

Sib informazzjoni għal kull reġjun
Fil-Latva hemm proċeduri speċjali għat-talbiet żgħar fejn it-talba tkun għall-irkupru ta' flus jew manteniment u l-ammont totali tat-talba ma jaqbiżx EUR 2 100.
Talbiet għal ammonti żgħar huma regolati mill-Kapitolu 30.3: l-Artikoli 250.18 – 250.27 u l-Kapitolu 54.1: l-Artikoli 449.1–449.12 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.
Il-proċeduri għat-talbiet iż-żgħar japplikaw biss għal talbiet għall-irkupru ta' flus u tal-manteniment (l-Artikolu 35(1)(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili).
Fil-proċedimenti għat-talbiet iż-żgħar id-dejn prinċipali, jew f'każ ta' talba għall-irkupru tal-manteniment, il-pagamenti totali ma' jistgħux jaqbżu EUR 2 100 fid-data ta' sottomissjoni tat-talba. F'każ ta' talbiet għall-irkupru tal-manteniment, il-massimu għall-ammont totali ta' pagamenti japplika għal kull tifel separatament, u l-ammont totali huwa l-ammont totali li jrid jitħallas fi żmien sena.
Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-talbiet iż-żgħar fil-leġiżlazzjoni domestika ma japplikawx għall-proċedura tat-talbiet iż-żgħar skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, ħlief għall-proċedura ta' appell mis-sentenzi ta' qorti tal-ewwel istanza. It-talbiet għall-irkupru tal-manteniment fi kwistjonijiet transfruntieri fi ħdan l-Unjoni Ewropea huma soġġetti għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat- 18 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.
It-tariffa tal-Istat (valsts nodeva) għal rikors hija 15% tat-talba mitluba, iżda mhux inqas minn EUR 71/41c. F'każ ta' talbiet għall-irkupru tal-manteniment tat-tfal jew tal-konjuġi, ma jitħallsu ebda tariffi tal-Istat.
Waqt li tkun qed tiddeċiedi dwar it-talbiet żgħar il-qorti ssegwi l-proċeduri ordinarji tal-qorti b'ċerti eċċezzjonijiet stabbiliti għat-talbiet żgħar. Il-qorti tibda tisma' l-kawża permezz tar-rikors miktub.
Il-qorti ma' tkomplix fuq rikors jekk ma jkunx imfassal skont l-Artikolu 250.20 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili- ir-rikorrent ma jkunx uża l-formola apposta għat-talbiet żgħar, jew ikun naqas milli jindika jekk hux se jitlob seduta ta' smigħ biex tiġi mismugħa l-kwistjoni.
F'dak il-każ l-imħallef jagħti deċiżjoni dettaljata li mhux se jmexxi bir-rikors, jibgħata lir-rikorrent, u jiffissa żmien għar-rettifika tan-nuqqasijiet. Dan iż-żmien ma jistax ikun inqas minn 20 ġurnata mill-bidu tal-għotja tad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-imħallef tista' tiġi appellata fi żmien għaxart'ijiem, jew fi żmien 15-il ġurnata jekk il-post ta' residenza tal-parti jinsab barra l-Latvja.
Ir-rikors u l-osservazzjonijiet tal-konvenut iridu jitfasslu skont il-formoli stabbiliti mir-Regolament tal-Kabinett (Ministru kabinets) Nru 783 tal-11 ta' Ottubru 2011 dwar il-formoli li jridu jintużaw għat-talbiet żgħar. L-annessi għar-Regolament jinkludu l-formoli li ġejjin:
Ir-Regolament huwa disponibbli fil-portal tal-leġiżlazzjoni tal-Gazzetta Uffiċċjali, Latvijas Vēstnesis: https://tiesas.lv.
Minbarra d-dettalji tar-rikorrent u tal-konvenut, trid tiġi mehmuża l-informazzjoni li pejja fil-formola għat-talbiet żgħar:
Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili ma għandhiex dispożizzjonijiet speċjali għall-għajnuna legali għat-talbiet żgħar. Persuna tista' tiġi rappreżentata f'kawża ta' talbiet żgħar.
