Talbiet żgħar

Latvja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Fil-15 ta’ Jannar 2018, daħlu fis-seħħ emendi għal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili fil-Latvja li bidlu l-kliem “Kawżi għal talbiet żgħar” b’“Kawżi bi proċedura simplifikata”.

Imħallef jibda proċedura simplifikata fuq il-bażi ta’ rikors bil-miktub jekk id-dejn prinċipali jew, fil-każ ta’ talba għall-irkupru tal-manteniment, l-ammont totali tal-pagamenti, ma jaqbiżx l-EUR 2 500 fid-data tas-sottomissjoni tat-talba. Fil-każ ta’ talbiet għall-irkupru tal-manteniment, l-ammont totali tal-pagamenti japplika għal kull wild minuri separatament. (l-Artikolu 250.19 (2) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

Il-proċedura simplifikata hija rregolata mill-Kapitolu 30 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili3: l-Artikolu 250.18 sa 250.27A u l-Artikoli li ġejjin fil-Kapitolu 54.1: l-Artikoli 440.1sa 440.12.

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-kawżi bi proċedura simplifikata japplikaw biss għal talbiet għall-irkupru ta’ flus u talbiet għall-irkupru ta’ manteniment (l-Artikolu 35(1)(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).

Id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li jirregolaw il-materji tal-proċedura simplifikata ma japplikawx għar-regoli proċedurali relatati mat-talbiet bi proċedura simplifikata skont ir-Regolament (KE) Nru861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet żgħar, ħlief fir-rigward tal-proċedura għal appell kontra deċiżjonijiet ta’ qorti tal-prim’istanza.

Trid titħallas tariffa tal-Istat (valsts nodeva) għal rikors kif ġej (l-Artikolu 34(1)(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili):

a) sa EUR 2 134, – 15 % tal-ammont mitlub, iżda mhux inqas minn EUR 70,

b) minn EUR 2 135 sa EUR 7 114, jiġifieri EUR 320 u 4 % tal-ammont tat-talba li jaqbeż EUR 2 134.

Fil-każ ta’ talbiet għall-irkupru ta’ manteniment għal wild minuri jew ġenitur, ma titħallas l-ebda tariffa tal-Istat.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Fis-smigħ ta’ kawżi bi proċedura simplifikata, il-qorti ssegwi l-proċeduri ġenerali tal-qorti f’konformità mal-eċċezzjonijiet tal-proċedura ċivili għal kawżi bi proċedura simplifikata. Imħallef jibda proċedura simplifikata abbażi ta’ rikors bil-miktub.

L-imħallef ma jipproċedix fuq rikors għal kawża bi proċedura simplifikata jekk ir-rikors ma jkunx miktub skont il-mudell approvat mill-Kabinett tal-Ministri.

Meta mħallef jieħu deċiżjoni motivata li mhux se jipproċedi bir-rikors, huwa jibgħat id-deċiżjoni lir-rikorrent u jistabbilixxi terminu għar-rettifika tan-nuqqasijiet. Dan it-terminu ma jistax ikun inqas minn 20 jum li jibdew jiddekorru mill-jum meta tintbagħat id-deċiżjoni. Deċiżjoni ta’ mħallef tista’ tiġi appellata fi żmien 10 ijiem mid-data tal-ħruġ tas-sentenza, jew fi żmien 15-il jum mid-data tan-notifika tas-sentenza jekk il-post ta’ residenza tal-individwu jkun barra mil-Latvja.

1.3 Formoli

Rikors għal talba u l-osservazzjonijiet tal-intimat iridu jinkitbu skont il-formoli stabbiliti fl-annessi tar-Regolament tal-Kabinett Nru 305 tad-29 ta’ Mejju 2018 (Ministru kabinets) dwar il-formoli li għandhom jintużaw fi proċedura simplifikata. L-annessi tar-Regolament tal-Kabinett jinkludu l-formoli li ġejjin:

1. Rikors għal proċedura simplifikata għall-irkupru ta’ flus (Anness 1);

2. Rikors għal proċedura simplifikata għall-irkupru ta’ manteniment (Anness 2);

3. Dikjarazzjoni fir-rigward ta’ proċedura simplifikata għall-irkupru ta’ flus (Anness 3);

4. Dikjarazzjoni fir-rigward ta’ rikors għal proċedura simplifikata għall-irkupru ta’ manteniment (Anness 4).

Minbarra d-dettalji tar-rikorrent u tal-intimat, l-informazzjoni li ġejja trid tiġi inkluża fil-formola tat-talba bi proċedura simplifikata:

