Sib informazzjoni għal kull reġjun
1 L-eżistenza ta’ proċedura speċifika għat-talbiet iż-żgħar
Il-proċedura speċifika għal talbiet żgħar hija rregolata mill-Kapitolu 380 tal-Liġijiet ta’ Malta (l-Att dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar) kif ukoll mil-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 380.01, 380.02 u 380.03.
1.1 L-ambitu tal-proċedura, il-limitu
Dan it-tribunal [Tribunal għal Talbiet Żgħar] għandu ġuriżdizzjoni biss biex jisma’ u jiddeċiedi dwar talbiet ta’ flus li ma jaqbżux l-ammont ta’ EUR 5 000.
1.2 Kif tiġi applikata l-proċedura
Il-proċedimenti jibdew meta l-parti li tagħmel it-talba timla l-formola neċessarja, ppreżenta t-talba tagħha fir-Reġistru tat-Tribunal, tħallas id-dritt u titlob lit-Tribunal jinnotifika lill-konvenut bit-talba. Il-konvenut imbagħad ikollu tmintax-il jum min-notifika b’talba biex jippreżenta r-risposta tiegħu. Huwa jista’ jagħmel kontrotalba wkoll. Jekk il-konvenut jidhirlu li għandu jkun ħaddieħor li jħallas it-talba tal-attur, huwa għandu jindika min hi dik il-persuna. Imbagħad, ir-Reġistratur għandu jinnotifika lill-partijiet bid-data u bil-ħin tas-smigħ. Il-ġudikatur jirregola l-proċedimenti quddiem it-Tribunal kif ikun jidhirlu xieraq skont id-dettami tal-ġustizzja naturali. Il-ġudikatur għandu jiżgura li każ għandu, kemm ikun possibbli, jinstema’ u jinqata’ sommarjament fl-istess jum tas-smigħ tiegħu u li dak is-smigħ ma jtulx iktar minn seduta waħda. Huwa għandu jitgħarraf b’kull mod li jista’ jidhirlu xieraq u ma jkunx marbut bil-prattika dwar l-aħjar prova jew dwar xhieda fuq kliem ħaddieħor jekk ikun sodisfatt lix-xhieda li jkollu quddiemu tkun biżżejjed veritiera li biha jista’ jasal biex jaqta’ l-każ li jkun qed jittratta. Huwa għandu jiddeżisti kemm jista’ jkun milli jqabbad periti sabiex jagħtu l-parir espert tagħhom. Huwa għandu jkollu l-istess setgħa daqs maġistrat li joqgħod fil-Qorti tal-Maġistrati fil-kompetenza ċivili tagħha u b’mod partikolari għandu jkun jista’ jħarrek ix-xhieda u jamministralhom il-ġurament.
1.3 Formoli
Il-parti li tagħmel it-talba għandha timla l-formola għat-talba li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 380.01 (Regoli dwar Tribunal għal Talbiet Żgħar). Il-konvenut għandu jagħmel ir-risposta tiegħu billi jimla formola wkoll, li tinsab ukoll fl-ewwel Skeda tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja msemmija hawn fuq.
1.4 Assistenza
Il-partijiet jistgħu jkunu assistiti minn kwalunkwe persuna: dan ma jridx ikun bilfors avukat jew prokuratur legali.
1.5 Regoli dwar is-smigħ tal-provi
Il-partijiet jistgħu jippreżentaw il-provi bil-fomm, f’forma dokumentarja jew iż-żewġ tipi flimkien. Xhud jista’ jitħarrek — mill-inqas tlett ijiem qabel id-data meta x-xhud ikun meħtieġ li jixhed — biex jidher quddiem it-Tribunal f’data speċifika u f’ħin speċifiku biex jagħti x-xhieda tiegħu jew iġib miegħu xi dokument. Jekk xhud li jkun ġie debitament imħarrek jonqos milli jidher waqt seduta, it-Tribunal jista’ jordna li dak ix-xhud jinġieb b’arrest għal seduta li ssir f’data oħra.
1.6 Proċedura bil-miktub
It-talba u r-risposta għaliha jsiru bil-miktub. Il-provi jistgħu jkunu dokumentarji. Madankollu, id-dehra quddiem it-Tribunal fid-dati stabbiliti minnu hija obbligatorja.
1.7 Il-kontenut tas-sentenza
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-ġudikatur għandu jelenka d-dettalji ewlenin li jkun qed jibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuqhom. Fl-istess deċiżjoni, huwa għandu wkoll jiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
1.8 Rimbors tal-ispejjeż
F’kull deċiżjoni, il-ġudikatur għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż li xi waħda mill-partijiet ikollha tbati. Sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali li jitolbu xorta oħra, il-parti li titlef tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tal-parti l-oħra li l-każ ikun inqata’ favuriha. L-ispejjeż ikunu limitati għan-nefqiet effettivi li jkunu saru b’mod dirett dwar il-każ mill-parti li l-każ ikun inqata’ favuriha. Fil-każ ta’ talba vessatorja jew frivola, it-Tribunal jista’ jordna lill-parti li tkun għamlitha biex tħallas lill-konvenut penali ta’ mhux inqas minn EUR 250 u mhux iżjed minn EUR 1 250, u din il-penali tkun dovuta bħala dejn ċivili.
1.9 Il-possibilità ta’ appell
Kull appell minn deċiżjoni tat-Tribunal irid jiġi ppreżentat fir-Reġistru tal-Qrati b’rikors li jsir fil-Qorti tal-Appell fil-kompetenza inferjuri tagħha, fi żmien għoxrin jum mid-data meta l-Ġudikatur ikun ta d-deċiżjoni tiegħu.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.