Jekk ir-rikorrent jixtieq illi l-interessi tiegħu jiġu rappreżentati fil-qorti minn persuna oħra, u r-rikors isir mir-rappreżentant, ir-rikors irid jindika l-isem, kunjom, numru tal-identità personali u l-indirizz għall-korrispondenza mal-qorti tar-rappreżentant jew, jekk ir-rappreżentant huwa persuna ġuridika, in-numru ta' reġistrazzjonu u l-uffiċċju reġistrat tagħha. Kull persuna fiżika tista' tkun rappreżentant fi proċedimenti ċivili jekk tkun għalqwt it-18-il sena, mhix taħt kurazija, u mhix soġġett għal xi waħda mir-restrizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 84 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Jekk ir-rappreżentant fil-qorti se tkun persuna oħra, jrid ikollha awtorizzazzjoni għal dan il-għan mill-parti konċernata, permezz ta' prokura ċċertifikata minn nutar. Il-persuna li se tiġi rappreżentata tista' tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha verbalment fil-qorti fejn tawtorizza lil persuna oħra biex taġixxi f'isimha, u dan il-fatt irid jiġi mniżżel fil-minuti tas-seduta tal-qorti. Ir-rappreżentant ta' persuna ġuridika jrid ikollha prokura bil-miktub jew dokumenti li jikkonfermaw illi l-persuna hija uffiċċjal li jista' jirrappreżenta lill-persuna ġuridika mingħajr awtorizzazzjoni speċjali. Jekk ir-rappreżentant huwa avukat ċertifikat, ir-rappreżentazzjoni trid tkun ikkonfermata minn kitba li turi li l-avukat ġie mqabbad mill-klijent, u jekk l-avukat se jaġixxi f'isem il-parti li ħatritu, irid ikun hemm prokura bil-miktub (li f'dan il-każ mhemmx għalfejn tkun iffirmata minn nutar). Jekk il-persuna jkollha rappreżentazzjoni, id-dokumenti meħtieġa jiġu ppreżentati lill-qorti u ffirmati mir-rappreżentant li qed jaġixxi f'isem il-parti, skont il-prokura.
Il-kumpilazzjoni tal-provi hija soġġetta għad-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Għalhekk, fi proċedimenti għal ammonti żgħar, il-provi jistgħu ikunu osservazzjonijiet tal-partiiet jew ta' partijiet terzi, dikjarazzjonijiet mix-xhieda, provi miktuba u l-opinjonijiet tal-esperti.
L-imħallef jibda l-kawża dwar talba żgħira fuq il-bażi ta' rikors miktub. Formola bl-osservazzjonijiet tar-rikorrent tinbagħat lill-konvenut flimkien mar-rikors u kopji tad-dokumenti mehmuża magħhom: dan jiddetermina ż-żmien li fih il-konvenut jista' jibgħat l-osservazzjonijiet tiegħu dwar ir-rikors, li jkun ta' 30 jum li jibda jiddekorri minn meta jintbagħat ir-rikors lill-konvenut. Il-qorti tinforma wkoll lill-konvenut illi jekk ma jippreżentax l-osservazzjonijiet tiegħu is-sentenza xorta tingħata, u l-konvenut jista' jitlon għal seduta ta' smigħ. Meta' l-qorti tibgħat id-dokumenti lill-partijiet hija tispjegalhom id-drittijiet proċedurali tagħhom, tinfurmahom bil-kompożizzjoni li se tisma' l-kawża, kif ukoll dwar ir-rikuża ta' mħallef. Il-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili tagħti lill-partijiet drittijiet proċedurali fil-preparazzjoni tal-kawża għall-proċediment, li huma jistgħu jeżerċitaw mhux aktar tard minn sebat'ijiem qabel id-data iffissata għas-smigħ.
Il-konvenut jista' jissottometti l-osservazzjoni tiegħu fuq formola approvata mill-Kabinett. Il-formola hija fost dawk li jinsabu fl-Anness għar-Regolament tal-Kabinett Nru 783 tal-11 ta' Ottubru 2011 dwar il-formoli biex jintużaw għat-talbiet żgħar (il-formola hija disponibbli mill-portal tal-qrati Latvjani: http://likumi.lv/doc.php?id=237849). Fl-osservazzjonijiet tiegħu il-konvenut irid jagħti l-informazzjoni li ġejja:
Il-konvenut għandu dritt jippreżenta kontrotalba, fi żmien 30 jum minn meta jirċievi r-rikors, jekk: 1) tista' ssir tpaċija bejn it-talbiet fir-rikors promotorju u l-kontrotalba; 2) permezz tal-kontrotalba l-qorti ma tkunx tista' tilqa' t-talbiet kollha jew parti minnhom ir-rikors promotorju; 3) il-kontrotalba u r-rikors promotorju huma reċiprokament relatati, u l-kwistjoni tista' tiġi solvuta aktar malajr u b'mod korrett jekk jiġu meqjusa flimkien. Il-kawża tinstema' skont il-proċedura għat-talbiet żgħar jekk il-kontrotalba nnifisha hija talba żgħira, jiġifieri taqa' taħt l-ammont massimu u hija mfassla skont ir-rekwiżiti.