  1. L-isem tal-qorti tad-distrett jew tal-belt (rajona (pilsētas) tiesa) li quddiemha jitressaq ir-rikors: sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu b’kuntratt li kwalunkwe tilwima għandha tinstema’ f’post ieħor, talba kontra persuna trid titressaq quddiem il-qorti tal-post ta’ residenza ddikjarat tagħha, jew fil-każ ta’ persuna ġuridika, il-post tal-uffiċċju reġistrat tagħha (jekk it-talba tkun relatata mal-attivitajiet ta’ fergħa jew aġenzija ta’ persuna ġuridika, talba tista’ titressaq ukoll fil-post fejn tinsab il-fergħa jew l-aġenzija).
    L-informazzjoni dwar liema qorti għandha ġuriżdizzjoni, u għalhekk liema qorti għandha tiġi indikata fuq il-formola, tista’ tinstab fuq il-portal tal-internet https://www.tiesas.lv/, it-taqsima Tiesas (“qrati”), Tiesu darbības teritorijas (“ġuriżdizzjoni territorjali tal-qrati”).
  2. Ir-rappreżentant tar-rikorrent għandu jiġi indikat jekk ir-rikorrent ikun jixtieq li l-interessi tiegħu jiġu rrappreżentati fil-qorti minn persuna oħra. Sabiex persuna oħra tkun tista’ taġixxi bħala rappreżentant fil-qorti, trid issir prokura (pilnvara) iċċertifikata minn nutar, u trid tiġi indikata fil-kolonna li tiddikjara l-bażi tar-rappreżentanza. Jekk ir-rappreżentant ikun avukat li jipprattika fil-qorti (zvērināts advokāts), ir-rappreżentanza trid tiġi kkonfermata permezz ta’ kuntratt għall-għoti ta’ servizzi legali (orderis), u jekk l-avukat ikun se jaġixxi f’isem il-parti, dan irid jiġi kkonfermat bi prokura bil-miktub (li f’dan il-każ ma jkunx meħtieġ li tiġi ffirmata minn nutar).
  3. Is-suġġett tat-talba: il-formola trid tindika d-drittijiet ikkontestati u r-relazzjonijiet ġuridiċi bejn ir-rikorrent u l-intimat, li r-rikorrent ikun qed jitlob lill-qorti tikkonferma l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza tiegħu, filwaqt li jitlob lill-qorti tipproteġi d-drittijiet jew l-interessi tiegħu protetti mil-liġi.
  4. Il-metodu għall-kalkolu tal-ammont mitlub: formola tat-talba bi proċedura simplifikata trid turi d-dejn prinċipali, jiġifieri l-ammont tad-dejn qabel l-imgħax u l-penali kuntrattwali, l-ammont ta’ kwalunkwe penali kuntrattwali, kwalunkwe imgħax dovut skont il-kuntratt jew skont il-liġi, u t-total ta’ dawn l-ammonti kollha.
  5. Il-formola għandha tindika l-fatti li fuqhom ir-rikorrent jibbaża t-talba tiegħu u l-evidenza ta’ sostenn, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-liġi li fuqhom hija bbażata t-talba, u, fl-aħħar nett, il-miżura li r-rikorrent qed jitlob mingħand il-qorti.
  6. Ir-rikors irid jiġi ffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tiegħu, jew mir-rikorrent flimkien mar-rappreżentant tiegħu jekk il-qorti titlob hekk. Dokumenti li juru li kwalunkwe proċedura meħtieġa mil-liġi rigward l-eżami preliminari ekstraġudizzjarju tal-materja tkun ġiet osservata, u li jissostanzjaw il-fatti li fuqhom hija bbażata t-talba, iridu jiġu mehmuża mar-rikors.

1.4 Assistenza

Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili m’għandhiex dispożizzjonijiet speċjali għall-għajnuna legali f’kawżi bi proċedura simplifikata. Persuna tista’ tkun irrappreżentata f’kawża bi proċedura simplifikata.

