Talbiet żgħar

Litwanja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar

Il-Kapitolu XXIV tal-Parti IV tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Civilinio proceso kodeksas) tar-Repubblika tal-Litwanja jipprovdi għall-proċedura nazzjonali għal talbiet żgħar.

It-talbiet żgħar Ewropej jiġu trattati skont ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u t-talbiet żgħar Ewropej jinstemgħu skont ir-regoli ġenerali għall-proċedimenti ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, skont l-eċċezzjonijiet provduti fil-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja li timplimenta l-leġiżlazzjoni internazzjonali u tal-Unjoni Ewropea li tirregola l-proċedimenti ċivili (Civilinį procesą reglamentuojančių Europos Sąjungos ir tarptautinės teisės aktų įgyvendinimo įstatymas).

1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu

Il-proċedura nazzjonali għal talbiet żgħar u l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar japplikaw għal talbiet ċivili sa massimu ta’ EUR 2 000.

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar tapplika għal talbiet ċivili sa massimu ta’ EUR 2 000. Il-proċedura ma tapplikax f’każijiet li jikkonċernaw: l-istatus jew il-kapaċità ġuridika tal-persuni fiżiċi; id-drittijiet ta’ propjetà minħabba relazzjoni matrimonjali, l-obbligi ta’ manteniment, it-testmenti u s-suċċessjonijiet; il-falliment, il-proċedimenti marbuta mal-istralċ ta’ kumpaniji falluti jew ta' persuni ġuridiċi oħra, l-assigurazzjoni soċjali, l-arbitraġġ, il-liġi industrijali, il-lokazzjoni ta’ propjetà immobbli, bl-eċċezzjoni ta’ kawżi għal talbiet monetarji, u l-ksur tad-dritt ta’ privatezza u ta’ drittijiet marbuta mal-persuna, inkluż il-malafama.

1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura

Il-proċedura ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2009. Il-kawżi ta’ talbiet żgħar Ewropej jinstemgħu mill-qrati distrettwali skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni territorjali stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, jiġifieri mill-qrati distrettwali tal-bliet u l-irħula.

Fil-każijiet speċifikati fl-Artikoli 4(3) u 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007, il-qorti trid tinforma lir-rikorrent/intimat illi huwa għandu dritt jippreżenta talba/kontrotalba mhux aktar tard minn 14-il jum wara li jirċievi n-notifika tal-qorti, skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja. Meta’ r-rikorrent/intimat ma jippreżentax dik it-talba/kontrotalba mfassla kif suppost lill-qorti, u fiż-żmien stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ir-rikors jitqies li ma ġiex ippreżentat u jintbagħat lura lir-rikorrent/intimat b’ordni tal-qorti. Kontra dan l-ordni jista’ jiġi ppreżentat appell separat.

1.3 Formoli

Il-formoli jinsabu l-qortu u fuq il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-qrati Litwani.

1.4 Assistenza

Il-preżenza ta’ rappreżentant legali/avukat mhix meħtieġa. Il-qrati jipprovdu assistenza biex jimtlew il-formoli, iżda ma jagħtux pariri dwar il-mertu tat-talba. L-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 861/2007 jistabbilixxi l-assistenza prattika u l-informazzjoni li tingħata lill-partijiet fil-proċedimenti minn korpi li jipprovdu għajnuna legali primarja garantita mill-Istat.

1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi

Il-ġbir tal-provi huwa regolat mill-Kapitolu XIII tal-Parti II tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili.

1.6 Proċedura bil-miktub

Skont il-proċedura nazzjonali għal talbiet żgħar, il-qorti li tisma’ l-kawża tista’ tiddeċiedi hija nnifisha dwar il-forma u l-proċedura għas-smigħ tal-kawża. Seduta orali tista’ ssir meta’ ssir rikjesta minn tal-inqas parti waħda. Bil-proċedura bil-miktub, il-persuni nvoluti fil-kawża ma jiġux imsejħa u ma jattendux għas-seduta ta’ smigħ il-qorti. Il-persuni nvoluti fil-kawża jiġu notifikati bil-proċedura bil-miktub skont l-Artikolu 133(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili. Jekk il-każ jinstema’ rigward il-merti skont il-proċedura bil-miktub, id-data, l-ħin u l-post għas-seduta tal-qorti kif ukoll il-kompożizzjoni tal-qorti jiġu mħabbra fuq sit elettroniku speċjali tal-inqas sebgħat'ijiem qabel id-data tas-seduta ta’ smigħ, ħlief fil-każijiet speċifikati mill-Kodiċi, fejn il-partijiet jiġu notifikati bi proċedura differenti. Din l-informazzjoni tingħata wkoll mir-reġistru tal-qorti.

1.7 Il-kontenut tas-sentenza

Skont il-proċedura nazzjonali għal talbiet żgħar, id-deċiżjoni tal-qorti jenħtieġ li jkollha partijiet introduttorji u operattivi u tagħti dikjarazzjoni qasira tar-raġunijiet.

1.8 Rimbors tal-ispejjeż

Għat-talbiet żgħar titħallas tariffa tal-qorti (žyminis mokestis) fl-ammont stabbilit fl-Artikolu 80(1)(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja. Tammonta għal 1/4 tat-tariffa pagabbli għat-talba, iżda mhux inqas minn EUR 10.

1.9 Il-possibilità ta’ appell

L-Artikolu 29 tal-Liġi jipprovdi illi d-deċiżjonijiet tal-qrati Litwani adottati taħt il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar jistgħu jiġu appellati. Il-proċedura ta’ appell hija regolata mill-Artikoli 301-333 tal-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili Litwan. Skont l-Artikolu 307(1) tal-Kodiċi, fejn ikun hemm raġunijiet għall-appell, l-appell jrid jiġi ppreżentat fi żmien 30 ġurnata mid-data tad-deċiżjoni tal-qorti.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.