Jekk is-somma mitluba fil-kontrotalba taqbeż il-massimu għat-talbiet żgħar, jew jekk il-kontrotalba mhix talba għall-irkupru ta' flus jew manteniment, il-qorti tisma' l-kawża skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti.
Jekk il-partijiet ma jitolbux illi l-kawża tinstema' matul seduta l-qorti u l-qorti ma temminx illi hija meħtieġa seduta, it-talbiet żgħar jiġu deċiżi permezz ta' proċedura bil-miktub, u l-partijiet jiġu nnotifikati fil-żin tad-data li fiha tista' tinkiseb kopja tas-sentenza mis-segretarjat tal-qorti. Din id-data mbagħad titqies li hija d-data li fiha tingħata s-sentenza sħiħa.
Il-qorti tisma' l-kawża f'seduta skont il-proċeduri ordinarji tal-qorti jekk xi parti hekk titlob jew jekk il-qorti temmen li hemm bżonn ta' seduta.
Jekk il-post ta' residenza jew fejn tinsab il-persuna mhix fil-Latvja iżda l-indirizz tagħha magħruf, il-konsenja u n-notifika tad-dokumenti tal-qorti jsiru skont il-liġijiet internazzjonali li huma vinkolanti fuq il-Latvja flimkien mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar.
Is-sentenza tal-qorti tingħata billi tinħareġ kopja tas-sentenza lill-partijiet minnufih hekk kif tingħata.
Kopja tas-sentenza tista' tintbagħat bil-posta jew, fejn possibbli, b'xi mod ieħor skont il-proċeduri għall-konsenja u n-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji stabbiliti fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili. Kopa tas-sentenza trid tintbagħat immedjatament wara d-data li fiha toħroġ is-sentenza sħiħa. Iż-żmien mhux affetwat mid-data li fiha tasal is-sentenza.
Is-sentenza dwar talba żgħira trid tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ordinarji tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili dwar il-kontenut tas-sentenzi. Sentenza tikkonsisti f'erba' taqsimiet:
Il-partijiet jistgħu jappellaw mis-sentenza dwar talba żgħira fuq kull waħda mir-raġunijiet għall-appell imniżżla fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili.
It-talbiet żgħar huma soġġetti għar-regoli ġenerali dwar il-ħlas tal-ispejjeż tal-qorti.
Meta' tingħata sentenza hija tordna lill-parti t-telliefa biex tħallas l-ispejjeż tal-qorti kollha tal-parti rebbieħa. Jekk ir-rikors jiġi milqugħ biss parzjalment, il-konvenut jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti tar-rikorrent fi proporzjon għat-talba milqugħa, u r-rikorrent ikollu jħallas l-ispejjeż tal-qorti tal-konvenut fi proporzjon għat-talbiet miċħuda. Mhemm rimborż tat-tariffa tal-Istat (valsts nodeva) għal oġġezzjoni anċillari (blakus sūdzība) kontra d-deċiżjoni tal-qorti jew, fejn is-sentenza ingħatat b'kontumaċja, għal rikors biex jerġgħu jinfetħu mill-ġdid il-proċedimenti u l-kawża terġa' tinstema.
Jekk ir-rikorrent ma jkomplix bil-kawża, huwa għandu jagħti lura l-ispejjeż tal-qorti imħallas mill-konvenut. F'dak il-każ il-konvenut ma jagħtix lura l-ispejjeż tal-qorti mħallsa mir-rikorrent, imma jekk rikorrent ma jkomplix bil-kawża għaliex il-konvenut volontarjament issodisfa l-obbligu li għalih tressaq ir-rikors, il-qorti tista', fuq talba tar-rikorrent, tordna lill-konvenut biex iħallas l-ispejjeż tal-qorti tiegħu.
Bl-istess mod, jekk il-kawża tibqa' ma tinqatax, il-qorti tista', fuq talba tal-konvenut, tordna lir-rikorrent biex iħallaslu l-ispejjeż tal-qorti.
Jekk ir-rikorrent jiġi eżentat mill-ispejjeż tal-qorti, il-konvenut jista' jiġi ordnat iħallas l-ispejjeż tal-qorti lill-Istat skont il-parti tar-rikors li tkun ġiet milqugħa.
Jista' jsir appell (apelācija) minn sentenza ta' qorti tal-ewwel istanza jekk:
Jekk it-talba żgħira ġiet maqtugħa permezz tal-proċedura bil-miktub, iż-żmien għall-appell mis-sentenza jibda' għaddej mid-data li fiha tinkiteb is-sentenza.