Jekk ir-rikorrent ikun jixtieq li l-interessi tiegħu jkunu rrappreżentati fil-qorti minn persuna oħra, u r-rikors isir mir-rappreżentant, ir-rikors irid jinkludi l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali u l-indirizz tar-rappreżentant għall-korrispondenza mal-qorti jew, jekk ir-rappreżentant ikun persuna ġuridika, l-isem, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat tagħha. Kwalunkwe persuna fiżika tista’ tkun rappreżentant fi proċedimenti ċivili dment li tkun għalqet it-18-il sena, ma tkunx taħt tutela, u ma tkun suġġetta għall-ebda restrizzjoni speċifikata fl-Artikolu 84 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Jekk persuna oħra tkun se taġixxi bħala rappreżentant fil-qorti, trid tinkiteb prokura ċċertifikata minn nutar. Ir-rikorrent jista’ jaħtar rappreżentant permezz ta’ rikors orali fil-qorti, u dan irid jitniżżel fil-verbal tas-seduta. Rappreżentant ta’ persuna ġuridika jrid ikollu prokura bil-miktub (li m’hemmx għalfejn tkun awtentikata minn nutar) jew dokumenti li jikkonfermaw li l-persuna hija uffiċjal li jista’ jirrappreżenta lill-persuna ġuridika mingħajr awtorizzazzjoni speċjali. Jekk ir-rappreżentant ikun avukat li jipprattika fil-qorti (zvērināts advokāts), ir-rappreżentanza trid tiġi kkonfermata permezz ta’ kuntratt għall-għoti ta’ servizzi legali (orderis), u jekk l-avukat ikun se jaġixxi f’isem il-parti, dan irid jiġi kkonfermat bi prokura bil-miktub (li f’dan il-każ ma jkunx meħtieġ li tiġi ffirmata minn nutar). Jekk persuna tkun irrappreżentata, id-dokumenti meħtieġa jiġu ppreżentati lill-qorti u ffirmati mir-rappreżentant li qed jaġixxi f’isem il-persuna skont il-prokura.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Għaldaqstant, f’kawżi bi proċedura simplifikata, il-provi jistgħu jieħdu l-forma ta’ osservazzjonijiet mill-partijiet jew minn partijiet terzi, dikjarazzjonijiet minn xhieda, provi bil-miktub u perizji.

1.6 Proċedura bil-miktub

Imħallef jibda proċedura simplifikata abbażi ta’ rikors bil-miktub. Kopja tar-rikors u formola għall-osservazzjonijiet tintbagħat lill-intimat; l-intimat irid jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu fi żmien 30 jum mill-jum meta jkun intbagħatlu r-rikors. Skont iċ-ċirkostanzi u n-natura tal-kawża, id-dokumenti annessi mar-rikors jistgħu jintbagħtu wkoll lill-intimat. Il-qorti tinforma wkoll lill-intimat illi jekk ma jippreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu, is-sentenza xorta tingħata, u li l-intimat jista’ jitlob li l-kawża tinstema’ fil-qorti.

Meta l-qorti tibgħat id-dokumenti lill-partijiet hija tispjegalhom id-drittijiet proċedurali tagħhom, tinfurmahom bil-kompożizzjoni li se tisma’ l-kawża, kif ukoll dwar kif parti tista’ titlob ir-rikuża ta’ mħallef. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tagħti lill-partijiet drittijiet proċedurali fir-rigward tal-preparazzjoni tal-kawża għal smigħ, li huma jistgħu jeżerċitaw mhux aktar tard minn 7 ijiem qabel id-data iffissata għas-smigħ tal-kawża.

L-intimat jista’ jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu permezz ta’ mudell approvat mill-Kabinett tal-Ministri. Il-mudell huwa waħda mill-formoli inklużi fl-annessi tar-Regolament tal-Kabinett Nru 305 tad-29 ta’ Mejju 2018 dwar il-formoli li għandhom jintużaw fi proċedura simplifikata. Fl-osservazzjonijiet tiegħu l-intimat irid jagħti l-informazzjoni li ġejja:

