħa għall-Kummissarji tal-Ġustizzja f’każijiet b’valur massimu ta’ EUR 1100.
1.8 Rimbors tal-ispejjeż
Ir-rimborż tal-ispejjeż huwa limitat? Jekk iva, kif?
Id-deċiżjonijiet li jagħtu l-ispejjeż jittieħdu skont ir-regoli normali, fejn il-parti telliefa trid tħallas l-ispejjeż. Madankollu, il-partijiet abbli jkollhom iħallsu l-ispejjeż tagħhom stess jekk it-tnejn jitilfu l-kawża, jew għal xi raġuni valida oħra.
1.9 Il-possibilità ta’ appell
Ir-regoli dwar is-sentenzi bbażati fuq l-ekwità (sentenze di equità) f’tilwim b’valur massimu ta’ EUR 1 100 ġew emendati fl-2006: dawn is-sentenzi jistgħu jiġu appellati biss jekk ikun hemm ksur tar-regoli proċedurali, tal-liġi kostituzzjonali jew tal-UE, jew tal-prinċipji li jirregolaw is-suġġett.
Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għas-sentenzi kollha mogħtija mit-2 ta' Marzu 2006 ’l quddiem (l-Artikolu 27 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 2006/40).
Is-sentenzi tal-ekwità mogħtija qabel id-data msemmija hawn qabel huma soġġetti għal appell quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni (skont it-termini tal-liġi) biss għal ksur tan-normi kostituzzjonali, proċedurali jew tal-UE, għal ksur tal-prinċipji li jirregolaw is-sustanza tal-kawża jew minħabba nuqqas ta’ dikjarazzjoni xierqa tar-raġunijiet li fuqhom kienet ibbażata s-sentenza oriġinali. Ma jistax isir appell mis-sentenzi mogħtija mill-Kummissarju tal-Ġustizzja fil-qasam tas-sanzjonijiet amministrattivi, iżda jista' jsir rikors straordinarju quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni.
Mill-bqija, is-sentenzi l-oħra tal-Kummissarju tal-Ġustizzja jistgħu jiġu appellati.
Ara l-iskeda dwar is-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, il-ġuriżdizzjoni u kif tressaq kawża quddiem il-qorti.
Annessi relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.