Minbarra l-punti speċifikati fil-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, ir-rikors fl-appell li jgħid illi s-sentenza hija difettuża jrid jindika dan li ġej:
Imħallef tal-qorti tal-ewwel istanza jiddeċiedi jekk l-appell għandux ikompli: jekk l-appell mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili, jew jekk ma ġewx mehmuża l-kopji kollha neċessarji, jew ma ġewx provduti traduzzjonijiet iċċertifikati korrettament tal-appell u tal-kopji tad-dokumenti mehmuża, l-imħallef jistabbilixxi żmien li fih jistgħu jiġu korretti n-nuqqasijiet.
Jekk in-nuqqasijiet jiġu korretti fiż-żmien stabbilit, l-appell jitqies li ġie sottomess fid-data li fiha kien ġie sottomess għall-ewwel darba. Fin-nuqqas, jiġi meqjus li qatt ma ġie sottomess u mibgħut lura lir-rikorrent.
Appell mhux iffirmat, jew li ġie sottomess minn persuna li ma kellhiex l-awtorizzazzjoni propja biex tressqu, jew li fuqu ma ġietx imħallsa t-tariffa tal-Istat, ma jiġix aċċettat u jiġi mibgħut lura lir-rikorrent. Deċiżjoni li tiċħad l-appell ma tistax tiġi kontestata.
Wara li jkun aċċerta ruħu illi ġew osservati l-proċeduri għas-sottomissjoni tal-appelli, l-imħallef tal-qorti tal-appell jieħu deċiżjoni biex jinbdew il-proċedimenti tal-appell fi żmien 30 jum mill-wasla tal-appell; f'ċerti każijiet din id-deċiżjoni tittieħed minn tliet imħallfin b'mod kolleġjali.
Sakemm tkun teżisti waħda mir-raġunijiet għall-appell, l-imħallef jiddeċiedi li jibda l-proċedimenti fl-appell u jinnotifika minnufih lill-partijiet, u jindika ż-żmien għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet bil-miktub.
Jekk l-imħallef maħtur biex jiddeċiedi dwar l-appell ikun tal-fehma illi l-proċedimenti tal-appell ma għandhomx jinbdew, il-kwistjoni tiġi deċiża minn tliet imħallfin b'mod kolleġjali.
Jekk tal-inqas wieħed mit-tliet imħallfin huwa tal-fehma illi teżisti tal-inqas waħda mir-raġunijiet sabiex jinbdew il-proċedimenti tal-appell, l-imħallef jiddeċiedi li jinbdew il-proċedimenti, u jinnotifika minnufih lill-partijiet.
Jekk l-imħallfin b'mod unanimu jiddeċiedu illi mhemmx raġuni għall-appell, huma jagħtu deċiżjoni biex ma jsirx l-appell, u jinnotifikaw minnufih lill-partijiet. Din id-deċiżjoni tieħu l-forma ta' riżoluzzjoni (rezolūcija) u ma tistax tiġi kontestata.
Fi żmien għoxrin jum mid-data tan-notifika tal-qorti lill-partijiet illi se jinbdew il-proċedimenti, il-partijiet jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-appell, flimkien ma' numru ta' kopji skont in-numru ta' partijiet.
Wara n-notifika tal-bidu tal-proċedimenti tal-appell, parti għandha 20 jum biex fih tressaq appell inċidentali. Kif jasal l-appell inċidentali l-qorti tibgħat kopji tiegħu lill-partijiet l-oħra.
Fil-kawża tat-talbiet żgħar, normalment l-appelli jiġu deċiżi permezz tal-proċedura bil-miktub; il-partijiet jiġu notifikati fil-ħin dwar id-data li fiha tkun disponibbli l-kopja tas-sentenza mingħand is-segretarjat tal-qorti, u nfurmati dwar il-kompożizzjoni tal-qorti u tad-dritt tagħhom ta' rikuża tal-imħallef. Is-sentenza titqies li ġiet miktuba fid-data li fiha tkun saret disponibbli kopja tagħha mingħand is-segretarjat tal-qorti. Iżda jekk il-qorti taħseb li jkun neċessarju, l-appell dwar talba żgħira jista' jiġi deċiż matul seduta tal-qorti.
Ma jistax isir appell fuq punt tal-liġi minn sentenza ta' qorti tal-appell, li tidħol fis-seħħ meta' tiġi moqrija fil-qorti jew, jekk tingħata wara proċedura bil-miktub, fid-data li fiha ġiet miktuba.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.