  1. l-isem tal-qorti li quddiemha jippreżenta l-osservazzjonijiet;
  2. l-isem, il-kunjom, in-numru tal-identità personali, u l-post ta’ residenza ddikjarat tar-rikorrent, jew fin-nuqqas ta’ dan, il-post ta’ residenza de facto tiegħu; jew fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat tagħha;
  3. l-isem, il-kunjom u n-numru tal-identità personali u l-post ta’ residenza ddikjarat tal-intimat u l-indirizz addizzjonali ddikjarat mill-intimat jew fin-nuqqas ta’ dan, il-post ta’ residenza de facto tiegħu; fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem, in-numru ta’ reġistrazzjoni u l-uffiċċju reġistrat tagħha; Barra minn hekk, l-intimat jista’ jindika wkoll indirizz ieħor għall-korrispondenza mal-qorti;
  4. in-numru tal-kawża u s-suġġett tat-talba;
  5. jekk jammettix it-talba kollha jew parti minnha;
  6. l-eċċezzjonijiet tiegħu kontra t-talba, ir-raġunijiet li fuqhom huma bbażati, u l-leġiżlazzjoni li fuqha huma bbażati;
  7. il-provi li jissostanzjaw l-eċċezzjonijiet tiegħu kontra t-talba;
  8. talbiet għall-iżvelar tal-provi;
  9. jekk l-intimat jixtieqx rimborż tal-ispejjeż tal-qorti;
  10. jekk l-intimat jixtieqx jirkupra l-ispejjeż relatati mal-kawża, fejn jindika l-ammont u jehmeż id-dokumenti li jissostanzjaw l-ammont;
  11. jekk l-intimat jixtieqx illi l-kawża tinstema’ fil-qorti;
  12. kwalunkwe ċirkostanza oħra illi l-intimat iqis bħala importanti għas-smigħ tal-kawża;
  13. kwalunkwe talba oħra;
  14. lista tad-dokumenti mehmuża mal-osservazzjonijiet;
  15. il-ħin u l-post li fihom inkitbu l-osservazzjonijiet.

L-intimat għandu dritt jippreżenta kontrotalba, fi żmien 30 jum minn meta jintbagħtlu r-rikors, jekk:

  1. tista’ ssir tpaċija bejn it-talbiet fir-rikors promotorju u l-kontrotalba;
  2. jekk tintlaqa’ l-kontrotalba l-qorti ma tkunx tista’ tilqa’ t-talbiet kollha tar-rikors promotorju jew parti minnhom;
  3. il-kontrotalba u r-rikors promotorju huma reċiprokament relatati, u l-kwistjoni tista’ tiġi solvuta aktar malajr u b’mod korrett jekk jinstemgħu flimkien. Il-kawża tinstema’ skont il-proċedura għat-talbiet bi proċedura simplifikata jekk il-kontrotalba nnifisha tkun talba bi proċedura simplifikata, jiġifieri taqa’ taħt l-ammont permissibbli u tkun ifformulata skont kif meħtieġ.

Jekk is-somma mitluba fil-kontrotalba taqbeż il-massimu ta’ talba bi proċedura simplifikata, jew jekk il-kontrotalba ma tkunx talba għall-irkupru ta’ flus jew manteniment, il-qorti tisma’ l-kawża skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti.

Jekk il-partijiet ma jitolbux illi l-kawża tinstema’ matul seduta fil-qorti u l-qorti ma tqisx illi hija meħtieġa seduta, kawża bi proċedura simplifikata tiġi eżaminata permezz ta’ proċedura bil-miktub, u l-partijiet jiġu nnotifikati minn qabel bid-data meta s-sentenza sommarja tkun disponibbli fis-sistema online. Id-data meta s-sentenza sommarja tkun disponibbli fis-sistema online titqies li hija d-data meta nkitbet is-sentenza. Il-qorti tisma’ l-kawża f’seduta skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti jekk tkun irċeviet talba motivata minn parti u l-qorti temmen li jkun hemm bżonn ta’ seduta. Il-qorti tista’ wkoll tisma’ kawża f’seduta ex officio. Jekk il-post ta’ residenza jew fejn tinsab il-persuna ma jkunx fil-Latvja u l-indirizz tagħha jkun magħruf, il-konsenja u n-notifika tad-dokumenti tal-qorti jsiru skont il-liġijiet internazzjonali li huma vinkolanti fuq il-Latvja jew skont il-liġi tal-Unjoni Ewropea, inkluż ir-Regolament (UE) 2020/1784 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u ekstraġudizzjarji f’materji ċivili jew kummerċjali.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

F’kawżi bi proċedura simplifikata, il-qorti tikteb sentenza sommarja. Sentenza sommarja tinkiteb skont ir-rekwiżiti ġenerali għall-kontenut ta’ sentenza (l-Artikolu 193 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili), bl-eċċezzjoni tal-parti deskrittiva, li tindika biss is-suġġett tat-talba, il-liġijiet u r-regolamenti invokati mill-parti, u t-talba, u r-raġunijiet tas-sentenza, li jirriflettu biss il-leġiżlazzjoni li l-qorti tkun ibbażat fuqha.

Il-qorti tikteb sentenza sħiħa (f’konformità mar-rekwiżiti ġenerali għall-kontenut ta’ sentenza) f’kawża bi proċedura simplifikata jekk parti tippreżenta talba bil-miktub biex tinkiteb is-sentenza. Talba trid tiġi ppreżentata lill-qorti fi żmien 10 ijiem mid-data tat-tħabbir tas-sentenza sommarja (id-data meta s-sentenza sommarja tkun disponibbli fis-sistema online). Il-qorti tista’ wkoll tikteb sentenza sħiħa ex officio. Sentenza sħiħa għandha tinkiteb mill-qorti fi żmien 20 jum mill-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ talba biex tinkiteb is-sentenza. Id-data meta sentenza sħiħa tkun disponibbli fis-sistema online titqies li hija d-data meta nkitbet.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Il-kawżi bi proċedura simplifikata huma suġġetti għar-regoli ġenerali dwar il-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti.

Meta tingħata sentenza, il-qorti tordna lill-parti t-telliefa biex tħallas l-ispejjeż tal-qorti kollha tal-parti rebbieħa (it-tariffa tal-Istat u l-ispejjeż tal-proċedimenti). Jekk ir-rikors jintlaqa’ biss parzjalment, l-intimat jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent fi proporzjon mat-talbiet milqugħa, u r-rikorrent ikollu jħallas l-ispejjeż tal-qorti tal-intimat fi proporzjon mat-talbiet miċħuda. Jekk rikorrent jirtira talba, huwa jkollu jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti li jkun ġarrab l-intimat. F’dak il-każ, l-intimat ma jħallasx lura l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mir-rikorrent. Jekk, madankollu, rikorrent ma jkomplix bil-kawża għaliex l-intimat volontarjament jissodisfa t-talba wara li jitressaq ir-rikors, il-qorti tista’, fuq talba tar-rikorrent, tordna lill-intimat biex iħallas l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent.

Bl-istess mod, jekk il-qorti tiddeċiedi li ma tismax rikors, il-qorti, wara talba mill-intimat, tordna lir-rikorrent biex jirrimborża l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mill-intimat.

Jekk ir-rikorrent jiġi eżentat mill-ispejjeż tal-qorti, l-intimat jista’ jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti lill-Istat skont il-parti tar-rikors li tkun intlaqgħet.

Għal talba anċillari titħallas garanzija ta’ EUR 70. Jekk il-qorti tannulla jew temenda sentenza kkontestata kompletament jew parzjalment, il-garanzija tiġi rrimborżata. Jekk appell jiġi miċħud, il-garanzija ma tiġix irrimborżata.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

Appell (apelācija) jista’ jitressaq kontra sentenza ta’ qorti tal-prim’istanza jekk:

  • il-qorti tkun applikat jew interpretat b’mod żbaljat regola tal-liġi sostantiva, u dan wassal għal deċiżjoni skorretta tal-kawża;
  • il-qorti tkun kisret regola tal-liġi proċedurali, u dan ikun wassal għal deċiżjoni skorretta tal-kawża;
  • il-qorti tkun stabbiliet fatti skorretti jew ma tkunx eżaminat korrettament il-provi, jew tkun ipprovdiet evalwazzjoni ġuridika skorretta taċ-ċirkostanzi tal-każ, u dan ikun wassal għal deċiżjoni skorretta tal-kawża.

Jekk kawża bi proċedura simplifikata tkun instemgħet bi proċedura bil-miktub, it-terminu għall-appell mis-sentenza (20 jum) jibda mill-jum meta tinkiteb is-sentenza.

Minbarra l-punti speċifikati fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, l-appell li jgħid illi s-sentenza hija vvizzjata jrid jindika dan li ġej:

  • liema regola tad-dritt sostantiv ġiet applikata jew interpretata b’mod skorrett mill-qorti tal-prim’istanza, jew liema regola tal-liġi proċedurali ġiet miksura, u kif dan affettwa d-deċiżjoni tal-kawża;
  • liema mis-sejbiet ta’ fatt li għamlet il-qorti tal-prim’istanza huma skorretti, liema provi ġew evalwati ħażin, kif jista’ jintwera illi l-eżami ġuridiku taċ-ċirkostanzi tal-kawża huwa vvizzjat, u kif dan affettwa d-deċiżjoni tal-kawża.

Imħallef tal-qorti tal-prim’istanza jiddeċiedi jekk l-appell għandux ikompli u jistabbilixxi terminu sa meta l-appellant irid jikkoreġi kwalunkwe nuqqas, jekk l-appell ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jew, f’każijiet speċifikati mil-liġi, ma tkunx ġiet mehmuża traduzzjoni tal-appell u tad-dokumenti mehmuża miegħu. Jekk in-nuqqasijiet jiġu kkoreġuti fit-terminu stabbilit, l-appell jitqies li ġie ppreżentat fid-data meta jkun ġie ppreżentat għall-ewwel darba. Inkella jitqies li qatt ma ġie ppreżentat, u jintbagħat lura lill-appellant.

Appell mhux iffirmat, jew li jiġi ppreżentat minn persuna li ma tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni xierqa biex tressqu, jew li fuqu ma tkunx tħallset it-tariffa tal-Istat (it-tariffa tal-Istat pagabbli għal appell b’rata kkalkulata skont l-ammont tat-tilwima fil-qorti tal-prim’istanza), ma jiġix aċċettat u jintbagħat lura lill-appellant. Deċiżjoni li tiċħad l-appell ma tistax tiġi kkontestata.

Wara li jkun aċċerta ruħu illi ġiet osservata l-proċedura għall-preżentata tal-appelli, l-imħallef tal-qorti tal-appell, jew f’ċerti każijiet tliet imħallfin b’mod kolleġjali, jieħdu deċiżjoni biex jinbdew il-proċedimenti tal-appell fi żmien 30 jum mill-wasla tal-appell.

Sakemm tkun teżisti waħda mir-raġunijiet possibbli għall-appell, l-imħallef jiddeċiedi li jibda l-proċedimenti tal-appell u jinnotifika minnufih lill-partijiet, filwaqt li jindika t-terminu għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub.

Jekk l-imħallef maħtur biex jiddeċiedi dwar l-appell ikun tal-fehma illi l-proċedimenti tal-appell għandhom jiġu miċħuda, il-kwistjoni dwar il-ftuħ tal-proċedimenti tiġi deċiża minn tliet imħallfin b’mod kolleġjali.

Jekk tal-inqas wieħed mit-tliet imħallfin ikun tal-fehma illi teżisti tal-inqas waħda mir-raġunijiet sabiex jinbdew il-proċedimenti tal-appell, l-imħallef jiddeċiedi li jinbdew il-proċedimenti, u jinnotifika minnufih lill-partijiet.

Jekk l-imħallfin b’mod unanimu jiddeċiedu illi ma hemmx raġuni biex jinbdew il-proċedimenti ta’ appell, huma jagħtu deċiżjoni biex ma jsirx l-appell, u jinnotifikaw minnufih lill-partijiet. Din id-deċiżjoni tieħu l-forma ta’ riżoluzzjoni (rezolūcija) u ma tistax tiġi kkontestata.

Fi żmien 20 jum mid-data tan-notifika tal-qorti tal-appell lill-partijiet illi se jinbdew il-proċedimenti, il-partijiet jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-appell.

Wara li tintbagħat in-notifika tal-bidu tal-proċedimenti tal-appell, parti għandha 20 jum biex fih tressaq appell inċidentali. Jekk il-qorti tirċievi appell inċidentali, din tibagħtu lill-partijiet l-oħra minnufih.

L-appelli bi proċedura simplifikata jinstemgħu fi proċedura bil-miktub; il-partijiet jiġu nnotifikati sew minn qabel dwar id-data meta s-sentenza se tkun disponibbli online, u jiġu infurmati dwar il-kompożizzjoni tal-qorti u tad-dritt tagħhom li jitolbu r-rikuża tal-imħallef. Is-sentenza titqies li ġiet miktuba fil-jum meta s-sentenza tkun disponibbli fis-sistema online. Jekk il-qorti taħseb li jkun meħtieġ, kawża bi proċedura simplifikata tista’ tinstema’ f’seduta fil-qorti.

Ma jistax isir appell minn sentenza ta’ qorti tal-appell fil-kassazzjoni; is-sentenza tidħol fis-seħħ meta’ tinqara jew, jekk il-kawża tkun instemgħet fi proċedura bil-miktub, fid-data meta tkun inkitbet.

L-aħħar aġġornament: 10/05/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.